Editorjal | Sens komun, jew in-nuqqas tiegħu!
Kieku kellna nibdlu s-sens ta' à là biebiżmu mas-sens komun, li ma jridx wisq forza, u naturalment u bħal dejjem l-infurzar biex forsi ħafna mill-problemi, traffiku u dewmien fit-toroq jibda jonqos
Nitkellmu ħafna u ngergru ħafna dwar l-istat tat-traffiku, il-bżonn urġenti ta' titjib fit-trasport pubbliku biex jirrifletti aħjar il-bżonnijiet tal-lum, proġetti tat-toroq u wara kollox il-bżonn urġenti wkoll li jkun indirizzat it-traffiku fit-toroq tagħna.
Iżda wieħed ftit jisma' diskors dwar il-bżonn ta' diċenza u s-sens komun fit-toroq tagħna u l-bżonn li jkun indirizzat in-nuqqas ċiviku ta' numru ta' persuni li għax komdi huma komdu kulħadd.
Nibdew mill-parkeġġ ħażin f'diversi inħawi tal-pajjiż li ħafna drabi jwaqqaf u jwaħħal it-traffiku. Nies li bl-iskuża ta' "qadja malajr" jipparkjaw kif ġie, ġie imbagħad jiġi xi trakk jew tal-linja u erħilna nitilqu f'kor ta' tpaqpiq u għajjat għax ħadd ma jista' jgħaddi. Jew inkella xi ħadd li jipparkja sakemm jinżel jixtri xi żewġ pastizzi, għall-kumdità tiegħu jew tagħha. Jew inkella - u kull min ikun fl-inħawi tal-Isptar Mater Dei jaf li dan huwa l-każ b'mod frekwenti - xi ħadd li jwaqqaf il-karozza eżatt faċċata tal-bieb tal-isptar u jħalli purċissjoni xarabankijiet u karozzi jistennew sakemm jistenna lil xi ħadd ħiereġ mill-karozza jew xi ħadd ħiereġ mill-isptar. X'jimpurtah jekk qed iwaħħal it-traffiku! X'jimpurtah li għexieren ta' nies qed jistennew tal-linja biex imorru għax-xogħol! L-aqwa li komdu hu, komdu kulħadd.
It-tieni problema hija wkoll is-sens ta' rabja li qed tiżdied fit-toroq. Nies li qed jitilfu l-paċenzja u allura jsuqu qishom qegħdin f'xi trakka tal-Formula 1. X'jimpurtahom li qed jagħmlu ħafna storbju! X'jimpurtahom li - allaħaresqatt - dan is-sewqan jista' jkun ta' periklu għal min qed jaqsam u għal min qed isuq stess! L-aqwa li nuru kemm tiġri l-karozza u l-aqwa li l-karozza nuzawha qisha ġugarell biex niżvogaw!
Imbagħad hemm id-daqs tat-toroq marbuta mal-parkeġġ. Toroq daqs kuritur ta' dar bħal, eżempju klassiku, Triq L-Imrabat. Mela triq wiesgħa ftit metri, parkeġġ fuq iż-żewġ naħat, two-way u jridu jgħaddu f'ħafna ħinijiet tal-linja, kemm sejrin lejn San Ġwann u anke dawk sejrin lejn Tas Sliema. Bil-konsegwenza li ħafna mid-drabi tal-linja biex tgħaddi ddum l-isbaħ kwarta, daqqa tieqaf għax xi ħadd ipparkjat ħażin, daqqa tieqaf għax trid tgħaddi tal-linja oħra u jekk tinzerta wara xi trakk, għid li għandek eternità. Sempliċiment ma tagħmilx sens! F'toroq bħal dawn jew ma jistax ikollok parkeġġ fuq iż-żewġ naħat, jew ikunu one way, jew inkella ma jistax jgħaddi trasport pubbliku u kwalunkwe vettura kbira - ħlief għal xogħlijiet. Ma jistax ikun li f'kuritur inqegħdu kollox, daqslikieku highway!
U finalment hemm is-servizzi, fosthom is-servizz ta' ġbir tal-iskart li issa qed isir bejn is-7:30 a.m u d-9:30 a.m - fi ftit kliem fir-rush hour. Il-kontra eżatt ta' dak li qal illi jixtieq isir il-Ministru għat-Trasport ma' din il-gazzetta! Ma tagħmilx aktar sens li dan is-servizz ikun immexxi mqar b'sagħtejn u jibda fid-9:30 a.m sal-11:30 am? Ikollok toroq - bħal Paola Road, Ħal Tarxien triq oħra kuritur, bin-nies sejrin għax-xogħol u trid toqgħod tistenna bi ċlikki, ċlikki wara taż-żibel, fir-rush hur. Tagħmel sens din, imma?
Kieku kellna nibdlu s-sens ta' à là biebiżmu mas-sens komun, li ma jridx wisq forza, u naturalment u bħal dejjem l-infurzar biex forsi ħafna mill-problemi, traffiku u dewmien fit-toroq jibda jonqos.