Jake Muscat | Id-devozzjoni tas-Sacro Cuor bdiet fil-Floriana
'F’dawn iż-żminijiet ta’ inċertezzi tajjeb li nduru lejn is-Sinjura tagħna tas-Sacro Cuor għall-interċessjoni tagħha'
Din is-sena ġewwa l-Floriana qiegħedin jiġu ċċelebrati numru ta’ anniversarji importanti, insemmi l-180 anniversarju mindu l-knisja ta’ San Publju saret Parroċċa, il-150 sena mit-twaqqif tal-Banda Vilhena, u ovvjament it-300 sena mit-twaqqif tal-belt Furjaniża nnifisha mill-Granmastru Manoel de Vilhena.
Apparti dawn pero’ din is-sena wkoll qed jiġu kkommemorati t-twelid ta’ żewġ devozzjonijiet Marjani, li nibtu proprju fil-Floriana stess. Qiegħed nirreferi għad-devozzjoni lejn il-Madonna ta’ Lourdes u dik tal-Madonna tas-Sacro Cuor, it-tnejn 150 sena. F’Mejju li għadda sar pellegrinaġġ bl-istatwa tal-Madonna ta’ Lourdes mill-Knisja Arċipretali sal-Kapuċċini fejn saret quddiesa tal-okkażjoni. Nhar il-Ġimgħa li ġej, cioe’ 27 ta’ Settembru, se ssir ċelebrazzjoni bil-vespri li jibdew fil-17:00, quddiesa fil-17:30 u purċissjoni fis-18:30 bl-istatwa tal-Madonna tas-Sacro Cuor akkumpanjata mill-Banda Vilhena u mmexxija mill-Kanonku Dott. Jonathan Farrugia. Tul it-Tridu li jwassal għal nhar il-Ġimgħa janima l-quddiesa l-Kor Parrokkjali Maranatha’, u f’Jum it-Tifkira jkanta l-Kor tal-Parroċċa tal-Madonna tas-Sacro Cuor, tas-Sliema.
Fi Frar tal-1874 kienet twaqqfet fil-Parroċċa tal-Floriana l-Konfraternita’ tal-Madonna tas-Sacro Cuor, l-ewwel waħda f’Malta, okkażjoni li ġiet ikkommemorata bi statwa tal-istess Madonna fil-kappellun iddedikat lilha fejn insibu wkoll pittura mill-isbaħ ta’ Pietro Gagliardi tal-Madonna tal-Qalb Imqaddsa. Il-pittura u l-istatwa huma uniċi għar-raġuni li f’April tal-1876 il-Beatu Papa Piju IX kien approva l-ikonografija uffiċjali ta’ kif għandha tidher fl-arti x-xbieha tal-Madonna tas-Sacro Cuor, cioe’ li tkun bil-Bambin f’idha u mhux maġemba, u allura kemm il-pittura u kif ukoll l-istatwa ta’ din ix-xbieha Marjana fil-Knisja Parrokkjali tal-Floriana bilfors kellhom jiġu kkummissjonati qabel l-1876. Oriġinarjament, din id-devozzjoni Marjana kienet nibdtet ġewwa Franza fl-1857 f’Issoudun minn ċertu Padre Jules Chevalier meta kkummissjona l-bini ta’ bażilika ddedikata lill-istess Madonna tas-Sacro Cuor kif ukoll waqqaf konfraternita’ ddedikata lilha fl-istess sena. Ġewwa l-Floriana jingħad ukoll li kien indaqq uffiċjalment għall-ewwel darba l-innu tal-Madonna tas-Sacro Cuor, ta’ Sliema mmużikat minn Mro. Domenico Quercetti intitolat ‘Viva Dejjem’ fl-1874 ad unur l-istess Madonna.
F’dawn iż-żminijiet ta’ inċertezzi tajjeb li nduru lejn is-Sinjura tagħna tas-Sacro Cuor għall-interċessjoni tagħha sabiex il-pajjiż jerġa jikseb mill-ġdid dik il-fidi millenarja li tagħtu ħajja spiritwali u morali tul is-sekli. B’hekk inħeġġeġ lil kull min jista sabiex jattendi għal din l-okkażjoni speċjali ġewwa l-Floriana nhar il-Ġimgħa li ġej ad unur Ommna Marija u l-Qalb Imqaddsa ta’ Binha.