Rubiales jirriżenja wara mewġa ta' kritika

Wara li saħaq li mhux se jkun il-każ, ċeda taħt il-pressjoni li segwiet il-famuża bewsa fiċ-ċelebrazzjonijiet tar-rebħ tat-Tazza tad-Dinja tan-Nisa

(ritratt: RNZ.co.nz)
(ritratt: RNZ.co.nz)

Il-President tal-Federazzjoni tal-Futbol Spanjola, Luis Rubiales, ħabbar ir-riżenja tiegħu mill-pożizzjoni.

Dan wara li azzjoni tiegħu fiċ-ċelebrazzjonijiet li segwew ir-rebħ tat-Tazza tad-Dinja tan-Nisa mit-tim Spanjol, fejn bewsa li ta lill-plejer Jenni Hermoso ġabet magħha mewġa ta’ kritika.

Kienu numerużi dawk li talbu għar-riżenja ta’ Rubiales, għalkemm hu kien dejjem saħaq li mhux se jagħmel dan. Dan minkejja li anke l-FIFA ssosspendietu proviżjonalment għal 90 ġurnata.

Issa jidher li biddel fhemtu, hekk kif ħabbar ir-riżenja tiegħu fuq it-televiżjoni, bir-raġuni kkwotata tkun dik li “ma nistax inkompli xogħli f’dawn iċ-ċirkostanzi.”

Hu rriżenja wkoll mill-pożizzjoni tiegħu bħala Viċi-President tal-kumitat eżekuttiv tal-UEFA.

Hermoso, ta’ 33 sena, saħqet li qatt ma tat kunsens għall-bewsa li segwiet wara l-finali kontra l-Ingilterra. Segwentament, hi daħlet rikors legali ftit jiem wara, li se jwassal sabiex Rubiales jaffaċċja proceduri kriminali.

More in Barranin