Il-Partit tal-Lemin
L-ideoloġija tal-lemin qed tirbaħ l-imħuħ u l-qlub tal-ġenerazzjoni li tielgħa speċjalment dawk ta’ taħt il-35 sena. Dan hu veru mhux biss fix-xena politika lokali imma wkoll fil-Knisja kattolika Maltija
F’Malta se jirbħu l-partiti tal-lemin. L-ideoloġija tal-lemin qed tirbaħ l-imħuħ u l-qlub tal-ġenerazzjoni li tielgħa speċjalment dawk ta’ taħt il-35 sena. Dan hu veru mhux biss fix-xena politika lokali imma wkoll fil-Knisja kattolika Maltija. Id-diskorsi pubbliċi li qed jagħmel Dr Bernard Grech qed juru li qed isegwi l-linja tal-Lemin estrem. Ovvjament hemm uħud, bħal Dr Demarco, l-Eks Deputat Kap, li qed iwissi kontra dan il-periklu. Imma l-PN għandu bżonn il-voti tal-Lemin ukoll. U l-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tal-Kurja taqa’ fil-muta!
Il-Partit Nazzjonalista qed ifittex ideoloġija li tappella għall-elettorat biex jikkonsolida r-rebħa tat-tielet siġġu fil-Parlament Ewropew. L-istrateġija hija ċara: irrepeti dak li qed jagħmel suċċess fil-politika Ewropea għal dawn l-aħħar snin – isħaq, irrepeti, ħambaq fuq il-“valuri” tal-Lemin u tal-Lemin estrem. Qed jagħmlu suċċess. U għaliex Malta le?
Ir-rebħa sorprendenti tal-Lemin Estrem ta’ Geert Wilders fetħet il-bieb biex il-Gvern imexxi f’għaqda ma’ partiti oħra tal-Lemin. Din fetħet il-possibbiltà li partiti oħra fl-Ewropa jingħaqdu ma’ partiti oħra tal-Lemin biex jgħaqqdu Gvern ta’ koalizzjoni bi programm miftiehem. Ejja nispekola: jekk il-PN ikompli ma jurix tkabbir ta’ sapport mill-elettorat Malti, x’jiġri jekk il-forzi kollha tal-Lemin f’Malta jingħaqdu flimkien biex jakkwistaw il-poter u t-tmexxija tal-maġġoranza? L-istess lingwaġġ li qed jużaw kelliema tal-Lemin qed ikun l-istess. Ir-riżultat? Min kien se jivvota PN tista’ tiġih it-tentazzjoni li jivvota, minflok, lill-partiti “vera” tal-Lemin!
Dak li ġara fin-Netherlands. Sa qabel l-elezzjoni kulħadd kien jgħid kontra Wilders – imma hekk kif ġab l-iktar voti diġà beda jbiddel id-diska u jwiegħed li jaqsam il-poter ma’ partiti oħra. Dawk li qabel l-elezzjoni kienu jgħidu li mhux ser jingħaqdu f’koalizzjoni miegħu, issa li ġab l-iktar voti, bdew jittitubaw.
Kien għalhekk li d-diskors waqt il-Konferenza Ġenerali ta’ dan l-aħħar, hu indikattiv u profetiku. Dr Mario Demarco, l-Eks Viċi Kap tal-PN, fuq il-passi ta’ missieru Guido, qal: “Irridu niftakru fl-għeruq tagħna, aħna partit taċ-Ċentru nħarsu lejn ix-Xellug” u m’għandniex naqgħu fin-nasba ta’ populiżmu li jrebbaħ il-voti.
Bħan-Neo-Faxxisti Maltin, Imperium Europa, li beda fl-2000 minn Norman Lowell, qed jistenna l-partiti mainstream li jirrepetu l-mantra ideoloġika tagħhom kontra l-barranin. Huma l-barranin li rduppjaw il-popolazzjoni. Huma l-barranin li ma tistax tmur u tinqeda malajr l-isptar għax iridu jservuhom ukoll qabel il-Maltin. Huma l-barranin li qed jheddu l-identità kattolika u Nisranija tagħna billi jġibu magħhom it-twemmin tagħhom u se jieħdu over it-tmexxija ta’ Malta. Kull fejn tmur, anki f’bar, ħlief barranin ma ssibx speċjalment dawk l-għedewwa tal-Kristjani u l-Kruċjati Nsara li missirijiethom iġġieldu l-identità kristjana tagħna. L-agħar huma l-barranin suwed!
