Il-pjaċir sesswali hu rigal
Hawn min jiskandalizza ruħu malajr meta jisma’ lil min jitkellem dwar is-sess, is-sesswalità, u l-intimità bejn raġel u mara. Imma l-qaddisin u teologi stabbiliti tal-Knisja Kattolika qatt ma beżgħu jitkellmu ċar u tond dwar is-sesswalità
Hawn min jiżżewweġ għas-sess.
Hawn min jibqa’ ġuvni jew xebba minħabba s-sess.
Hawn min jisħet il-mument li żżewweġ u ħaseb li ħajtu se tkun mimlija bis-sess. U tgħallem bl-amment l-iskużi kollha meta l-partner hu indispost: illum uġigħ ta’ ras u għada ma tistax.
Ma nafx liema statistika turi kemm hawn nies li jiżżewġu minħabba s-sess. Ma naħsibx li tista’ tgħoddhom biss fuq idejn waħda. Il-bniedem hu bniedem sesswali u għandi nifhem li xi ħadd jiżżewweġ għalhekk ukoll!
Hawn min jagħmel għażla li jiċħad ħajtu mis-sess għal motiv ulterjuri: biex ikun xhieda ta’ mħabba oħra, ogħla, biex ikollu iżjed ħin biex iservi u jaqdi lill-oħrajn.
Oħrajn isiru ewnuki mill-bnedmin.
Imma s-sejħa normali ta’ persuni ‘normali’ hija li tiltaqa’ ma’ partner, issir tħobbu, u tiddeċiedi li tiżżewġu. Hawn partners, minkejja li jagħmlu l-għażla taż-żwieġ xorta waħda jiddeċiedu li ma jkolhomx tfal jew ma jkolhomx rapporti sesswali. Hawn min jagħżel li hu u l-partner jgħixu fi djar differenti anke wara li jiżżewġu.
Naf koppji li għamlu din l-għażla. Bi ftehim. It-tieġ għamluh sempliċi. Talbu lill-mistidnin biex ma jagħtuhomx rigali tat-tieġ. Iddeċidew li ma jkollhomx tfal. Għażlu li jgħaddu sena separati minn xulxin biex imorru l-missjoni f’artijiet differenti. U wara sena komplew l-għażla ta’ miżżewġin flimkien.
Iddeċidew li jagħmlu l-Vot tal-Kastità fiż-żwieġ tagħhom. Mhux għax iqisu s-sess ħażin imma riedu jagħmlu għażla konxja li tista’ tħobb bla ma jkollok rapport sesswali. Kienu jiddiskutu spiss kif iħossuhom fuq xulxin u kif il-kastità jistgħu jgħixuha anki fil-ħajja taż-żwieġ tagħhom.
Fil-fatt anki tnejn miżżewġin jistgħu jgħixu kasti. Il-kastità mhix għall-patrijiet jew għas-sorijiet biss imma wkoll għall-miżżewġin!
Isejħulha “kastità konjugali”, kastità ta’ bejn żewġ miżżewġin. Konkretament tfisser li r-rapport sesswali bejnietna jkun bejnietna, għax ninħabbu, b’mod esklussiv u għal dejjem.
Huma bosta l-koppji Maltin miżżewġin li jgħixu l-kastità fiż-żwieġ. Li kienu, għadhom u jibqgħu fidili għal xulxin minkejja t-tentazzjonijiet tal-ħajja.
Il-kastità mhix li ma jkunx hemm rapporti sesswali imma tfisser li “ma tużax lill-partner”, ma tagħmlux “tiegħek”, tippossedih. Iż-żina tfisser li nużak bħala oġġett, biex nieħu pjaċir biss jiena, u jinteressani biss mill-pjaċir sesswali tiegħi. Allura, anki bejn tnejn miżżewġin jista’ jkun hemm l-isfruttament, mentalità ta’ “nużak u narmik”. Is-sagrament taż-żwieġ mhux “carte blanche” li tista’ tagħmel li trid. Anki fiż-żwieġ hemm regola – ir-rispett.
Mingħajr rispett m’hemmx imħabba u m’hemmx għażla.
Jekk il-partner irid jara l-pornografija għandi naċċetta jew nagħmel dak li naraw?
Jiddependi.
Jiddependi għaliex? Xi jfisser dan?
Tkun okkażjoni biex nitkellmu flimkien dwar il-ħajja sesswali tagħna u naraw kif flimkien nistgħu nagħmluha aħjar? Jew biex inġiegħlek li kulma tara fil-pornografija tagħmlu? U jekk ma tagħmlux ngħajrek jew nibdlek jew tkun okkażjoni biex nurik li m’għandix bżonnok għax nista’ ngħix ħajti sesswali mingħajrek?
Il-Papa Franġisku tkellem kemm-il darba dwar il-pornografija li faċli tilħaq lil kulħadd – anki lir-reliġjużi. Anki lill-miżżewġin! Anki lil min jaħseb li jħobb!
