Manchester City jgħollu l-UEFA Super Cup għall-ewwel darba

Sevilla b'idejhom f'idejhom wara l-għoti tal-penalties

Manchester City komplew iżidu mal-ventrina ta’ trofej li rebħu riċentament, hekk kif l-Erbgħa 16 t’Awwissu ħarġu rebbieħa fuq Sevilla fil-finali tal-UEFA Super Cup bl-għoti tal-penalties. Il-logħba ntlagħbet fil-Karaiskakis Stadium, f’Piraeus fil-Greċja.

Bdew għal Manchester City: Ederson; Kyle Walker, Manuel Akanji, Nathan Ake, Josko Gvardiol; Rodri, Mateo Kovacic, Phil Foden; Cole Palmer, Jack Grealish, Erling Haaland

Bdew għal Sevilla: Bono; Marcos Acuna, Nemanja Gudelj, Loic Bade, Jesus Navas; Ivan Rakitic, Joan Jordan, Oliver Torres; Lucas Ocampos, Erik Lamela, Youssef En-Nesyri

Kif kien mistenni, Manchester City iddominaw il-partita mill-aspett ta’ pussess, hekk kif dawn gawdew 73% tal-ballun. It-tim Ingliż irnexxielu jirreġistra wkoll seba’ xuttijiet lejn il-lasta. Madanakollu, Sevilla xorta waħda kienu perikolużi fuq il-kontrattakk, hekk kif irreġistraw erba’ xuttijiet lejn il-lasta ta’ Ederson.

L-ewwel gowl tal-partita wasal fil-25 minuta, hekk kif kross minn naħa tax-xellug iltaqa’ ma’ ras El-Nesyri, li għola minn bejn Ake u Gvardiol, u tefa’ fix-xibka. Għalkemm City komplew iżidu l-pressjoni, daħlu għall-ħin tal-mistrieħ minn taħt.

Kien Palmer li ġab lura l-parità fit-63 minuta, hekk kif kross insiduż ta’ Rodri fittex il-ġirja fil-kaxxa tal-istess Palmer, li ma żballjax bir-ras meta sab ruħu żmarkat għalkollox.

Ghalkemm iż-żewġ timijiet komplew ifittxu l-gowl tar-rebħa, il-logħba marret għall-għoti tal-penalties.

Il-plejers kienu miċidjali mill-11-il metru, hekk kif Haaland, Alvarez, Kovacic, Grealish u Walker kollha kkonvertew ix-xuttijiet tagħhom għal Manchester City. Minn naħa l-oħra, Ocampos, Mir, Rakitic u Montiel ikkonvertew ukoll għal Sevilla.

Bl-isor 5-4 favur Manchester City, il-pressjoni kienet kollha fuq Gudelj, li ra x-xutt tiegħu jaħbat mal-mimduda u jmur barra.

B’hekk, Manchester City għollew il-UEFA Super Cup għall-ewwel darba fl-istorja tagħhom, biex b’hekk saru s-sitt tim Ingliż li rebaħ dan it-trofew prestiġġjuż.

More in Barranin