Steve Zammit Lupi | Opportunità mitlufa
'Hawn xi ħadd li ġenwinament jemmen li flyover huwa postu f’nofs l-Imsida?'
L-Imsida ilu snin jibla’ dħaħen u tniġġis minħabba eluf ta’ vetturi li kuljum jgħaddu minn dan ir-raħal biex imorru lejn il-Belt Valletta jew San Ġiljan.
Dan minkejja li ftit metri ’l fuq lejn Tal-Qroqq hemm Triq Reġjonali u Triq Mikiel Anton Vassalli li kienu nbnew propju biex it-traffiku lejn iċ-ċentru ta’ Malta ma jgħaddix mill-Imsida.
Frott ta’ nuqqas ta’ ppjanar fit-tul u żieda enormi fin-numru ta’ karozzi privati, l-Imsida spiċċat triq arterjali mimlija traffiku f’kull ħin tal-ġurnata. Dan ħoloq ambjent ikrah u perikoluż għar-residenti u għan-nies li jimxu u li jużaw ir-rota u t-trasport pubbliku.
Illum, li tgħaddi bir-rota mill-Imsida huwa perikoluż u biċċa wġigħ ta’ ras għax infrastruttura għar-roti ma teżistix u l-pedestrian crossings adekwati huma nieqsa jew f’postijiet antipatki. Dan minkejja l-fatt li bosta rħula madwar l-Imsida huma biss ftit minuti ’l bogħod bir-rota.
Fuq naħa tal-Imsida għandek il-Junior College b’popolazzjoni ta’ 2,500 student u fuq naħa għandek l-Università ta’ Malta b’popolazzjoni ta’ 10,000 student. Maġenb l-Università ssib ukoll l-Isptar Mater Dei, u fl-Imsida stess hemm diversi uffiċċji u kumpaniji oħra li jħaddmu eluf ta’ nies.
Meta Infrastructure Malta ħabbru l-proġett għall-Imsida, kellna t-tama li n-nuqqasijiet preżenti jiġu indirizzati. Xtaqna li kwalunkwe intervent ġewwa l-Imsida joffri infrastruttura sigura u diretta sabiex iċ-ċikliżmu jiġi inċentivat, inkluż u jiżdied.
Xtaqna li trasport alternattiv tassew jiġi pprijoritizzat. Flimkien mat-trasport pubbliku, dawn huwa żewġ mezzi effiċjenti kif wieħed jista’ jnaqqas it-traffiku u t-tniġġis fl-arja.
Minflok, Infrastructure Malta ppreżentaw pjanijiet għall-kostruzzjoni ta’ flyover li kien se jippremja aktar is-sewqan u jattira aktar nies jiddependu fuq vetturi privati biex imorru għax-xogħol jew għall-qadi tagħhom, anke jekk id-distanzi huma qosra. Karreġġjati għar-roti huma neqsin, u l-uniku passaġġi li se jkun hemm huma bankini, fejn jeżistu, li la huma diretti u ħafna drabi mhux aċċessibbli. Fi kliem ieħor li taqsam l-Imsida bir-rota xorta se jkun uġigħ ta’ ras u xejn attraenti, minkejja li dan il-proġett se jiswa fuq 35 miljun ewro.
L-awtoritajiet bil-kliem jgħidu li qed jaħdmu biex jinċentivaw mezzi ta’ trasport alternattiv, u bil-fatti fi proġetti attwali qed jagħmlu bil-kontra. X’fiduċja jibqagħlek? Biżżejjed li ċ-ċirkustanzi preżenti huwa diffiċli, imma x’hemm fil-futur se jkun agħar.
ROTA, grupp ta’ volontiera ċiklisti li jaħdmu biex pajjiżna jkollu pjan ħolistiku u sostenibbli fit-trasport, ressaq diversi proposti bħala parti mill-kritika kostruttiva tiegħu fuq eżempji li jaħdmu fi bliet madwar id-dinja. Minkejja diversi laqgħat u qawmien ta’ kuxjenza, dawn il-bidliet fil-proġett ma sarux.
Bħala ċajta tal-ewwel t’April ħabbarna li l-proġett tal-Imsida kif propost intefa’ fuq l-ixkaffa, u minflok se jitwettaq proġett fejn se jsiru interventi sabiex ikollna l-ewwel linja għat-tramm, mezz ta’ trasport għall-massa mill-Belt Valletta sa Mater Dei, li propju jgħaddi mill-Imsida flimkien ma’ network sostenibbli għaċ-ċikliżmu li jgħaqqad l-Imsida ma’ Tal-Pietà, il-Ħamrun, Birkirkara, il-Gżira u Ta’ Xbiex.
Irċevejna mijiet ta’ kummenti ta’ tifħir minn nies li emmnu u ħasbu li vera se jsir hekk. Dan jikkonferma kemm hawn għatx għall-bidla fid-direzzjoni għall-ippjanar sostenibbli, u mhux wieħed li jiffoka biss fuq il-karozzi. Meta ktibna li din kienet sempliċement ċajta, ħafna ddiżappuntaw ruħhom.
Hija ħasra li l-affarijiet sbieħ fejn tidħol il-mobbilità huma meqjusa bħala ċajta f’pajjiżna. Possibbli ma nistgħux inħarsu madwarna u naraw x’qed jagħmlu bliet u pajjiżi ta’ miljuni ta’ nies biex jiġġieldu t-traffiku b’mod ħolistiku? Viċin tagħna ġewwa Ċipru, il-gvern għadu kemm ħabbar proġett enormi għal tramm fuq l-art.
Hawn xi ħadd li ġenwinament jemmen li flyover huwa postu f’nofs l-Imsida?
Għadna fiċ-ċans.
Steve Zammit Lupi huwa l-Bicycle Ambassador tal-NGO ROTA