Kotba | Is-Sibgħinijiet mil-Lenti ta’ Tifel Ċkejken
Patrick J. Sammut jitkellem ma’ Augusto Cardinali dwar Triq l-Arkata (BDL Publishing, 2023), ġabra ta’ rakkonti awtobijografiċi li jħarsu lejn il-ħajja rurali ta’ Malta fis-snin ’70
Patrick J. Sammut: Minn fejn twieldet l-idea li tikteb dan ir-rakkont awtobijografiku, Triq l-Arkata (BDL Publishing, 2023)? Għaliex il-ħtieġa li wieħed jikteb it-tifkiriet tiegħu?
Augusto Cardinali: Kull persuna għandha storja x’tirrakkonta. L-istorja ta’ kull persuna ssawru għall-bniedem li hu llum. Għaldaqstant, ħassejt li dan ir-rakkont iżomm ħaj it-trobbija u l-ġrajjiet ta’ tfuliti. Fl-istess ħin, inkun qed nonora l-memorji tal-ġenituri, qraba u ħbieb.
Waqt li tkun qed taqra dan il-ktieb tħoss il-ħin kollu bħal żewġ forzi jimbuttaw ‘kontra’ xulxin: it-tfulija jew id-dinja tat-tfal bl-innoċenza tagħhom fuq naħa, u d-dinja tal-kbar bl-uġigħat, il-kumplessitajiet u l-ambigwitajiet marbutin magħha fuq l-oħra. Reazzjonijiet tiegħek?
Fil-fatt, Triq l-Arkata huwa ġabra ta’ rakkonti kronoloġiċi. It-tfulija u naqra miż-żgħorija. Biss irrakkontat minn lenti ta’ tifel ċkejken, bil-mod kif jifhem hu u b’li jħoss hu. Tifel attent għal kull sitwazzjoni u innoċenti fl-istess ħin. Tifel sempliċi f’dinja mgħaġġla u kumplessa. F’Malta li qed tevolvi u f’dinja matura li t-tifel għadu ma sabx postu fiha. Mehdi fl-immaġinazzjoni u l-kreattività artistika, li xi kultant jaħbu r-realtà.
Dan tiegħek hu anki album ta’ persuni differenti li ħallew xi ftit jew wisq marka fuq ħajtek. Però l-personaġġi li tikteb dwarhom inti jakkwistaw laqta universali għax ifakkru lill-qarrejja li anki huma ltaqgħu magħhom fi tfulithom. Kif taħseb jintlaqa’ ktieb bħal dan minn qarrejja tal-ġenerazzjonijiet iż-żgħar? Kemm kellek feedback dwar dan?
Kien hemm bosta persuni li ċempluli, kitbuli u anki kellmuni, li l-kitba, il-ġrajjiet u anki t-trobbija tagħhom kienet qrib jew simili ta’ dak li għext jien. Naturalment, il-klassi soċjali u r-raħal jagħtu stampa ċara tal-ambjent, id-dehra u anki l-istil ta’ kif persuni jintegraw fil-post fejn jitrabbew. Sqaqien, kerrejja, skejjel u knejjes pass ’il bogħod, l-influwenza tal-qasma politika, ir-rispett u anki biża’ mill-awtoritajiet, l-għajxien bla sold żejjed, faqar, nuqqas ta’ edukazzjoni, familji li jgħixu f’żewġt ikmamar, nuqqas ta’ iġjene, servizzi u komunikazzjoni. Dawn kienu s-sebgħinijiet u Malta kollha, bħala raħal wieħed għexithom. Ħadd ma jista’ jmeri daż-żmenijiet, għax min hu tampari, trabba fihom.
Mhix faċli li l-ġenerazzjoni tal-lum tifhem dak li trabbejna aħna fih. Dak inhar konna niddependu fuq xulxin, konna nfittxu aktar lil xulxin, lil-familja u l-ħbieb. Illum il-ħajja saret aktar indipendenti, m’għadx għandek bżonn tistenna aħbar, m’għadx għandek bżonn li timxi triqat twal sabiex tiltaqa’ ma’ xi ħadd, l-ittri bil-bolla ntesew. Illum id-dinja saret raħal wieħed. Illum tfal fit-toroq sparixxew. Illum l-arloġġ qed jiddetta l-ħajja mgħaġġla tagħna. Illum ir-rispett naqas u kulħadd iħoss li hu l-aqwa u l-aħjar. Kważi tħoss li m’għandek bżonn lil ħadd. Nasal biex ngħid, li llum mhix Malta li niftakar jien.
