FIFA, id-dinja: Tal-futbol, tal-iskandli u tal-korruzzjoni
Korruzzjoni, tixħim, voti u arresti. Min huma Joăo Havelange u Sepp Blatter? Għaliex il-FIFA kellha pressjoni mill-President Franċiż biex it-Tazza tad-Dinja tingħata lill-Qatar? Ftit ġimgħat ilu l-ILLUM tat ħarsa lejn il-kontroversji tal-Qatar u din il-ġimgħa lejn l-akbar skandli tal-FIFA
Il-qawl Malti jgħid li l-flus huma l-passaport għall-infern iżda jekk dan huwa l-każ, mela l-FIFA għandha passaport tant b’saħħtu li anke dawra mal-qamar jieħdok. Lil hinn mill-flus iġġenerat b’mod ġenwin, din il-Federazzjoni għandha rekord ta’ korruzzjoni, tant li ħafna jgħidu li dan mhux biss tappan l-immaġni u l-kredibilità tal-Federazzjoni iżda li xekkel l-għan ewlieni tal-futbol, li tgħaqqad id-dinja. Fil-fatt mhux wieħed, tnejn jew tlieta mill-uffiċjali tagħha ġew arrestati fuq korruzzjoni, ħasil tal-flus, tixħim… u minjaf kemm aktar. Minkejja li l-aktar “riċenti” hija dik tal-Qatar, il-FIFA għandha storja ta’ reati kriminali li jmorru lura deċennji ta’ snin, speċjalment mal-ħatra ta’ Joăo Havelange, li kif jgħid il-malti wkoll, kien il-perċimes li wassal għat-triq tan-niżla.
Min hu Havelange u għaliex jissemma?
Havelange, imwieled il-Brażil, ġie elett bħala l-President ta’ FIFA fl-1974 wara kampanja qawwija jdur numru sostanzjali ta’ pajjiżi, f’qasir żmien. Ir-rappreżentazzjonijiet tal-pajjiżi fi ħdan il-FIFA, speċjalment f’każi ta’ votazzjoni għall-sitwazzjonijiet simili, dak iż-żmien kienu imqassma f’sitt konfederazzjonijiet.
Il-popolarità irnexxielu jkabbarha fost ċertu konfederazzjonijiet bl-għajta li waqt il-presidenza tiegħu jagħti prominenza wkoll lill-pajjiżi mhux daqstant żviluppati, b’attenzjoni partikolari għall-pajjiżi Afrikani.
Wieħed ma jistax jiċħad il-fatt li taħt it-tmexxija Havelange FIFA, minn kważi falluta għamlet tkabbir ekonomiku kbir, bi profitti kbar. Fil-fatt bl-għajnuna ta’ Sepp Blatter - dak iż-żmien is-Segretarju Ġenerali iżda aktar tard President huwa wkoll - irnexxielhom jiksbu sponsorships kbar ma’ kumpaniji li għad għandhom saħħa ekonomika sa’ llum, fosthom Adidas u Coca Cola.
Apparti minn hekk Havelage għamel numru ta’ bidliet oħra fid-dinja tal-ballun inkluż kampjonati ta’ taħt is-17-il sena u tan-nisa, aktar immodernizzar u fuq kollox li jkollu kontroll fuq id-drittijiet televiżivi u aktar marketing. Dan b’konnessjoni estensiva mal-kumpanija ta’ marketing sportiva; International Sports and Leisure (ISL), illum m’għadiex eżistenti. Minkejja dan, ħafna jikkritikaw dawn id-deċiżjonijiet għax jemmnu li l-kummerċjalizazzjoni ta’ dan l-isport wassal biex il-futbol tilef ruħu.
L-ISL mietet mewta “traġika” fl-2001 wara evidenza ċara ta’ korruzzjoni, bi djun li jaqbżu l-€177 miljun u b’konnessjoni diretta mal-FIFA. Tant hu hekk li Qorti tal-Isvizzera investigat il-falliment tal-kumpanija fuq miljuni ta’ dollari li kienu maġikament għebu. Il-Kap Eżekuttiv tal-ISL Christoph Malms qal li “l-kumpanija kienet sors privata ta’ flus għall-FIFA u li virtwalment kienet bank privat tal-FIFA.”
Allegazzjonijiet oħra saru wkoll fil-konfront tar-relazzjoni bejn l-ISL u Havelage u li mat-transazzjonijiet monetarja bejn il-kumpanija u FIFA minħabba r-relazzjoni ta’ bejn it-tnejn, kien hemm ukoll it-tielet transazzjoni sigrieta. Dan filwaqt li l-ISL allegatament għaddiet numru ta’ pagamenti ta’ tixħim lill-uffiċjali oħra tal-FIFA. L-inkompetenza tal-immaniġġjar tal-kumpanija ma kinitx biss attribwita għall-korruzzjoni li għamlet tul is-snin, iżda li apparti dan ir-reat għamlet paprata oħra fl-1997. Dakinhar l-ISL għaddiet madwar €1.5 miljun, intenzjonati li jintużaw għal tixħim, lill-FIFA biżball meta dawn suppost inbagħatu fil-kont tal-Havelage. Minkejja dan, dawn il-flus ġew trasferiti minn Blatter lura għal Havelage meta FIFA indunat bl-iżball. Meta snin wara Blatter ġie investigat fuq dan huwa qal li fl-irwol tiegħu bħala Segretarju ma kienx konxju li din kienet “commission” personali b’hekk fi kliemu “dan ma kisirx ir-regoli tal-etika.” B’kollox huwa stmat li Havelage irċieva aktar minn €55 miljun f’tixħim mill-ISL matul il-presidenza tiegħu.
