Rimonta fit-Tross-tard! Arsenal jirbħu l-Community Shield
Leandro Trossard b’gowl fid-90+11-il minuta sabiex jibgħat il-logħba għall-għoti tal-penalties
L-Arsenal ħarġu bl-unuri f’dik li ta’ kull sena tkun l-ewwel logħba fil-kalendarju tal-futbol Ingliż, a skapitu ta’ Manchester City.
Fejn normalment din il-logħba tintlagħab bejn ir-rebbieħ tal-Kampjonat Ingliż u r-rebbieħ tal-FA Cup tal-istaġun preċedenti, Arsenal ikkwalifikaw għaliha peress li ġew it-tieni fil-lig. Dan minħabba li kemm il-Kampjonat Ingliż u l-FA Cup kienu mirbuħa minn Manchester City.
Bdew għal Manchester City: Stefan Ortega; Kyle Walker, John Stones, Ruben Dias, Manuel Akanji; Rodri, Mateo Kovacic, Julian Alvarez; Bernardo Silva, Jack Grealish, Erling Haaland
Bdew għal Arsenal: Aaron Ramsdale; Ben White, William Saliba, Gabriel Magalhaes, Jurrien Timber; Declan Rice, Thomas Partey, Martin Odegaard; Gabriel Martinelli, Bukayo Saka, Kai Havertz
Tul l-ewwel taqsima, Manchester City gawdew il-maġġoranza tal-pussess b’64%. Madanakollu, huma naqsu milli jagħtu x’jagħmel lill-goalkeeper Ramsdale. Minn naħa l-oħra, Havertz irreġistra żewġ xuttijiet lejn il-lasta għal Arsenal, b’Ortega jsalva t-tnejn li huma b’saqajh.
Manchester City dehru ferm aħjar tul it-tieni taqsima, partikolarment hekk kif il-kowċ Guardiola għażel li jdaħħal lil Cole Palmer minflok Haaland, li kien qed ikun imrażżan mid-difiża tal-klabb ta’ Londra.
City ħadu l-vantaġġ fis-77 minuta, hekk kif De Bruyne sab lis-sostitut Palmer fil-kaxxa, li dawwar xutt mill-isbaħ minn mal-goalkeeper Ramsdale għal ġol-kantuniera ta’ fuq tal-lasta.
Hekk kif dehret ċerta li t-tazza se tmur għand Manchester City, kien fid-90+11-il minuta x’ħin is-sostitut Leandro Trossard ta xutt b’saħħtu minn tarf il-kaxxa. Ix-xutt ta’ Trossard ħa devjazzjoni minn Akanji u qarraq għalkollox b’ Ortega. B’hekk, it-tieni taqsima ntemmet bl-iskor ta’ 1-1, u l-logħba marret għall-għoti tal-penalties.
Beda għal Arsenal Odegaard, ma żballjax mill-11-il metru. Warajh segwa De Bruyne għal Manchester City, li ra x-xutt tiegħu jolqot il-mimduda u jmur barra. Trossard, Silva u Saka segwew, li kollha kkonvertew ix-xuttijiet rispettivi tagħhom. City fallew it-tieni penalty tal-ġurnata, hekk kif ix-xutt ta’ Rodri lejn il-lemin ta’ Ramsdale kien salvat mill-goalkeeper Ingliż. Kien imiss lill-plejer ta’ 23 sena Fabio Vierra għal Arsenal, li kkonkluda tajjeb sabiex jissigilla r-rebħa.
B’hekk, l-Arsenal għollew il-Community Shield għall-17-il darba fil-istorja tagħhom.