It-tieni edizzjoni ta’ Ballun Pinġut tagħlaq 10 snin

Issa li l-kampjonat tal-futbol tal-EURO 24 beda jiħrax, il-gazzetta ILLUM tkellmet maż-żagħżugħ riċerkatur Keith Attard dwar l-esperjenza tiegħu taż-żewġ kotba Ballun Pinġut u dwar ir-reġistru tal-futbol fil-Malti

‘Ballun Pinġut qisu dizzjunarju ċkejken marbut biss mal-futbol.’
‘Ballun Pinġut qisu dizzjunarju ċkejken marbut biss mal-futbol.’

Għal min qatt ma sema’ b’Ballun Pinġut, tgħidilna ftit dwaru u kif ġietek l-idea li tippubblika żewġ edizzjonijiet ta’ dan il-ktieb? 

Ballun Pinġut huwa ġabra ta’ espressjonijiet marbutin mad-dinja tal-futbol. L-ewwel edizzjoni ta’ Ballun Pinġut fiha 930 espressjoni u kienet ippubblikata mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti bi sħab mal-Għaqda Ġurnalisti Sport fl-2012. Sforz ir-rispons pożittiv mill-pubbliku għal dan il-ktieb, erġajt xammart il-kmiem u ħdimt fuq edizzjoni oħra, din id-darba riveduta u mkabbra. Fil-fatt, it-tieni edizzjoni ta’ Ballun Pinġut, maħruġa għaxar snin ilu fl-2014, fiha 1,400 espressjoni bil-Malti u tinkludi, kemm aġġornament tal-espressjonijiet li ddaħħlu fl-ewwel pubblikazzjoni, kif ukoll żieda ta’ 470 espressjoni ġdida.  

L-espressjonijiet huma miġburin f’ordni alfabetika. L-ewwel tingħata l-espressjoni, u taħtha tingħata t-tifsira. Ngħidu aħna jekk wieħed isib l-entrata gowl tal-istampi, taħtha se jsib id-definizzjoni gowl spettakolari li tibqa’ tiftakru għax ikun ħafna isbaħ mill-oħrajn. Allura nista’ ngħid li Ballun Pinġut qisu dizzjunarju ċkejken marbut biss mal-futbol.  

L-idea oriġinali ġiet fi żmien l-Università, meta għall-Baċellerat tal-Malti ħdimt fuq teżi marbuta mar-reġistru tal-futbol bil-Malti. Wara t-teżi, xtaqt niżviluppa l-ġabra fi ktieb biex id-dilettanti tal-logħba tal-ballun ikunu jistgħu jgawdu dawn l-espressjonijiet. Il-futbol u l-Malti huma żewġ imħabbiet kbar tiegħi u b’dal-kotba xtaqt ukoll noffri gwida u għajnuna għall-kummentaturi u l-ġurnalisti tal-futbol biex dan il-qasam ikompli jitjieb. 

Tista’ tagħtina xi eżempji ta’ espressjonijiet li nsibu fil-ktieb?  

F’Ballun Pinġut 2 hemm xalata ta’ espressjonijiet, ibda b’dawk li huma inkejjużi u b’laqta umoristika, ngħidu aħna għamel spaga li tintuża meta plejer jirnexxilu jgħaddi l-ballun minn bejn saqajn l-avversarju, jew ħareġ għall-friefet li tintuża meta l-gowler joħroġ fil-vojt wara xi kross jew korner. Insibu wkoll espressjonijiet metaforiċi bħal qatel il-logħba jew żifen bil-ballun. Qatel il-logħba, bil-varjant għalaq il-partita, tintuża meta tim jaċċerta ruħu li r-rebħa hija tiegħu b’gowl ieħor lejn l-aħħar tal-partita, waqt li żifen bil-ballun tintuża meta plejer ikollu l-kunfidenza mal-ballun u ma jiddejjaqx juri x’jaf u kważi kważi jpaxxi lil min isegwih.  

