Tissoda d-dominanza ta' Djokovic fit-tennis
Is-Serb bl-aktar Grand Slams qatt mirbuħa u l-unika plejer li rebaħ tlieta f'sena għal erba' darbiet
Fl-isport tat-tennis, il-plejer Serbjan Novak Djokovic għeleb lil Daniil Medvedev fil-finali sabiex rebaħ il-turnew tal-Open Amerikan. Djokovic, ta’ 36 sena, wera d-dominazzjoni tiegħu hekk kif rebaħ tliet settijiet konsekuttivi, bl-iskor ta’ 6-3, 7-6 u 6-3, f’prestazzjoni fejn kien kompletament fil-kontroll.
Din kienet ir-raba’ darba li rebaħ dan it-turnew prestiġġjuż, u issa sar l-ixjeħ plejer li qatt rebħu fl-era tal-Open. Bil-preżenza fl-10 finali tiegħu f’dan it-turnew, laħaq ukoll ir-rekord ta’ preżenzi ta’ Bill Tilden. Apparti minn hekk, kien ukoll l-24 titlu Grand Slam tul il-karriera illustrija tiegħu, li ġabu ndaqs ma’ Margaret Court għall-akbar ammont ta’ dawn it-titli mirbuħin. Huwa diġa għandu dan ir-rekord meta wieħed iqis biss plejers irġiel, segwit minn Rafael Nadal b’22 u Roger Federer b’20.
Aktar kmieni din is-sena, Djokovic kien diġa rebaħ tnejn mit-tliet kampjonati maġġuri l-oħra, l-Open Awstaljan, u l-Open Franċiż, filwaqt li tilef finali li marret għal ħames settijiet kontra l-Ispanjol Carlos Alcaraz f’Wimbledon.
Issa, Djokovic rebaħ it-tielet kampjonat maġġuri fl-istess sena. Din kienet ir-raba’ darba li rnexxielu jikseb dan it-tragward, hekk kif għamel l-istess fl-2011, fl-2015 u fl-2021. Bis-sena 2023 tiżdied ma’ din il-lista, sar l-aktar plejer li irnexxielu jagħmilha darbi, sabiex qata’ kompletament lil Roger Federer li kiseb dan is-suċċess tliet darbiet tul il-karriera tiegħu.
Din ir-rebħa żgur mhux forsi tkompli ssaħħaħ l-argument ta’ ħafna, li Djokovic huwa l-aqwa plejer li qatt qabad paletta tat-tennis b’idu u paxxa lis-segwaċi kollha bil-meravilji ta’ prestazzjonijiet li jagħti b’mod konsistenti. Ta’ min jinnota wkoll li, aktar ma jgħaddi żmien, Djokovic aktar qed jimmeljora l-mogħdija taż-żmien.
Din ir-rebħa kienet it-12-il waħda minn 15 il-preżenza f’finali, fit-tletinijiet tiegħu. B’hekk, laħaq it-12-il rebħa li kiseb fl-għoxrinijiet tiegħu, wara 21 preżenza f’finali.
F’intervista, il-plejer qal li, “Din tfisser ħafna għalija, diffiċli biex niddeskriviha. Qed ngħix il-ħolma ta’ tfuliti li qed nikkompeti fl-għola livell fl-isport. Qatt ma mmaġinajt li se nkun qed nitkellem fuq kif irbaħt 24 Grand Slam, iżda l-aħħar snin irraġunajt li la għandi ċans nikteb l-istorja se nipprova naħtfu.”
Goran Ivanisevic, il-kowċ ta’ Djokovic, saħaq li, “Djokovic huwa ġenju. M’hawnx ieħor bħalu. Dan huwa l-akbar suċċess li qatt inkiseb fl-istorja tal-isport.”