Ivan Bartolo | Nibdlu l-ħajjiet
Aħna se nkomplu bl-isforzi kollha tagħna biex niddefendu u nippromovu l-ħajja anke permezz tad-donazzjoni tal-organi
F’dinja bħal tagħna, imdakkra mill-egoiżmu u l-individwaliżmu, meta persuna tiddeċiedi li tkun għotja għal ħaddieħor, bħal tagħti l-ġisem u l-organi għall-ġid tal-komunità, tkun qed tibgħat messaġġ qawwi t’altruwiżmu u ġenerożità. Bħala politiku rrodd ħajr lil kull min b’xi mod jagħmel ħiltu biex jibni pajjiż solidali fuq il-prinċipji tal-ugwaljanza u l-Ġustizzja Soċjali. Minkejja l-limitazzjonijiet umani, bosta bnedmin jagħmlu ħilithom biex jingħataw kollhom kemm huma lill-oħrajn; imma l-għoti tal-organi biex tiġi salvata l-ħajja ta’ xi ħadd marid, jew li wieħed iħalli ġismu biex jintuża għar-riċerka biex b’hekk ikompli jitjieb is-servizz mediku, huma forom speċjali ta’ donazzjoni. Il-valur ta’ dawn l-għotjiet jikber meta wieħed iqis li dawk li jistgħu jgawdu minn din il-ġenerożità huma anonimi. L-iżviluppi mediċi fil-qasam tat-trapjanti, għamluha possibbli biex wieħed jagħmel donazzjonijiet ta’ organi wara mewtu. Hemm każijiet anki matul ħajtu.
Sa mill-ħin li ġie ppreżentat il-Private Members Bill, bnedmin ta’ rieda tajba kitbu, jew tkellmu, u mexxew il-kelma u wasslu l-messaġġ wara din il-ligi, liema liġi tħares lil hinn mill-bżonnijiet individwali tiegħu, imma li wara mewtu joffri lilu nnifsu u jkun ġeneruż ma’ oħrajn.
F’Settembru 2022 ma nistax ma nsemmix il-mewta tragika ta’ Marie Therese Pisani, li mill-organi tagħha bbenefikaw għaxar persuni. Deċiżjoni iebsa tal-ġenituri tagħha Carmen u Joe Pisani. Madanakollu din il-koppja emmnet fil-Ġustizzja Soċjali, emmnet fil-ġid komuni. Dawru traġedja f’ġid inspjegabbli, li wieħed irid jgħaddi mill-esperjenza biex ikun jista’ jifhimha.
Ma nistax illum ma niftakarx ukoll f’sieħbi Simon Galea, li hu wkoll kien fil-lista ta’ stennija għall-organu ta’ kilwa. Madanakollu Simon ħalla din id-dinja ftit tax-xhur ilu. Ħadem ħafna għal din il-liġi. Ħdimna kemm flaħna fil-passat, billi flimkien konna mmorru u niġu mistiedna f’diversi programmi tar-radju, inwasslu l-kelma ta’ din l-għotja.
Bla dubju d-diskussjoni bdiet! Dan hu l-bidu, u din ittini ħafna ferħ għax nistgħu nitgħallmu aktar. Din hija opportunità wkoll biex inqajmu kuxjenza, u anki sejħa lil dawk kollha li għadhom mhumiex parti minn dawk is-27,000 li nkitbu li jħallu l-organi wara mewthom. Jien xorta nibqa’ nemmen u nittama li pajjiżna jkun fost dawk il-pajjiżi li addottaw is-sistema OPT-OUT. Jiġifieri dawk li ma jridux ikunu ta’ għotja tal-organi tagħhom wara mewthom jimlew din il-formola. Din għandha tiġi nnotikifata bl-e.id li hija l-istess sistema li nirreġistraw sa issa għall-Opt In. Bħalma taħdem tant tajjeb f’pajjiżi oħra, għandha taħdem ukoll f’pajjiżna.
Sal-lum, is-sistema kienet bil-kontra. Jiġifieri OPT-IN. Min kien interessat li jkunu donatur jimla formola apposta. Nirrepeti, l-Opt Out tagħti lok lil min ma jridx li jħalli l-organi tiegħu.
