Mill-kliem għall-azzjoni
Fil-viżjoni wiesgħa tal-MDA, waħda mill-ogħla prijoritajiet tal-2024 se tkun l-elevazzjoni fil-kwalità tal-bini, b’enfasi partikolari fuq il-promozzjoni ta’ strutturi aktar favur l-ambjent
l-Assoċjazzjoni Maltija għall-Iżvilupp (MDA) varat il-pjanijiet tagħha għas-sena 2024 fejn primarjament indikat li se tindirizza l-aktar sfidi kritiċi fis-settur tal-propjetà. L-għanijiet ewlenin jinkludu lobbying għal strateġiji li jindirizzaw l-affordabbiltà, is-sostenibbiltà, il-kwalità, u l-kwistjoni tal-propjetajiet vakanti. Filwaqt li tqis iċ-ċikorstanzi varji tal-ġurnata tal-lum, l-MDA se tkun qiegħda tqis il-ħtiġijiet kurrenti u anke futuri tal-popolazzjoni Maltija u tistedinhom ukoll sabiex jinvolvu ruħom fit-tiswir tal-inizjattivi tagħha.
L-MDA tirrikonoxxi li hemm diversi kontributuri li jwasslu għal sfidi ta’ affordabbiltà tad-djar – fosthom l-inflazzjoni, il-burokrazija, fatturi esterni bħall-gwerer, iż-żieda fit-tassazzjoni fuq importazzjonijiet, u ħafna oħrajn. Konsegwentement, sabiex nimxu ’l quddiem b’mod ġust, irridu nagħrfu l-bżonn għal aktar effiċjenza, trasparenza u l-bżonn ta’ settur ta’ housing sod li jkun għall-interess nazzjonali.
Jirriżulta b’mod ċar u inekwivoku li l-affordabbiltà hija marbuta mal-provista u d-domanda. Minħabba li provista akbar tikkontribwixxi għal prezzijiet aktar aċċessibbli, ippjanar bil- quddiem huwa imperattiv, partikolarment minħabba d-daqs ċkejken ta’ pajjiżna. L-enfasi għandu jkun fuq il-bini ta’ aktar housing fuq art li diġà hija kommessa sabiex niżġuraw l-aħjar utilizzazzjoni tal-infrastruttura u r-riżorsi eżistenti. Bl-istess mod, ikun sensibbli illi żoni barra mill-iżvilupp u żoni ta’ konservazzjoni urbani jitħallew intatti. B’dan il-mod, inkunu qegħdin noħolqu bilanċ bejn id-domanda għal akkomodazzjoni affordabbli u l-preservazzjoni tal-karattru uniku u sinifikat ambjentali ta’ żoni relevanti.
Sabiex naslu fejn irridu naslu, huwa kruċjali li jitjieb il-proċess tal-ippjanar. Jinħtieġ aktar sforz sabiex jitnaqqsu żminijiet ta’ stennija u jitnaqqsu wkoll spejjeż amministrattivi. Il-ħruġ ta’ permessi tal-bini għal proġetti residenzjali u urbani mhux biss jikkumbatti n-nuqqas ta’ djar iżda jippromovi wkoll il-ħolqien ta’ djar sostenibbli, effiċjenti fl-enerġija u b’inqas spejjeż. L-MDA tinnota li l-isfidi amministrattivi, ħafna drabi jirriżultaw minn nuqqas ta’ ftehim jew interpretazzjonijiet ħżiena tal-liġi, u jiġu wkoll minħabba kumplessità bla bżonn li ġġib magħha l-implimentazzjoni żejda tar-regoli tal-Unjoni Ewropea mill-Gvern. Fil-ġurnata preżenti, il-proċess huwa mifni b’burokrazija eċċessiva. Sabiex tissaħħaħ l-effiċjenza, jinħtieġ illi Malta tissimplifika u tiċċara r-regolamenti u b’hekk tkun qiegħda fl-istesss waqt toħloq level playing field għal kulħadd. Proċessi amministrattivi għandhom jibqgħu fis-seħħ biss jekk iżidu valur tanġibbli fis-sistema ġenerali.
