Alexander Mangion | Għażiż Karl
'Għalija, Karl ma kienx biss politiku, imma kien ħabib kbir tiegħi'
Għalija, Karl ma kienx biss politiku, imma kien ħabib kbir tiegħi. Tul ħajtu, Karl kien bniedem li kien ħejja ruħu għas-servizz ta’ ħaddieħor.
Kien bniedem li jqiegħed lilu nnifsu fis-sitwazzjoni ta’ ħaddiehor sabiex jara kif jista’ jgħin lil dak li jkun. Bniedem li qatt ma waqaf jagħmel il-ġid ma’ ħaddieħor, fis-skiet, bejnu u bejn ruħu.
Mhux għall-grazzi iżda biex jara tbissima fuq fomm dak li jkun u għax kellu qalb kbira. Kien bniedem tan-nies. Mill-bidu nett tal-karriera politika tiegħu, Karl wera l-karattru ta’ xi ħadd li akkost ta’ kollox, ried jagħmel differenza. Dan għax qatt ma ħalla l-opinjonijiet ta’ ħaddiehor ikunu xkiel għall-progress, kemm għalih, kif ukoll għal dak tal-Partit.
Il-Missjoni tiegħu kienet li jagħmel differenza fil-ħajja ta’ dak li jkun, kif ukoll juri devozzjoni lejn in-nies li jirrapreżenta fiż-żmien li kien membru parlamentari. Kien jitkellem ħafna fuq x’jista’ jsir aħjar fil-qasam politiku u fil-ħajja ta’ kuljum. Tul dawn l-10 snin li ili naf lil Karl, dejjem rajtu bi tbissima fuq fommu. Konna nitkellmu ta’ spiss. Kien itini ħafna pariri siewja.
Bħala persuna privata, Karl kien bniedem ta’ ftit kliem. Min vera ried jifhmu u jagħrfu, għarfu. Kien bniedem devot lejn il-familja tiegħu.
Meta kien jidħol għal biċċa xogħol, kien jidħol b’ruħu u ġismu. Karl wera kemm kien bniedem ta’ rispett għax wara mewtu, għaqqad pajjiż. Ma tistax ma tħobbx bniedem li dejjem ġab rispett lejn kull persuna, ġej minn fejn ġej. Dawn huma t-tip ta’ nies li din id-dinja għandha bżonn.
Strieħ fis-Sliem, Karl. Se tibqa’ f’qalbi.