Bil-ħajja mgħaġġla tal-lum, minkejja li wieħed jemmen li għandu jirreġistra biex jagħti l-organi, xorta waħda jibqa’ lura milli jagħmel dan. B’hekk il-provista ta’ l-organi tibqa’ dejjem tonqos.
Bla dubju, nifhem li kulħadd jifhem l-intenzjoni wara din il-Private Members Bill. M’għandix dubju li tqum id-diskussjoni dwar il-kummercjalizzazzjoni. Aħna kontra l-kummerċjalizzazzjoni ta’ xi parti mill-ġisem. Ir-riċerka u t-tagħrif, għandna niġbruhom. Li hu żgur hu li l-merti li hemm meta wieħed jirregala xi organu għandu jkun inkoraġġit bħala manifestazzjoni ta’ solidarjetà ġeneruża.
Ninnutaw l-iżviluppi li seħħew fil-qasam mediku tat-trapjanti li għamluha possibbli li wieħed jagħmel donazzjonijiet ta’ organi wara mewtu u f’xi każi anke matul ħajtu. Id-donazzjoni tal-organi tissodisfa bżonn soċjali għax minkejja l-iżviluppi ta’ ħafna trattament mediku, il-ħtieġa tal-organi tibqa’ kbira ħafna. Din l-għotja tfisser li wieħed iħares ’l hinn minnu nnifsu, ‘l hinn mill-ħtiġijiet individwali tiegħu u joffri lilu nnifsu għall-ġid tal-oħrajn. Din l-għotja mhix biss att ta’ responsabbiltà soċjali, imma wkoll espressjoni tal-fraternità universali li tgħaqqad lilna l-bnedmin lkoll flimkien.
Aħna se nkomplu bl-isforzi kollha tagħna biex niddefendu u nippromovu l-ħajja anke permezz tad-donazzjoni tal-organi. Onorat li Membri Parlamentari minn kull naħa, ingħaqdu miegħi f’din l-inizjattiva. Naf ukoll kemm il-President tal-Kamra tar-Rappreżentanti Dr Anglu Farrugia, għandu għal qalbu dan is-suġġett, u b’ferħ insemmi l-inkoraġġiment li għamilli. Bħalu hemm il-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Bernard Grech, il-Ministru tas-Saħħa Dr Jo Etienne Abela, u anki l-Ministru Dr Michael Falzon, li f’telefonata li għamilli s-Sibt filgħodu, irrakkontali storja personali li baqgħet f’moħħi, u se tibqa’ mnaqqxa f’qalbu wkoll.
Liġijiet bħal dawn ikomplu jtejbu u jsebbħu lil pajjiżna, fejn bil-fatti nkunu nistgħu nsalvaw il-ħajjiet, fejn b’wiċċna bil-quddiem inkunu nistgħu ngħidu li din id-daqsxejn ta’ gżira, f’nofs il-Mediterran hija tassew Malta Solidali.
Trid tkun pazjent regolari, fil-lista ta’ stennija għal organu, biex tifhem l-urġenza ta’ dan il-Private Members Bill. F’pajjiżna għandna 100 ruħ jistennew donazzjoni ta’ kilwa, filwaqt li hemm 50 ruħ għal kornea. F’pajjiżna għandna 360 pazjent jagħmlu id-dialysis. Kull pazjent jiġi jiswa lill-Gvern €24,000. Jekk isiru aktar trapjanti, il-Gvern jiggwadanja u l-pazjent ikollu kwalità ta’ ħajja aħjar u dinjità. Għandha ssir kampanja edukattiva sabiex jiġi evitat kull dubju. Jien ċert li b’din il-Private Members Bill ser jiżdied l-altruwiżmu, se jitħallew aktar organi u awtomatikament tonqos it-tbatija minn fostna. L-Ingliterra hija eżempju ċar ta’ kemm żdiedu t-trapjanti, sa minn meta l-liġi saret Opt-Out fl-2019.
Importanti li l-familjari jkollhom l-informazzjoni kollha u x-xewqa tad-donatur. L-aħħar kelma għandha tkun tal-familja. Jeżistu ħafna kunċetti żbaljati minħabba nuqqas ta’ informazzjoni. Pereżempju ssib min jaqbel mal-kremazzjoni imma mbagħad ħa pożizzjoni kontra l-Opt Out. Int x’tagħżel? Tindifen bl-organi meta hemm bnedmin oħra li batew, jistennew tama u bidla fil-ħajja?