Fil-viżjoni wiesgħa tal-MDA, waħda mill-ogħla prijoritajiet tal-2024 se tkun l-elevazzjoni fil-kwalità tal-bini, b’enfasi partikolari fuq il-promozzjoni ta’ strutturi aktar favur l-ambjent.
Riċentement, il-Gvern beda pass kruċjali meta introduċa l-liċenzjar tal-kuntratturi. Però jinħtieġu jittieħdu aktar passi f’din il-miġja biex jiżguraw li kull ħaddiem fuq is-sit tal- kostruzzjoni jkollu l-ħiliet u l-liċenzjar li jkun hemm bżonn. Barra minn hekk, hemm bżonn ukoll jiżdiedu jew jiġu introdotti inċentivi għall-iżviluppaturi, sidien ta’ djar u kull min jagħmel retro-fitting billi jużaw prattiċi favur l-ambjent. It-tnaqqis tat-taxxi, partikolarment fuq it-trasferiment tad-dazju kapitali ta’ propjetajiet billi jiġi applikabbli biss meta jiħqu kriterji speċifiċi ta’ effiċjenza enerġetika, jista’ wkoll iservi bħala inċentiv tajjeb. L-istess prinċipju jista’ jiġi applikat għall-propjetajiet tal-kiri, u b’hekk jiġu promossi propjetajiet effiċjenti fl-enerġija. Aktar minn hekk, sabiex verament nimirħu fi standard tal-bini favur l-ambjent, il- Gvern għandu jibda billi jipprijoritizza l-kwalità u mhux l-orħos offerta fis-sejħa għall-offerti tiegħu.
Meta wieħed jgħaqqad dawn il-miżuri ta’ titjib fil-ħiliet, inċentivi finanzjarji u impenn għas- sostennibbiltà ambjentali, Malta tista’ twitti t-triq għal bini ta’ kwalità għolja li jirrispetta l- ambjent u jikkontribwixxi għal futur sostenibbli u reżiljenti.
L-MDA torbot il-proċess tal-ippjanar mal-kwalità tal-bini u żżid li magħha importanti li titqies it-tielet dimensjoni, ċioè, l-estetika fid-disinn. Din se tkun strumentali sabiex noħolqu ambjent aktar attraenti viżwalment u tabilħaqq pajjiż aktar attraenti.
Il-propjetajiet vakanti joħolqu sfida distinta. Filwaqt illi n-numri mqassma fil-media mhumiex neċessarjament jallinjaw mar-realtà, l-MDA tirrikonoxxi li Malta hija milquta minn numru sostanzjali ta’ propjetajiet vakanti mitluqa. Minbarra l-impatt viżwali negattiv, dawn l-ispazji mhumiex qegħdin jiġu utilizzati f’pajjiż fejn l-ispazju hu li hu. L-MDA tattribwixxi porzjon sinifikanti ta’ tali propjetajiet vakanti għal diversi battalji legali li jieħdu fit-tul wisq. Għaldaqstant, l-MDA tipproponi riforma ġudizzjarja immedjata intiża sabiex tħaffef il-proċess legali u tnaqqas il-perjodu ta’ żmien fejn propjetajiet jibqgħu inutilizzabbli minħabba dan it-tip ta’ tilwim.
Din is-sena u lil hinn, l-MDA hija determinata li tkun minn ta’ quddiem b’inizjattivi ġenwinament trasformattivi fis-settur tal-propjetà. Bi proposti li jippromovu l-inizjattivi tagħha, l-MDA għandha l-għan li toħloq suq tad-djar aktar inklussiv, favur l-ambjent u aċċessibbli.
Lil hinn mill-kliem, azzjonijiet bħal dawn jistgħu jtejbu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti.