Żewġt iplejers Maltin jiddebuttaw fl-għola livelli ta' futbol Ewropew

Teddy Teuma jilgħab l-ewwel minuti fil-Ligue 1, filwaqt li Zach Muscat jiddebutta fl-għola lig Portugiż

Il-plejer tat-tim nazzjonali Malti Teddy Teuma għamel id-debutt tiegħu ma' Stade de Reims, tim li jikkompeti fil-Ligue 1, l-għola diviżjoni fil-futbol Franċiż. Dan wara li aktar kmien dan is-sajf, Teuma ingħaqad ma' Reims wara li ħalla lill-klabb Belġjan Union St. Gilloise.

Id-debutt wasal fl-ewwel logħba tal-istaġun, nhar is-Sibt 12 t'Awwissu, hekk kif Reims fetħu l-kampanja tagħhom f'logħba ferm iebsa kontra Marseille. Teuma daħal bħala sostitut fis-60 minuta, waqt li l-iskor kien 1-1 wara gowls ta' Ito u Ounahi għal Reims u Marseille rispettivament.

Madanakollu, it-tim ta' Teuma sofra gowl fit-73 minuta, li ddeċieda l-logħba. B'hekk id-debutt ta' Teuma ma kienx wieħed għalkollox feliċi.

Reims jerġgħu fl-azzjoni kontra Clermont Foot, nhar il-Ħadd 20 t'Awwissu fit-3 p.m.

Minn naħa l-oħra, Zach Muscat għamel id-debutt tiegħu fil-Primera Liga, l-għola diviżjoni tal-Portugal. Dan wara li Muscat ġie kkonfermat minn Farense, it-tim li miegħu rebaħ promossjoni l-istaġun li għadda.

Muscat lagħab il-partita sħiħa nhar is-Sibt 12 t'Awwissu, kontra Casa Pia, it-tim li miegħu rebaħ promozzjoni għall-Primera Liga sentejn ilu iżda ma kkonfermahx għall-istaġun ta' wara. Il-logħba ntemmet bl-iskor ta' 3-0 kontra Farense.

Farense jmisshom jiltaqgħu ma' Porto, wieħed mill-aħjar timijiet fil-pajjiż, nhar il-Ħadd 20 t'Awwissu fis-7 p.m.

More in Barranin