Editorjal | Is-serħan il-moħħ li qed jinwkieta lin-nies!
Hemm bżonn li l-messaġġ ikun ċar: Min jikser il-liġi, fil-ftit jew fil-ħafna, irid iħallas ta' għemilu
Kull xahar il-gazzetta oħt tal-ILLUM tippubblika sondaġġi li jitrattaw is-sitwazzjoni tal-partiti politiċi u anke l-livell ta' fiduċja tan-nies fil-mexxejja politiċi. Naturalment u kif ħafna drabi mistenni, din il-parti tas-sondaġġ tingħata l-aktar importanza minn bosta u sikwit jintesa jekk mhux jkun injorat dak li joħroġ mis-sondaġġ u li għandu jqajjem ħafna iktar diskussjoni fil-pajjiż. Diskussjoni li tmur lilhinn minn numri, imma li titratta dak li qed jinkwieta lin-nies.
U x'qed jinwkieta lin-nies? Huwa ċar mill-aħħar sondaġġ ippubblikat fil-gazzetta Maltatoday li l-kriminalità u allura l-ġustizzja magħha huma l-akbar inwkiet. Huwa veru li dan ikun ħafna drabi riżultat ta' avvenimenti li jkunu ġraw qabel jew waqt li jsir is-sondaġġ u għalhekk il-fatt li r-rata ta' kriminalità u l-ġustizzja telgħu tant fil-lista ta' tħassib hija bla dubju riżultat ta' avvenimenti li ġraw fl-aħħar ġimgħat.
L-aktar każ li xxokkja lill-poplu, bla dubju, kien dak ta' Pelin Kaya li qajjem ħafna diskussjoni u mistoqsijiet dwar sewqan taħt l-effetti ta' xorb jew droga, kwistjonijiet ta' rabja u anke vjolenza. Kellna każ ieħor ftit wara ta' ġlieda fil-Belt Valletta li kellha konsegwenzi serji, bil-Prim Ministru nnifsu jħoss il-bżonn li jesprimi inkwiet serju għas-sigurtà ta' bintu stess. U qabel dan kollu kellna l-każ ta-inġustizzja kbira li saret fil-konfront ta' Sion Grech li inqatlet 18-il sena ilu, biha u l-familja tagħha jibqgħu mingħajr ġustizzja 18-il sena wara.
Dan kollu qed iqajjem tħassib serju fost il-poplu, tħassib espress mill-Prim Ministru stess, li hemm xi ħaġa li mhux qed topera sew, li hemm xi nuqqas ximkien - kemm istituzzjonali imma anke soċjali, li qed iwassal għal element ta' vjolenza.
U naturalment dan iwassal biex kulħadd jibda b'dik li tissejjaħ il-blame game. Min iwaħħal fil-Gvern, min iwaħħal fil-barranin, min iwaħħal fil-Qrati u min iwaħħal fis-soċjetà in ġenerali.
Dan l-editorjal jemmen li t-tort huwa - xi ftit jew wisq ta' kulħadd. Żgur li hawn perċezzjoni - hix realistika jew le hija ħaġa oħra - illi hawn nuqqas ta' infurzar u sens ta' dixxiplina, ibda mis-sewqan u ibqa' sejjer sal-ġbir tal-iskart. Sens ta' "u iva mhux xorta! Mur ara!" Din il-perċezzjoni trid tkun miġġielda u tista' tiġi miġġielda b'aktar pulizija fit-toroq -speċjalment f'postijiet bħal Paceville u Buġibba - multi akbar u fl-aħħar mill-aħħar sentenzi li huma ħafna iktar iebsa. Sentenzi li jservu ta' deterrent aħrax għal kull min jaħseb li jista' jieħu l-liġi b'idejh, Malti jew barrani. Sentenzi li jinkludu priġuneriji jew ripatrijazzjonijiet f'każ fejn persuna tkun għal darba, tnejn, tlieta qed toħloq problemi u twettaq reati li jpoġġu s-sigurtà tan-nies fil-periklu. Ma jistax ikun li l-Pulizija - li kif inhuma l-affarijiet diġà qegħdin mġebbdin sa ruħ ommhom - jagħmlu xogħolhom u jmexxu kontra min ikun qed jikser il-liġi, biex imbagħad dawn jingħataw xi sentenza sospiża jew multa. Speċjalment f'każi fejn xi ħadd qed jikser il-liġi u jpoġġi lil ħaddieħor f'periklu għal darba, tnejn, tlieta! Inkella minflok l-ordni, jkollna l-liġi tal-marmalja, fejn is-saħħa fiżika u s-salvaġiżmu jgħodd.
Hemm bżonn li l-messaġġ ikun ċar: Min jikser il-liġi, fil-ftit jew fil-ħafna, irid iħallas ta' għemilu.
Ikun hemm min jalludi li dan allura jfisser stat polizjesk. Din hija eseġerazzjoni li jagħmilha min irid il-liġ tal-ġungla, li qed naraw fhiex issarraf. Inkwiet fost in-nies u inċidenti koroh, li għalkemm inevitabbli jistgħu jonqsu bid-deterrent.
Mhux stat polizjesk imma messaġġ ċar permezz ta' preżenza akbar tal-pulizija u sentenzi aktar ħorox - speċjalment kontra min jibqa' ma jitgħallimx - sabiex il-poplu jkollu s-serħan tal-moħħ.
Is-serħan il-moħħ jaf tinstema' klixè. Imma s-serħan il-moħħ u s-sens li persuna qed tħossha li qed tgħix f'pajjiż sigur, fejn tista timxi barra mal-lejl mingħajr biżà, fejn tirrenja l-ordni u r-rispett lejn l-awtorità u mhux il-marmalja u l-kriminal hija parti importanti mill-kwalità ta' ħajja.
Jekk inti għandek l-ulied taf li lil uliedek tridhom jitrabbew f'pajjiż sigur, f'pajjiż fejn bintek tista' toħroġ timxi mingħajr biżà. Karatteristika li wara kollox kienet xi ħaġa li tant kienet tiddistingwina minn bliet u pajjiżi kbar.
Naturalment, apparti l-infurzar hemm bżonn tal-edukazzjoni. Hija ħasra li tara tfajliet u ġuvintur li minn età fejn suppost qed jifformaw il-futur tagħhom u f'età fejn suppost qed jitgħallmu r-rispett u minflok diġà qed jidolizzaw il-vjolenza, d-diżrispett, l-għira u l-ħajja superfiċjali mingħajr direzzjoni u mingħajr futur. Futur li probabbilment ikun jinkludi l-abbuż, il-kriminalità u xi ikla ħabs.
Fejn huma l-ġenituri ta' dawn it-tfal? Fejn hi s-sistema biex tassigura li ħadd ma jibqa' jaqa' mix-xibka soċjali biex ma jibqax ikollna fallimenti li jittrażmettu lilhom infushom f'rabja u kriminalità?
Hemm susa li qed tiekol. U din is-susa jeħtieġ tkun indirizzata minn kulħadd: Mill-Gvern u l-istituzzjonijiet sa Ċikku l-Poplu!