Jibdew il-manuvri fl-MFA
L-ikbar ‘gwerra’ se tkun dik għall-elezzjoni tal-Viċi Presidenti
Il-kampanja għall-elezzjoni tal-uffiċjali tal-Malta Football Association tinsab fl-aqwa tagħha hekk kif bejn Lulju u Awwissu li ġej, jiskadi t-terminu tal-uffiċjali li jmexxu l-futbol f’pajjiżna u għaldaqstant, wieħed jista’ jisma u jipprevedi min jista’ jkun xi kontestant għal xi kariga jew oħra. Kollox jindika li dawk li beħsiebhom jikkontestaw għal xi kariga, diġá bdew bis-soliti manuvri tagħhom ta’ telefonati kontinwi mal-klabbs u dawk kollha li għandhom dritt għall-vot f’din l-elezzjoni li ħafna jsejħulha l-aktar waħda li taħraq f’pajjiżna, wara l-Elezzjoni Ġenerali.
Sorsi li għandha l-gazzetta ILLUM, li huma midħla sew tal-futbol Malti u tal-MFA, huma kważi ċerti li Norman Darman Demajo, il-president attwali li ilu jokkupa din il-kariga għal dawn l-aħħar sitt snin, mhux se jkun ikkontestat għal din il-kariga. Jidher biċ-ċar li Darmanin Demajo għadu jgawdi l-appoġġ tal-klabbs Maltin fid-diviżjonijiet kollha u l-Assoċjazzjonijiet Membri, u anki jekk fl-aħħar xhur kien hemm xi tgergir għat-tmexxija tal-MFA fuq kif ittieħdu diversi deċiżjonijiet, dan xorta għadu jpoġġih f’pożizzjoni komda li jerġa’ jikkontesta u jkun ikkonfermat awtomatikament b’sempliċiment vot ta’ approvazzjoni waqt il-Laqgħa Ġenerali li jmiss.
Oriġinarjament, il-wegħda ta’ Darmanin Demajo sitt snin ilu kienet li kellu jdum jokkupa din il-kariga għal żewġ termini, li jfissru sitt snin. Iżda fi kliemu stess anki sa ftit tax-xhur ilu fuq stazzjon lokali, iħoss li l-MFA għad għandha diversi proġetti li bdiet f’dawn l-aħħar snin li se jitlestew fit-tliet snin li ġejjin. L-istess sorsi qalulna li Darmanin Demajo diġá tkellem ma’ xi wħud li jkunu madwaru ta’ kuljum u qalilhom li dawn se jkunu l-aħħar tliet snin tiegħu. Sa xi xhur ilu, kienu diversi ismijiet li bdew jissemmew u li setgħu wrew interess fil-kariga ta’ President tal-MFA li iżda għal raġunijiet differenti, tilfu l-interess. L-aktar isem li għadu fuq fomm il-membri tal-Kunsill tal-MFA hu dak ta’ Adrian Delia, President ta’ Birkirkara u Membru tal-Kunsill tal-MFA f’isem l-istess klabb. Fil-fatt, is-sorsi tagħna jikkonfermaw li Delia se jistenna sal-Kunsill tal-MFA tat-Tlieta li ġej fejn fih għandu elezzjoni kontra Paul Falzon, membru tal-Kunsill f’isem St. Andrew’s. Min jirbaħ din l-elezzjoni jirbaħ siġġu madwar il-mejda tal-Eżekuttiv tal-MFA, siġġu li tbattal xi ġimgħat ilu wara r-riżenja ta’ Redeno Apap, f’isem Qormi. Ħafna jsostnu li din l-elezzjoni se tagħti indikazzjoni ċara ta’ x’saħħa għadu jgawdi fil-Kamra Darmanin Demajo, u dan minħabba l-fatt li Falzon hu ħabib kbir u personali ta’ Darmanin Demajo li flimkien kienu bnew il-klabb ta’ Luxol St. Andrew’s, mentri Delia kien il-vuċi ta’ dawk li matul l-aħħar snin ma qablux ma’ xi deċiżjoni jew oħra li seta’ ħa l-President tal-MFA. Is-sorsi tagħna komplew jgħidulna li wara r-riżultat umiljanti li kien kiseb Peter Fenech tliet snin ilu, żgur li trid tkun deċiżjoni kuraġġuża biex wieħed jikkontesta lil Darmanin Demajo għall-kariga ta’ President.
