Renee Laiviera | Xi tfisser il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fl-UE?
'Ir-rappurtar ta’ każijiet bħal dawn lill-NCPE huwa għalhekk essenzjali sabiex jiġi żgurat li d-dritt għal-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fl-UE jiġi mħares'
In-numru ta’ ċittadini tal-Unjoni Ewropea (UE) li jgħixu u jaħdmu f’pajjiż ieħor tal-UE żdied b’aktar mid-doppju matul dawn l-aħħar għaxar snin. Fl-2022, kien hemm 17-il miljun persuna jgħixu f’pajjiż ieħor tal-UE, li minnhom 9.5 miljuni kienu attivi fis-suq tax-xogħol.
Dawn iċ-ċittadini huma intitolati biex ifittxu xogħol f’pajjiż ieħor tal-UE, jaħdmu hemm mingħajr il-ħtieġa għall-permess tax-xogħol, jgħixu hemmhekk għal dik ir-raġuni, joqogħdu hemm anki wara li jtemmu l-impjieg, igawdu trattament indaqs bħaċ-ċittadini ta’ dak il-pajjiż għall-aċċess għall-impjieg, il-kundizzjonijiet ta’ xogħol u l-vantaġġi l-oħra kollha soċjali u tat-taxxa. Dawn id-drittijiet huma inċiżi fl-Artikolu 45 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u rikonoxxuti bħala prinċipju fundamentali dwar il-moviment ħieles tal-ħaddiema.
Id-dritt għal-libertà tal-moviment jista’ jitgawda wkoll minn ċittadini tal-UE li jmorru lura f’pajjiżhom wara li jkunu ħadmu f’pajjiż ieħor, kif ukoll membri tal-familja ta’ dawn iċ-ċittadini.
Minkejja li l-libertà tal-moviment iġġib benefiċċji enormi, tippreżenta wkoll ċerti sfidi li jridu jiġu indirizzati. Dawn jinkludu li l-ħaddiema kollha jiġu ttrattati b’mod ġust u ekwu, irrispettivament min-nazzjonalità jew l-isfond tagħhom mingħajr ebda tip ta’ diskriminazzjoni.
F’Malta, il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (l-NCPE) ingħatat is-setgħa biex tkun tista’ tinvestiga lmenti dwar allegat diskriminazzjoni b’rabta ma’ ostakli għall-moviment ħieles minn ħaddiema tal-UE u membri tal-familja tagħhom.
Każ partikolari li ġie investigat mill-NCPE fl-2018 kien jinvolvi ċittadina Ingliża li ttrasferiet ir-residenza tagħha lejn Malta bl-għan li ssib impjieg, iżda li ġiet ordnata titlaq minn Malta minħabba li rriżulta li kienet għadha taħdem fir-Renju Unit. Min-naħa l-oħra, l-ilmentatriċi stqarret li kienet waslet biex tirtira. Sadanittant, hija kienet qiegħda tfittex impjieg f’Malta għax kienet tissodisfa, kemm ir-rekwiżiti finanzjarji, kif ukoll dawk tal-assigurazzjoni.
Wara l-investigazzjoni, il-Kummissarju tal-NCPE ikkonkludiet li minħabba nuqqas mid-Dipartiment ikkonċernat, id-dritt tal-libertà tal-moviment ġie ristrett mingħajr ġustifikazzjoni. Eventwalment, l-ilmentatriċi kisbet residenza f’Malta wara li l-appell tagħha mal-Bord tal-Appell dwar l-Immigrazzjoni ġie milqugħ.
Ir-rappurtar ta’ każijiet bħal dawn lill-NCPE huwa għalhekk essenzjali sabiex jiġi żgurat li d-dritt għal-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fl-UE jiġi mħares. Kif muri miż-żieda sinifikanti fin-numru ta’ ċittadini tal-UE li jgħixu u jaħdmu f’pajjiż ieħor tal-UE matul dawn l-aħħar għaxar snin, il-ħtieġa li jitħares dan id-dritt huwa importanti. Billi nindirizzaw u nsolvu lmenti b’rabta mal-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fl-UE, inkunu qegħdin nikkontribwixxu għat-trawwim ta’ UE aktar inklussiva u ekwa għaċ-ċittadini kollha tagħha inkluż dawk iċ-ċittadini Maltin li huma wkoll igawdu minn dan id-dritt meta jmorru f’pajjiżi oħra tal-UE.
Għal aktar informazzjoni tista’ tagħmel kuntatt mal-NCPE fuq 2276 8200, [email protected] jew fuq il-pjattaformi tal-midja soċjali tal-NCPE (Facebook, Instagram u Twitter - NCPE.Malta)