Espressjonijiet oħra ħelwin huma dawk b’laqta lokali. Tisma’ lil min jgħid “ħudha t-tarzna!” meta plejer ikun ixxuttja ħażin ħafna u jkunu qed jaqbdu miegħu biex imur isewwi siequ t-tarzna. Espressjoni oħra kreattiva b’laqta lokali hija dawru fuq six pence li tingħad lil dak il-plejer li jkun kapaċi jdur jew jaqbeż lil ta’ kontrih fi spazju żgħir, tant li l-plejer maqbuż, mingħajr ma jkun jaf x’laqtu, jispiċċa jdur dawra tond f’ċirku żgħir b’mod umiljanti.  

Hemm ukoll diversi espressjonijiet li jqabblu l-futbol ma’ gwerra. Il-lingwaġġ tal-futbol hu kkaratterizzat minn metafori militari li jintużaw spiss fi gwerra u anki jekk ma tkunx tifhem fl-isport, bi ftit ħsieb faċli tasal għat-tifsira tiegħu. Il-futbol, bħall-gwerra, hu sport kompetittiv, bi ħsieb strateġiku, b’ħidma fi grupp, li jinkludi wkoll it-trijonf tar-rebħa, u l-qrusa tat-telfa. Xi espressjonijiet li nistgħu nsemmu huma assedju, fawl tattiku, qasam id-difiża, ibbumbardjawhom, il-linja difensiva, tinfed id-difiża, xutt bomba, missila, u oħrajn. 

Waqt li kont qed naqra l-ktieb innutajt ukoll li ġbart l-espressjonijiet b’mod tematizzat. Għaliex ħassejt li għandek tagħmel dan? 

Ħaġa oħra prattika li ssib fil-ktieb huwa dak li sejjaħtlu indiċi tematiku. Dan l-indiċi se jkompli jiggwida lill-qarrej isib l-espressjonijiet li jixtieq għax lejn l-aħħar tal-ktieb jista’ jsib lista taħt xulxin tal-espressjonijiet marbutin mal-kategorija li jixtieq, ngħidu aħna mal-attakk, mal-ballun, mal-lasta, mal-plejer, max-xutt, u l-bqija. Għalhekk, ngħidu aħna, jekk fl-indiċi tematiku se jsib il-kategorija tal-ballun, hu se jiltaqa’ mal-espressjonijiet taħt xulxin – din id-darba mingħajr it-tifsira – bħal dar bil-ballun, dawwar il-ballun, fittex il-ballun, kiseb il-ballun, tar għall-ballun, tilef il-ballun, għarax il-ballun, u xellef il-ballun

X’inhi l-opinjoni tiegħek fuq l-ammont ta’ kliem bl-Ingliż li nsibu f’dan l-isport bħal free kick, offside, korner u penalty? 

Il-lingwaġġ tekniku f’kull sport xorob mill-Ingliż diversi kelmiet li llum integraw u saru parti mill-Malti. Huwa veru li ġejjin mill-Ingliż imma llum saru Maltin daqs kull kelma oħra. Tant kemm integraw li saħansitra qagħdu ħelu ħelu ma’ espressjonijiet differenti. Għeleb in-nasba tal-offside ngħidu meta plejer li jkollu ċans ta’ gowl jibqa’ f’pożizzjoni regolari, iżda min-naħa l-oħra, jekk ma jagħmilx dan, ikun waqa’ offside. U kemm-il darba nisimgħu wkoll espressjonijiet bħal lagħab għall-penalty jew penalty dubjuż? Dawn huma xhieda li l-kliem mill-Ingliż sab postu fil-lingwa Maltija, sar Malti, u m’għandniex niddarrsu nużawh.  

Għaliex semmejt dawn iż-żewġ edizzjonijiet Ballun Pinġut? 

L-ewwel nett xtaqt li espressjoni mill-ktieb ikollha l-privileġġ titniżżel fit-titlu. Għalija l-espressjoni Ballun Pinġut hija tal-widna, metaforika, u ddoqq tajjeb mal-qarrejja. Ħadt ukoll l-opportunità nerġa’ nqajjem din l-espressjoni idjomatika u kkulurita. Tajjeb li nfakkru li l-espressjoni ballun pinġut tintuża meta plejer iqassam jew jixxuttja u jġib il-ballun eżatt fejn irid hu, ngħidu aħna meta jagħti free kick. Ġieli wkoll tisma’ min jgħid pinġihulu

More in Arti