Imperium Europa se jżid il-voti iktar mad-diskors “populista” jaqbad l-art. Għax jibni fuq paniku morali, kif qed jippruvaw jagħmlu xi elementi fil-PN. M’iniex profeta, u lanqas l-aqwa statistiku li għandna Malta, Vincent Marmara, imma jekk fl-elezzjonijiet Ewropej tal-2008 Norman Lowell ġab 84 vot biss (0.03%) u fl-2014 tela’ għal 6,761 (2.68%) u fl-Ewropej tal-2019 ġab 8,238 (3.17%), is-sena d-dieħla kemm se jġib aktar?
Id-diskors tal-Lemin estrem, fejn qabel kien jiġi injorat u mwarrab, issa qed isir mainstream fil-politika Maltija. Partiti tal-Lemin estrem qed isiru parti mill-Gvern ta’ pajjiżhom: fl-Awstrija, id-Danimarka, il-Fillandja, il-Greċja, l-Italja, in-Netherlands, in-Norveġja, l-Iżvezja u l-Iżvizzera.
F’ħafna pajjiżi dawn saru tant aċċettati li m’hemmx bżonn ta’ ġustifikazzjoni politika biex jingħaqdu f’forza ta’ Gvern biex imexxu pajjiż.
Fl-2010, il-European People’s Party ippubblika l-Manifest tiegħu. L-EPP hu l-ikbar forza politika fl-UE u li l-Partit Nazzjonalista jagħmel parti minnhom. “Ewropa li tippreserva l-mod kif ngħixu bħala Ewropej” hija l-ideoloġija li trid timxi l-Ewropa fejn jidħlu l-immigranti.
U l-Knisja f’Malta x’qed tgħid?
Tkellimt mal-President tal-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tal-Kurja tal-Arċisqof. Bqajt iddiżgustat għall-aħħar. Ituni l-impressjoni, bħal diversi gruppi fil-Kurja tal-Arċisqof, li qed jgħixu f’“bubble” għalihom, jisimgħu l-eku ta’ xulxin u jaħsbu li l-Maltin kollha jaqblu ma’ dik il-pożizzjoni. Bqajt mistagħġeb, bħal ħafna Nsara oħra, kif din il-Kummissjoni suppost titkellem fuq il-ġustizzja u l-paċi, u ma tiftaħx ħalqha dwar l-atroċitajiet li qed isiru f’Gaża fejn nisa, tfal u trabi qed imutu kuljum. Qisu d-diskorsi ċari tal-Papa jsiru għalxejn. Qisu l-pożizzjoni tal-Arċisqof li tkellem ċar u tond dwar id-dinjità tal-ħajja mhux biss tal-Lhud imma wkoll tal-Palestinjani saru għalxejn. Imma l-pożizzjoni tal-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi, x’inhi?
Stiednu lil Roberta Metsola biex jonorawha u jagħtuha ħajr ta’ dak li għamlet f’Iżrael f’isimna! Bħalha, żammu minuta silenzju … iżda għall-Iżraeljani maqtula u mmassakrati biss! U l-Palestinjani? Mhumiex bnedmin, xbieha t’Alla wkoll? Propju t-timing kellu jkun dak il-ħin stess li Iżrael invada l-Palestina?
La hemm ġustizzja u lanqas paċi. U l-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tal-Kurja, minflok tibda kampanja biex tqajjem kuxjenza kontra dawk responsabbli miċ-Ċimiterji tat-trabi u n-nisa, jibqgħu b’ħalqhom magħluq. Anzi, jonoraw lil min imur jifirħilhom!
Skużawni. NOT IN MY NAME!
Tistgħu tgħidulna jekk il-fidili li jmorru l-Knisja jafux kemm infaqtu flus mill-ġbir li nagħtu fil-knejjes biex organizzajtu seminar ta’ unur lill-Kummissjoni Ewropea tad-double-standards li qed juru fejn jidħlu l-Palestinjani?