Xampanja fix-xita għal Max Verstappen
Ix-xufier ta’ Red Bull Racing jerbaħ il-Grand Prix Olandiż
Max Verstappen kompla l-istaġun fejn jidher li ħadd ma jista’ jikkompeti miegħu, hekk kif beda fl-ewwel post, u kkonvertiha għal rebħa fil-Grand Prix ta’ Zanvoort. B’hekk, huwa laħaq ir-rekord li kien stabbilit minn Sebastian Vettel lura fis-sena 2013; dak ta’ disa’ rebħiet konsekuttivi.
It-tellieqa kienet ikkumplikata b’taqtiriet ta’ xita li bdew minn ftit qabel il-tluq, li nbidlu f’ħalbiet ħorox mal-bidu tal-ewwel dawra. B’hekk, bosta xufiera kellhom jibdlu l-istrateġiji rispettivi tagħhom kompletament, b’Verstappen jaqa’ lura għar-raba’ post. Madankollu, ix-xufier mill-Olanda żamm kalm, u rnexxielu jikseb il-postijiet li tilef lura sabiex għolla t-tazza fit-trakka ta’ daru.
“Illum it-temp m’għamilhiex faċli għalina. Però ġismi kien diġa qam xewk xewk, x’ħin bdew idoqqu l-innu nazzjonali qabel it-tellieqa. Minkejja x-xita, il-partitarji ħolqu atmosfera inkredibbli,” qal Verstappen f’ewforija.
Fernando Alonso għamel użu mill-esperjenza estensiva tiegħu biex jinnaviga il-kundizzjonijiet tat-temp li ma kienux mistennija biex irnexxielu jikseb it-tieni post. Sergio Perez daħal warajh fit-tielet post iżda, konsegwenza ta’ ħames sekondi ta’ penalità minħabba veloċità eċċessiva fil-karreġġjata tal-pits, ġie relegat għar-raba’.
Minfloku, klassifika fit-tielet post Pierre Gasly, wara wirja eċċellenti li ratu jikseb disa’ postijiet wara li beda minn 12-il post.
Warajhom segwew Carlos Sainz, Lewis Hamilton, Lando Norris, Alex Albon, Oscar Piastri u Esteban Ocon.
Ix-xufier Amerikan ta’ Williams, Logan Sargeant, kellu ġurnata diżappuntanti oħra, hekk kif ma kkalkulax sew waqt li kien qed idur kisra tmienja, tilef il-kontroll tal-karozza u baqa dieħel ġol ħajt protettiv.
Charles Leclerc ukoll kellu jirtira mit-tellieqa, hekk kif ħsara li ġarrab fil-bidu tat-tellieqa ma ppermettietx li dan ikun jista’ jkompli d-distanza kollha. Din kienet it-tielet darba dan l-istaġun li x-xufier ta’ Ferrari rtira kmieni, f’staġun fejn qed ikun diżappuntat bil-prestazzjonijiet tiegħu.
Zhou Guanyu ra t-tellieqa tiegħu tispiċċa ma’ dawra 65, hekk kif sgidja fl-ewwel kisra fejn sofra ħsarat li ma ppermettewx li jkun jista’ jkompli, hekk kif għoliet il-bandiera l-ħamra.
Ta’ min jinnota ukoll il-prestazzjoni ta’ Liam Lawson, li għalih din kienet l-ewwel tiġrija tiegħu fil-kampjonat, hekk kif ħa post Daniel Ricciardo, li sofra ġrieħi gravi li ma ppermettewx li jkun jista’ jikkompeti jumejn qabel wara ħabta fis-sessjoni tal-prattika. Hu rnexxielu jikseb it-13 il-post, li għalkemm bih ma gwadanja l-ebda punt, kien mument memorabbli għax-xufier ta’ 21 sena.