Il-pornografija teqred is-sesswalità u twassal lin-nies biex isiru ossessjonati bis-sess li jsiru dipendenti, mhux fuq l-imħabba, imma fuq il-pjaċir sesswali egoist fejn il-partner isir oġġett.
Hawn min jiskandalizza ruħu malajr meta jisma’ lil min jitkellem dwar is-sess, is-sesswalità, u l-intimità bejn raġel u mara. Imma l-qaddisin u teologi stabbiliti tal-Knisja Kattolika qatt ma beżgħu jitkellmu ċar u tond dwar is-sesswalità.
Kontroversja riċenti – f’diversi rivisti kattoliċi barranin, mhux Maltin – hu l-ktieb li kien ħareġ il-Kardinal Victor Manuel Fernandez fl-1998 dwar spiritwalità u senswalità. L-ikbar awtorità tal-Vatikan fid-Dekasteru tad-Duttrina tal-Fidi llum, qalgħulu ktieb li kiteb bosta snin ilu, meta kellu xi 30 sena, dwar xeni espliċiti sesswali u kapitlu ddedikat għall-fantasija ta’ tfajla fil-ħolm erotiku tagħha. Nitkellem dwar dan il-ktieb iktar fit-tul f’artikli oħra. Nirreferi biss għat-titli tal-kapitli biex nuri kemm dal-Kardinal iqis is-sess u s-sesswalità bħala don t’Alla. The Mystical Passion: Spirituality and Sensuality għandu disa’ kapitli: “The Fire of Divine Love,” “A Well of Sublime Passion,” “A Crazy Love Story,” “Mystical Passion,” “Until the End,” “My Beautiful One Come,” “Male and Female Orgasm,” “The Path to Orgasm,” and “God in the Couple’s Orgasm”. Huma riflessjonijiet li kiteb għall-koppji miżżewġa li qed ifittxu kif jgħaqqdu l-ħajja intima ta’ tnejn li jħobbu lil xulxin mal-ispiritwalità kattolika. Min hu midħla għall-mistiċi kbar tal-Knisja Kattolika jaf sew u japprezza li l-qaddisin kbar sabu f’ħajjithom stess dik l-għaqda mistika bejn l-estasi sesswali u l-intimità spiritwali m’Alla. San Ġwann Pawlu II jitkellem fit-tul dwar it-teoloġija tal-ġisem. Id-duttura tal-Knisja Santa Hildegard titkellem ċar dwar l-espressjoni sesswali. Il-qaddisin kienu jitkellmu bla ħabi dwar is-sesswalità.
Bħalissa l-Papa Franġisku qed jagħmel katekeżi dwar il-vizzji u l-virtujiet. Tkellem dwar iż-żina u l-pjaċir sesswali.
“Il-pjaċir sesswali hu rigal t’Alla”.
Interessanti x’jgħid il-Papa dwar l-imħabba bejn il-maħbubin. Jekk issaqsi ‘imma għaliex għażilt lill-partner tiegħek? Mhux faċli twieġeb. Meta tisma’ l-kanzunetti tal-lum huma kollha dwar l-imħabba. Imma meta ssaqsi lilek innifsek għaliex inħobbok? It-tweġiba ma tiġix mal-ewwel.
X’inhi r-raġuni li relazzjoni tibda mas-seba’ sema fil-bidu u tispiċċa b’mibegħda u rabja? Fil-bidu kollox sabiħ u bi tbissima imma biż-żmien il-ħolma ssir ħmar il-lejl.
Il-Papa jgħid li waħda mir-raġunijiet tal-falliment tar-relazzjoni hija li tonqos il-kastità.
Il-kastità mhix nuqqas ta’ rapporti sesswali imma tikkonsisti f’dik l-għażla ta’ rispett, li inti tibqa’ inti, ma nippossedikx! Inħobbok tfisser li nirrispettak f’dak li qed tagħmel, fl-ideat tiegħek.
Meta minflok l-imħabba tidħol iż-żina ma jibqax iżjed differenza bejni u bejnek. Inti ssir oġġett tiegħi; trid tagħmel dak li rrid jien; dak li jogħġob lili. Inti ssir l-iskjava tiegħi. Ġismek ma jibqax tiegħek imma jsir tiegħi u għalija. Għas-servizz tiegħi. U trid taqdini issa. Issa. Il-pjaċir tiegħi jiġi qablek. Inkella narmik u nħallik.
Għalhekk, meta l-pjaċir sesswali jiġi qabel il-partner, dik ir-relazzjoni hi destinata li tmut. Tieħu ż-żmien. Imma tmut.
Min jesperimenta – almenu darba f’ħajtu – l-imħabba vera, allura jsir bniedem sħiħ. Love makes the world go round. L-imħabba vera ma tippossedix, ma tagħmlekx skjav, imma ttik il-libertà vera. Tħossok f’postok, tagħtik raġuni għax tgħix.
Min ħabb u kien maħbub, almenu darba, jifhem li l-ħajja hi mħabba u l-imħabba hi l-ħajja.