Sitwazzjonijiet simili ġraw darba, darbtejn u anke aktar fi ħdan il-Federazzjoni. Fil-fatt Blatter innifsu qatt ma nstab ħati li għamel korruzzjoni fl-irwoli tiegħu matul iż-żmien, minkejja d-diversi akkużi kontrih. Apparti minn hekk ħafna talbu għar-riżenja tiegħu, repetutament, talli qatt ma aġixxa biżżejjed biex waqqaf din il-korruzzjoni, fost taħlita ta’ reati oħra. Sitwazzjoni simili ħafna għat-tmexxija ta’ Muscat, li minkejja li m’għandha x’taqsam xejn mal-isport f’pajjiżna hija parallella fl-akkużi.
Tajjeb li nfakkru li fl-2002 ftit qabel it-Tazza tad-Dinja tal-Korea ta’ Isfel u tal-Ġappun, is-Segretarju Ġenerali tal-FIFA Michel Zen-Ruffinen żvela informazzjoni u akkuża lil Sepp Blatter b’immaniġġjar ħażin tal-flus tal-federazzjoni.
‘Nammetti li l-għażla tal-Qatar kienet żball kbir’ - Sepp Blatter
Wara aktar minn 15-il sena fi tmexxija konġunta ma’ Havelange Blatter ġie uffiċjalment elett President fl-1998. Allegazzjonijiet dwar tixħim bdew mal-ħatra tiegħu, jew aħjar, fit-triq għall-ħatra tiegħu.
L-awtur Ingliż David Yallop, fil-ktieb splussiv ‘How they Stole the Game’, għamel allegazzjonijiet li supporters ta’ Blatter offrew kważi €36,000 biex jivvutawlu. Fil-fatt l-opponent tiegħu Lennart Johansson talab għal investigazzjoni.
Minkejja l-akkużi ta ta’ Ruffinen, fl-2002, Blatter jerġa’ jiġi elett minkejja li għal darb’oħra, ġie akkużat b’tixħim. Wara snin ta’ akkużi ta’ reati fl-2004, il-FIFA toħroġ il-kodiċi tal-etika.
L-ikbar akkużi għall-Blatter kienu jitrattaw il-proċess tal-bidding tad-destinazzjonijiet tat-Tazza tad-Dinja tal-2018 u tal-2022. Ħafna qalu li kienet żball mill-bidu għax din kienet twassal biex il-pajjiżi jiftehmu bejniethom biex wieħed jivvota lill-ieħor, kif ġara. Is-sitwazzjoni tant eskalat li Amos Adami min-Niġerja u Ryenald Temarii mit-Taħiti, li t-tnejn kienu parti mill-Kumitat tal-eżekuttiv, ġew sospiżi qabel ma kellhom iċ-ċans li jivvutaw hekk kif inqabdu fuq recording jitolbu l-flus biex jagħtu s-sapport. Aktar tard persuna oħra fl-eżekuttiv kien qal li ġie avviċinat minn erba’ uffiċjali oħra biex jiġu kumpensati ta’ vot.
Punti kontroversjali oħra fil-karriera tiegħu kienu li ma hemmx razziżmu fil-futbol u li anke jekk hemm, “il-plejers għandhom jieħdu id xulxin u jibqgħu mixjin il-quddiem.” Kif ukoll li l-kampjonat tan-nisa jkun aktar popolari jekk il-plejers jilbsu “shorts aktar issikkati.”
Wara l-arresti ta’ 14-il uffiċjal fuq korruzzjoni f’Mejju tal-2015, Blatter irriżenja ftit ġimgħat wara. Ftit wara dan, bħala parti mill-investigazzjoni li għamlet il-Qorti tal-Isvizzera, huwa ġie investigat ukoll fuq kuntratt dwar id-drittijiet televiżivi fl-2005. Wara ronda oħra ta’ arresti u akkużi, Blatter ġie projbit milli jkun parti minn attività għal tmien snin. Dawn it-tmien snin jiskadu fl-2023.
Intant ftit ġimgħat ilu Blatter ammetta li l-għażla tal-Qatar fl-2010 kien żball kbir u għażla ħażina. Fis-snin preċedenti huwa qal li d-deċiżjoni finali kienet riżultat ta’ “pressjoni politika sigrieta,” fuq l-eks President tal-UEFA, Michel Platini mill-eks President Franċiż Nicolas Sarkozy.
F’artiklu mal-ġurnal Żvizzeru Tages-Anzeiger qal li dak iż-żmien kienu qablu unanimament li fl-2018 it-Tazza tad-Dinja ssir fir-Russja u tal-2022 issir fl-Istati Uniti, “biex din isservi ta’ ġest ta’ paċi bejn iż-żewġ rivali politiċi.”
Meta ġie mistoqsi għaliex kienet għażla ħażina ma għamilx referenza għad-drittijiet umani jew fuq trattamenti tan-nisa u l-projbizzjoni tal-LGBTQI+ iżda minflok argumenta li l-Qatar huwa wisq żgħir u “l-futbol u t-Tazza tad-Dinja huma wisq kbar għalih.” Blatter irrakkonta li Platini kien strumentali biex ikun hemm erba’ voti Ewropej li jmorru għall-Qatar minħabba l-pressjoni ta’ Sarkozy.
Qal ukoll li Platini kien mistieden għal ikla fil-Palazz Élysée minn Sarkozy u l-Prinċep tal-Qatar u li talbu biex jagħti t-Tazza tad-Dinja lill-Qatar. Meta Blatter tkellem ma’ Platini fuq hekk, Platini staqsih: “Int x’tagħmel li kieku l-President tiegħek jitolbok xi ħaġa?”