L-elezzjoni għal Viċi President tal-MFA...l-ikbar battalja
L-ikbar battalja minn din l-elezzjoni kollha se tkun dik għall-elezzjoni ta’ viċi president tal-MFA. Jidher li Ludovico Micallef, Alex Manfré u Chris Bonett, se jerġgħu jikkontestaw għal din il-kariga u magħhom qed jissemmew li jistgħu jikkontestaw Angelo Chetcuti, Membru tal-Kunsill f’isem Birżebbuġa FC u Antoine Portelli, eksteżorier tal-MFA u wiċċ familjari ħafna fil-futbol Malti, anki għax għal diversi snin okkupa diversi karigi fil-klabb ta’ Msida St. Joseph. Portelli kien anke mdaħħal b’xi mod fil-UEFA fit-tliet snin li serva fl-amministrazzjoni tal-MFA. Jista’ jkun li Portelli jikkontesta wkoll għall-kariga ta’ teżorier tal-Assoċjazzjoni biex b’hekk, jekk jiġi elett ikun ifisser li reġa’ ħa lura kariga u uffiċċju li kien tiegħu sa tliet snin ilu. Xi ħaġa li jekk vermanet isseħħ, tkun tfisser problemi serji għall-uffiċju ta’ Ivan Mizzi, teżorier tal-MFA preżenti. Hu sigriet magħruf li Mizzi ma tantx imur tajjeb ma’ Portelli u n-nies li jappoġġjawh, tant li s-sorsi tagħna jgħidulna li Mizzi seta’ kien il-persuna li kkonvinċa lil Darmanin Demajo u lil Bjorn Vassallo, Segretarju Ġenerali attwali, biex iġiegħlu lil Portelli ma jerġax jikkontesta għal xi kariga tliet snin ilu.
Jidher li Darmanin Demajo jinsab kuntent bit-tmexxija tal-amministrazzjoni preżenti, iżda wieħed jifhem li d-deċiżjoni finali jeħduha biss il-membri tal-Kamra fil-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-MFA. Hawnhekk, wieħed irid jara jekk Micallef u Manfré, li issa ilhom snin jokkupaw is-siġġu tagħhom u mdaħħlin sew fl-etá, hux se jġibu voti biżżejjed u jibqgħu konsistenti u popolari bħal dejjem. L-isfida għalihom se tkun waħda mill-iktar iebsa anki għax bħala kontestanti diretti għalihom għandhom lil Chetcuti, li hu avukat u lil Portelli, li hu awditur; żewġ persuni gradwati, li hi xi ħaġa li anki jekk neċessarjament mhux daqstant meħtieġa biex tmexxi l-futbol jew dekasteru fl-MFA, tista’ tkun ta’ għajnuna u tagħma lil xi wħud li jivvutaw persuna għax ikun sempliċiment gradwat. Chris Bonett, il-kontestant l-ieħor għall-kariga ta’ viċi president, għandu l-appoġġ fil-miftuħ tal-President Darmanin Demajo u ħafna impjegati oħra tal-MFA, u mhux biss; Bonett kien il-persuna li ħadem u mexxa riformi kbar fl-MFA u li bihom kompla saħħaħ il-persentaġġ qawwi ta’ voti li ġab tliet snin ilu. M’hemmx dubju li se jkun l-aktar kandidat serju għall-President tal-MFA meta Darmanin Demajo jħalli s-siġġu tiegħu tliet snin oħra.
Wieħed irid jara wkoll jekk xi membri tal-Kamra, hux se jħallu xi sorpriża ħelwa għall-aħħar lil Bjorn Vassallo, Segretarju Ġenerali tal-MFA, u li kien involut f’diversi deċiżjonijiet kontroversjali f’dawn l-aħħar snin, billi jipproponu li jikkontesta ħaddieħor ukoll għal din il-kariga. Jidher li r-relazzjoni bejn Darmanin Demajo u Vassallo m’għadix dik li kienet darba ta’ ‘missier u iben’ u dan għax fl-apert quddiem diversi nies, id-‘Dede’, ikkritika ħafna deċiżjonijiet u xogħol li għamel Vassallo, u dan kollu jkompli jżid mat-tgergir tal-klabbs u l-assoċjazzjonijiet Membri tal-MFA li fl-opinjoni tagħhom, id-deċiżjonijiet ta’ Vassallo jeħodhom dejjem skont “x’jaqbel l-aktar għalih innifsu.” Fil-fatt, jidher li Darmanin Demajo seta’ ġibed diversi apatija tal-klabbs u m’għadux igawdi mis-saħħa kbira li kellu sa ftit snin ilu minn meta fl-istaġun li għadda kien iddeċieda fi ftit sekondi waqt laqgħa normali tal-Kunsill tal-MFA li jneħħi lil Joe Gauci, Segretarju Ġenerali tal-MFA sa dak iż-żmien, u minfloku jaħtar lil Vassallo. Kienet deċiżjoni li ġabet magħha tgergir u skantament kbir anki minn dawk li kienu u għadhom leali ħafna lejn Darmanin Demajo minħabba l-fatt li ma ntwera l-ebda rispett lejn Gauci li kien ilu jokkupa dik il-kariga għal ħafna snin u anki minħabba l-fatt li l-istatut tal-MFA ma jippermettix li ssir xi ħaġa bħal dik. Wieħed jifhem li f’assoċjazzjoni demokratika, meta jkun hemm vakanza għal xi kariga, irid jingħata ż-żmien biżżejjed biex jikkontesta min irid u f’każ ta’ aktar minn kontestant wieħed, issir elezzjoni bil-magħluq, xi ħaġa li Vassallo qatt ma ffaċċja f’sitt snin li ilu jmexxi l-MFA ma’ Darmanin Demajo u għalhekk ħadd ma jaf kemm verament igawdi l-fiduċja tal-klabbs u l-Assoċjazzjonijiet Membri l-oħra tal-MFA.