Milied 2023: Bil-maxtura vojta anki fil-knejjes Maltin!
F’xi wħud vojta. F’oħrajn il-maxtura hi mimlija bir-rigali għal min hu fqir u batut; U fejnu dak li jiċċelebra għeluq sninu fil-Milied? Għalhekk hawn min jikteb “Xmas” flok “Christmas”. Ibiddel il-Christmas Tree mal-Għar ta’ Betlehem. Jagħti r-rigali lil kulħadd imma jinsa ċ-ċelebrant li qed jiċċelebra t-twelid tiegħu
Milied b’maxtura vojta!
U fejnu dak li jiċċelebra għeluq sninu fil-Milied? Għalhekk hawn min jikteb “Xmas” flok “Christmas”. Ibiddel il-Christmas Tree mal-Għar ta’ Betlehem. Jagħti r-rigali lil kulħadd imma jinsa ċ-ċelebrant li qed jiċċelebra t-twelid tiegħu. Imma hawn min jipprietka u jparla fuq Kristu u t-Twelid tiegħu permezz tal-“Christmas Narratives” li qatt ma eżistew u qishom stejjer tat-tfal. Fl-iskrittura, il-Kelma t’Alla, insibu, fl-ewwel żminijiet tal-Knisja, dak li nsejħu “apocryphon” jew “apocrypha”, mhux approvati mill-Knisja Kattolika, imma li huma stejjer ħelwin dwar it-tarbija u t-tifel Ġesù, u kif kien jgħix u jagħmel mirakli.
Maxtura vojta f’Betlehem
Il-Komunità (diġà żgħira) qed tiċkien. Qed taħrab. Meta kont hemm xi ġimgħa qabel il-massakru ta’ Iżrael f’Gaża, kont nixtri rigali apposta minn ħwienet tal-Insara li jgħixu bit-turisti Nsara li jżuru l-Art Imqaddsa. Imqaddsa b’tant dmija bla sens. Illum il-Milied se jkun b’maxtura vojta.
Irċevejt cartoon b’Marija u Ġużeppi jippruvaw jidħlu Betlehem. Sabu l-barbed wire u s-suldati Iżraeljani jimblukkawlhom triqathom – BARRA ’L BARRANIN! Huma, Palestinjani, ma jistgħux jgħixu f’pajjiżhom stess!
Maxtura vojta f’Gaża
Reuter jirrapporta li mill-inqas 17,700 Palestinjan ġew maqtula u 48,780 midruba f’Gaża. Aktar min-nofs dawn il-massakrati huma tfal u nisa. Sptarijiet b’morda jmutu f’sodod bla mediċini, trabi tat-twelid imutu f’inkubaturi, tobba u ġurnalisti maqtula, l-użu ta’ white phosphorus fuq ċivili, ambulanzi jġorru l-midruba attakkati, crimes of war eċċ. Stejjer ta’ kuljum u qisna drajniehom. Minkejja li jeżistu istituzzjonijiet bħas-Security Council tal-UN u l-International Court of Justice, minkejja l-paroli u r-riżoluzzjonijiet, il-massakri jkomplu kuljum.
Maxtura vojta fil-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tal-Kurja f’Malta
Minkejja d-diskors ċar u tond li għamel l-Arċisqof li tkellem dwar id-dinjità tal-ħajja, Palestinjan u Iżraeljan, xorta waħda l-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi, li suppost tiddefendi l-Ġustizzja u l-Paċi, tistieden hawn Malta lill-President tal-Kummissjoni Ewropea biex jifirħulha! Fl-istess żmien li marret ħadet b’idejn il-qattiela tal-Palestinjani u żżomm minuta silenzju għall-mejtin Iżraeljani biss u tinsa l-eluf li qed jiġu assassinati minn Iżrael kuljum! Ġesù hu Palestinjan. U Ġesù llum hu dak li spiċċa bla dar, bla xogħol, bla tama. U l-Kummissjoni? Titkellem vag fuq prinċipji li kulħadd jgħożż imma basta ma jirfsux il-kallu ta’ xi kbarat fi Brussell. Ipokriti u wiċċ b’ieħor. Oqbra mbajda. U qisu mhu jiġri xejn. Basta mmorru l-Knisja nkantaw “Paċi fl-art”!
Maxtura vojta fil-Knejjes Maltin
F’xi wħud vojta. F’oħrajn il-maxtura hi mimlija bir-rigali għal min hu fqir u batut. Il-Kċina ta’ Marta, id-Djakonija f’xi knejjes, l-ikel u l-kenn ipprovdut kuljum mill-Patrijiet Franġiskani fil-Belt, il-Hospice Centre l-ġdid tal-Kurja f’Santa Venera, kappillani li jorganizzaw ikliet għal min hu waħdu, u elf inizjattiva oħra li tipprova li Ġesù ma twelidx għalxejn. U dawk l-eluf ta’ Nsara Għawdxin u Maltin li anki dal-Milied jaħsbu f’min hu batut u waħdu. Dawn huma l-Insara li jispirawna u juruna l-Kewkba ddawwal quddiemna.
Maxtura vojta fil-qlub ta’ bosta
Anki dal-Milied uħud se jgħadduh weħedhom. Min għax għadu kif mietlu r-raġel jew il-mara. Min għax abbandunat minn uliedu stess. Min għax miġġieled minħabba l-wirt jew il-flus. Min għax ittradut jew vittma ta’ backstabbing minn min l-inqas tobsor. Min jiskopri l-ipokrezija ta’ min kien jaħseb li huma ħbieb. Min użat, bħal lumija, u mormi. Anki dawn jgħaddu: il-Milied bla maxtura jew bla bambin fil-maxtura.
Għadni kif ġej minn Lourdes. Kull wiċċ li kien hemm għandu storja unika. Ġejna Malta u sibna l-istess realtà, l-istess nies, l-istess problema. Imma l-Madonna ta’ Lourdes għallmitna nħarsu lejn din ir-realtà b’mod differenti.
Imma għada jum ġdid.
OLIVER FRIGGIERI, il-ġgant Furjaniż, għamlulu mafkar fil-Furjana, bi spazju vojt minflok sidru. Naqbel mal-iskultur John Grima li dak il-vojt jirrappreżenta l-milja tal-ħajja li Oliver ħallielna bħala wirt. Niftakar lil Oliver il-MUSEUM tal-Furjana u s-Seminarju. L-umanità tiegħu, il-mistoqsijiet bla tweġiba li kien iqajjem u r-relazzjoni m’Alla jirrappreżentaw dak il-vojt li jistenna li jkun mimli bir-realtà vera – u jibqa’ vojt. Din hi l-enigma ta’ ġrajjiet il-bniedem, annimal bir-raġuni anki meta ma jkunx. Fil-Milied ta’ dis-sena l-anqas Jikbru Fjuri fil-Parlament minkejja x-xita ta’ kliem sabiħ mill-politiċi tagħna, l-awtoritajiet ekkleżjastiċi u personalitajiet oħra li jippritkaw mod u jagħmlu ieħor. Dak il-vojt, anki fil-Milied ta’ din is-sena, se jibqa’ maxtura vojta. Vojta f’art twelidu, vojta fil-knejjes imdiehba tagħna u vojta f’awtoritajiet bla awtorità għax tilfu l-kredibilità mimlija bihom infushom bl-adorazzjoni tal-“hoi polloi” li jinċensawhom biex iżommu posthom.