Biss, bħalma nkiteb fid-daħla tal-ktieb, Triq l-Arkata huwa vetrina li wieħed jista’ jittawwal minnha u jilmaħ l-imgħoddi. Ma jfissirx li nerġgħu mmorru għal dak li kien. Dan qatt ma jista’ jsir. Memorji, ġrajjiet li sawru lilna fil-persuni li aħna llum.
“Iż-żmien qisu għadda f’salt. Kollox inbidel f’daqqa.” (p. 79) Il-kitba hi dik li twaqqaf il-ġirja taż-żmien u anki treġġgħu lura. Hemm bħal maġija f’dan kollu. Xi tgħid dwar dan?
Donnu meta tkun ċkejken, il-minuta kienet itwal minn dik t’issa! Ħajjitna kienet aktar kalma u sempliċi. Meta tikber u tħares lura, tinduna li ż-żmien ħarab. Sewwa jgħidu, “dejjem għan-niżla”. Il-ħin itir, is-snin jgħaddu qishom sigħat. Tħares lejn ritratti u tara ġismek jinbidel, il-madwar jinbidel b’mod li ma jibqax jintagħraf. L-għeżież tiegħek jogħsfru qishom qatt m’eżistew. Nemmen li hija ħolma ta’ kulħadd, li kieku treġġa’ ż-żmien, imqar għal ftit ħin u terġa’ tgħix it-tfulija. Biss nibża’ li din id-darba, il-ħsieb matur tiegħek, iġiegħlek tħares b’lenti differenti. Ma naħsibx li terġa’ tħoss l-istess sentiment li kont tħoss b’moħħ u ġisem ċkejken. Ladarba doqt stil ġdid, tkun diffiċli ħafna li terġa’ lura għat-togħmiet ta’ dari. Iżżommhom ħajjin biss f’ritratti, f’memorji u f’nostalġija. Dak li għadda qatt mhu se jerġa’ jiġi lura.
Kemm hu importanti ktieb bħal dan illum li s-soċjetà Maltija għaddejja minn tibdiliet drastiċi?
Ma narahx importanti. Biss huwa rifless f’mera, li juri l-passat. L-imgħoddi li wassal għal dak kollu li qed ngħixu fih illum. Ħadd ma jista’ jżomm il-progress. Is-soċjetà Maltija evolviet u nbidlet tassew, bħalma nbidlet id-dinja kollha. L-unika ħaġa li tbeżżagħni hi li għad jasal żmien li ma nibqgħux nintgħarfu li aħna konna xi darba Maltin. Imbagħad, inkun nista’ ngħid li Triq l-Arkata huwa importanti.
Għandek l-intenzjoni li tkompli bil-kitba tal-awtobijografija u t-tifkiriet tiegħek?
Le. Ħaġa tajba qatt tirrepetiha. Għal Diċembru għandi mħejji ktieb ieħor. Pudinu, ktieb ħelu għat-tfal. Nemmen li jinżel għasel anki mal-qarrejja li għadhom iħossuhom tfal.
Min hu Augusto Cardinali fil-ħajja ta’ kuljum? Apparti l-kitba, liema huma l-attivitajiet l-iktar għal qalbek?
Jien, it-tifel ta’ Tessie u Sarju tal-pastizzi. Bniedem pożittiv, umli u sinċier. Dejjem ngħix bil-ħsieb li min jitkabbar, jiċċekken. Inħobb nara n-nies jitbissmu u ngħin kif nista’ bla ma nistenna xejn lura.
Il-Bambin għoġbu jlibbisni b’ħafna talenti. Mużika, tpinġija, reċtar, kitbiet u kant. Ma nafx għalfejn tagħhomli kollha! Għaldaqstant inħoss li mgħobbi b’responsabbiltà, li dawn it-talenti nużahom tajjeb u li bihom inkattar il-ġid.
Illum, jien Uffiċjal Edukattiv fuq l-Arti. Nindokra 45 għalliem u għalliema tal-Arti, noħloq u nimplimenta s-sillabi li jiġu mgħallma fl-iskejjel tagħna.
Għandi familja sabiħa. Miżżewweġ lil Doreen u flimkien kellna lil Anthea u l-Michele.
Nagħlaq billi nikkwota lil Madre Tereża: “jien pinna f’idejn il-Ħallieq, Hu jmexxini u jien nikteb...”