Ivan Bartolo | INT CHAMPION – Dan hu l-Premju Formidabbli!
'Nhar il-Ġimgħa, il-messaġġ kien wieħed sempliċi: INT CHAMPION, bħalek m’hawnx, is-soċjetà bik u mingħajrek mhijiex xorta'
Anna, Jeanesse, Raisa, Alfred u Joseph – ħames bnedmin li għandhom affarijiet komuni. Il-ħames persuni għandhom impediment, madankollu ma qatgħux qalbhom u baqgħu għaddejjin b’ħajjithom. Mhux biss ... min b’mod u min b’ieħor, baqgħu jagħmlu l-ġid lis-soċjetà. Wara dak il-wiċċ hemm storja, u għalhekk il-ħamsa li huma rebħu l-Premju Formidabbli nhar il-Ġimgħa 21 ta’ Ġunju. Magħhom kien hemm oħrajn li stajt tammira f’kull nominazzjoni l-kuraġġ, l-impenn u r-rikkezzi li hemm bżonn inperrċu. Għax kemm hi iebsa li f’soċjetà suppost progressiva, nisimgħu biss l-aħbarijiet negattivi, bl-istejjer tal-Qorti jieħdu promenenza fil-headlines. Kemm hi iebsa li niftaħru b’soċjetà inklussiva, meta fil-verità ma nafux bir-rikkezzi li hawn madwarna.
Nhar il-Ġimgħa, f’serata mill-isbaħ organizzata mit-tim tiegħi, ħriġna dan ix-xenarju u lil dawn il-bnedmin urejniehom gratitudni. Il-gratitudni hi importanti u dejjem huwa tajjeb li ngħarrfu lil ħaddieħor kemm huwa importanti għalina. L-iskop jibqa’ dejjem il-gratitudni, li hi rigal tal-qalb, dik li tgħaqqad lill-bnedmin flimkien. Il-gratitudni tressaq lill-bnedmin lejn xulxin. Nhar il-Ġimgħa li għaddiet ridna nuru li kulħadd importanti u ħadd m’għandu jkun imwarrab. Imma donnu f’dinja mgħaġġla, ftit huma dawk li jaqraw l-imħuħ u jħossu l-qlub.
Nhar il-Ġimgħa, fis-Sea Bank Hotel Mellieħa, inżammet serata li tibqa’ mnaqqxa f’qalbi. Dan l-ispazju rrenda lis-soċjetà Maltija f’waħda inklussiva. Kulħadd għandu dritt jilħaq il-potenzjal sħiħ fl-aspetti kollha tal-ħajja u kulħadd għandu dritt igawdi kwalità ta’ ħajja għolja. F’din is-serata wassalna diversi messaġġi diretti lill-udjenza preżenti.
Quddiemna għandna impenn kontinwu, dak li nkomplu naħdmu biex nibnu l-mentalità, nisfidaw l-ostakli u noħolqu soċjetà fejn aħna lkoll verament ngħixu bl-aħjar mod possibbli. Kull kisba, anki jekk żgħira, kull daqsxejn indipendenza, iqanqal fina lkoll sens ta’ ewforija. Għax aħna soċjetà inklussiva u l-missjoni tagħna hija li f’dan is-settur nibqgħu ntejbu inizjattivi u miżuri, anki jekk il-progress f’das settur baqa’ għaddej b’ritmu tajjeb tul is-snin minn kull Gvern. Madankollu rridu nibqgħu naħdmu għal kulħadd u rridu nibqgħu nagħmlu aktar u aktar u aktar, speċjalment li tiġi evitata kull forma ta’ diskriminazzjoni diretta jew indiretta.
Din is-serata hija waħda mill-ftit inizjattivi tagħna. Poġġejt fuq il-kalendarju tal-attività politika tiegħi din is-serata bħala waħda speċjali daqs dik tal-Ġustizzja Soċjali li niċċelebraw kull Frar. Imma din tal-Ġimgħa li għaddiet, il-Premju Formidabbli, tibqa’ ttini ħafna enerġija, spinta u tiġdid, għax minnha joħroġ biss ġid. Għalija huwa ta’ sodisfazzjon kbir li nara bniedem jifraħ, li jħares u jara lilu nnifsu f’mera, u ’l bogħod mit-thewdin li jkun għaddej minn moħħ kull persuna li x-xorti tal-ħajja ma tkun daħqitilha daqshekk.
Nhar il-Ġimgħa, il-messaġġ kien wieħed sempliċi: INT CHAMPION, bħalek m’hawnx, is-soċjetà bik u mingħajrek mhijiex xorta. Jim Carey kien qal li “The effect you have on others is the most valuable currency there is.” Jien u t-tim tiegħi nemmnu li fil-ħajja mhux x’ser niksbu jew x’ser nieħdu lura, imma nkunu qed nagħmlu pjaċir lilna nfusna meta nibdew naħsbu aktar x’ser nagħtu. Awtomatikament m’għandniex inkunu sorpriżi jekk wara nibdew nirċievu iktar. L-aktar ħaġa importanti li nagħmlu f’ħajjitna hi meta nagħtu lil ħaddieħor bla ma nistennew xejn lura. Bla ma naħlu ħin, moħħna jrid ikun ikkargat b’tali mod li naħsbu x’nistgħu noffru, x’potenzjal u x’riżorsi għandna biex nibdew nagħtu lil ħaddieħor minn dak li għandna.
Wara serata bħal dik lanqas naf lil min naqbad nirringrazzja. Kemm sibt koperazzjoni. Imma ma nistax ma nsemmix lil żewġ membri partikolari mit-tim tiegħi, Denise Ellul Sullivan u Lino Attard, li minn April li għadda kienu qegħdin jaħdmu fuqha minn tlugħ ix-xemx sa nżulha. Grazzi wkoll lil Melvic Zammit li għalija nqisu bħala l-ankra tas-serata. Ta’ min insemmi x-xogħol li ħadu l-mużiċisti ta’ din is-serata: George Curmi (il-Pusè), flimkien mal-kollega tiegħu Yuri u l-kantanta popolari Lynn Chircop Faure. Kollha flimkien tawna kanzunetti mill-isbaħ!
Mument għal qalbi fis-serata, apparti l-mument tar-rebbieħa, kien il-kanzunetta ‘A Voice Living in Me’, kanzunetta ta’ Lynn Chircop Faure, ispirata minn donaturi tal-organi li wara mewthom biddlu ħajjet bosta pazjenti. Din il-kanzunetta nkitbet apposta għas-serata Premju Formidabbli. Il-lirika fakkritna kif id-donatur jibqa’ l-vuċi ta’ tama, tal-ġustizzja soċjali u fuq kollox tippromovi s-sens veru uman u altruwista li tant huwa bżonjuż fid-dinja llum. Komplejna nifhmu dan il-ġest ta’ opra umana billi Francesca Bartolo tat kilwa f’ħajjitha u bidlet il-ħajja ta’ pazjent li ma tafx.
Iċċelebrajna l-ħajja! Urejna lill-udjenza preżenti li INT CHAMPION! U jibqa’ jidwi l-kliem fi tmiem is-serata li “tkun fejn tkun, ibqa’ agħti valur lill-ħajja, ibqa’ ħares lejn is-sabiħ li hemm f’kull ħaġa, u ibqa’ dejjem ħobb.”