NEMMEN – MA NEMMINX

Nemmen f’min jiġġieled l-inġustizzja u jħallas il-prezz talli jiddenunzja lill-poter

Jiena nemmen f’Alla l-Missier li jista’ kollox. 

Ma nemminx f’Alla li jibgħat lin-nies l-infern għal dejjem. 

Nemmen fil-Knisja Kattolika Appostolika. 

Ma nemminx li hawn xi Knisja waħda b’monopolju tal-verità. 

Nemmen li Alla Huwa mħabba u jrid li kulħadd imur il-Ġenna. 

Ma nemminx f’Alla jew fi Knisja li tikkapparra l-Ġenna kollha bla ma tħalli spazju għal ħadd ieħor li hu barra mill-Knisja. 

Nemmen li Ġesu’ Hu uniku, l-Iben t’Alla. 

Bħalma l-Buddha u sħabu tal-elf ħsieb għaġnu popli sħaħ biex isiru aħjar. 

Nemmen f’min jiġġieled l-inġustizzja u jħallas il-prezz talli jiddenunzja lill-poter. 

Ma nemminx f’dawk li jitkellmu biss skont l-aġenda politika partiġġjana u jagħlqu ħalqhom meta l-istess inġustizzja jagħmluha huma stess jew in-nies tagħhom. 

Nemmen fin-Natura, l-għasafar li jgħannu u jtiru, għelieqi ħammiela mimlijin ilwien li jitkellmu fis-silenzju. 

Ma nemminx f’min jitkellem ħafna dwar l-ambjent imma jibni kullimkien biex idawwar sold. 

Nemmen fil-bniedem. 

Imma iktar ma nagħmilha mal-bnedmin nemmen iżjed fil-kelb. 

Nemmen li hemm ħajja oħra, inkella l-ħajja t’issa hi wisq qasira, mimlija mard u bard biex timlieli ħajti u tagħti sens lil ħajti. 

Ma nemminx li l-annimali m’għandhomx il-Ġenna tagħhom fejn jiltaqgħu mal-iljun li jgħix man-nagħġa flimkien u jħobbu lil xulxin għal dejjem. 

Nemmen fl-Anġli, u għandi ħolma meta niltaqa’ mal-Anġlu Kustodju tiegħi u ta’ sħabi, ngħidlu grazzi tal-ħrejjef li emmint u l-‘Father Christmas’ li laqqgħani miegħu, tar-rigali li xtaqt u ġabli, talli tani motiv biex nobdi u narah bil-moħbi jbus lil ommi f’lejliet il-Milied u jagħtini s-sikurezza li anki ‘Father Christmas’ jiġi mill-Antartika apposta għalija. 

Nemmen fl-anġli għax nemmen li hemm dejjem xi ħaġa tajba f’kull wiċċ Laskri li spiss niltaqa’ miegħu. 

Nemmen li għandi dritt nibqa’ noħlom – anki meta naf li mhux veru. 

Għax meta nieqaf noħlom, immut. 

NON OMNIS MORIAR 

Le, ma mmutx, nibqa’.

More in Socjali