Tmiem, bidu, tmiem

Fil-paġna letterarja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal dil-ġimgħa, Daniel Cossai jaqbad ktieb li jsejjaħlu “ktieb Slimiż”, iżda mhux minħabba dak li jaħsbu ħafna. Ir-rumanz iġiegħel lil Cossai jirrifletti dwar il-bidla, ir-rutina, u sehem il-ġrajjiet il-kbar Maltin f’dan kollu.

Il-ħoss tal-mewġ kalm riesaq lejn il-blat. Id-dwal tal-lukandi u l-każinò faċċata, in-naħa l-oħra tal-baħar. Gabbani, pjanti, u monumenti. Nies jippassiġġaw, tal-lokal u turisti. Nies jiġru. Klieb, pushchairs, u roti. U ta’ kuljum, inżul ix-xemx mill-isbaħ jirrifletti fuq il-baħar u jlewwen l-attività fuq ix-Xatt ta’ Tas-Sliema. 

Wiċċ frekwenti fost il-ħafna huwa ta’ Toni. Ta’ sebgħin sena imma jidher ta’ ħamsin, fid-dehra u fir-rutina. Ta’ kuljum imur jiġri ġirja tul ix-Xatt. Imbagħad jerħilha lejn il-ħanut tal-gazzetti li ilu jiftaħ u jagħlaq għal ħafna snin, jistenna lill-klijenti jiġu u jisma’ l-għajdut tal-ġurnata. Filgħaxija, jagħlaq u jmur id-dar jipprepara għad-date li jmiss. “Tinder Toni,” issejjaħlu n-neputija. 

Toni huwa l-protagonist tar-rikreazzjoni fittizja taż-żona tal-Exiles f’Tas-Sliema ta’ M. J. Camilleri. Sunset Exiles, ippubblikat minn Merlin Publishers, huwa ktieb bl-Ingliż imma jinħass Malti mill-bidu sal-aħħar, fl-ambjent, fil-ġrajjiet, u fil-karattri u d-diskors tagħhom. Huwa ktieb dwar komunità primarjament Anglofona, u l-kliem użat jirrifletti sew l-istil partikolari ta’ Ingliż, kemm tal-persuni Anglofoni, kif ukoll ta’ dawk, bħall-klijent regolari Simon (jew kif inhu magħruf, Bello), li normalment jitkellmu bil-Malti iżda li f’dawn l-interazzjonijiet jitkellmu, b’ċerta skumdità, bl-Ingliż. Fil-fehma tiegħi, dan ktieb li jinħass Slimiż min-natura tal-espressjoni tiegħu, u din qed ngħidha b’sens ta’ tifħir għall-kapaċità tal-awtur li jqaxxar il-parti u jirrifletti perfettament fil-kitba l-esperjenza reali f’dan il-post. 

Bello u l-klijenti regolari l-oħrajn jifformaw komunità żgħira f’komunità diġà żgħira li min-naħa tagħha, ukoll tinsab f’komunità oħra li tista’ tgħidilha żgħira. Il-ħanut fejn jinġabru n-nies u jiġru l-aħbarijiet, fil-ftit toroq ta’ Tas-Sliema, f’pajjiż ċkejken ta’ nofs miljun. Tal-aħħar importanti, għax huwa biss f’komunità nazzjonali tant żgħira li jistgħu jiġru ħafna mill-affarijiet li jseħħu f’dan il-ktieb, bħal li wieħed jiltaqa’, waqt li jkun l-isptar, ma’ persuna minn belt oħra u li jkun possibbli li xorta waħda jmorru d-dar flimkien, u minn hemm tinbet … xi ħaġa. 

Sunset Exiles mhux ktieb daqstant faċli biex tikklassifikah. Nimmaġina li x’aktarx jitpoġġa fuq l-ixkaffa romantika imma, fl-opinjoni tiegħi, ma jidħolx f’kexxun faċilment. Ċertament huwa interessanti fil-fatt li jesplora r-relazzjonijiet mhux mill-perspettiva tipika tal-adolexxenti jew tal-adulti żgħażagħ, iżda minn ta’ anzjani b’tant esperjenza tal-ħajja. Però wara dan kollu hemm fili oħra għaddejjin, daqqa moħbijin, daqqa mikxufin. Bosta episodji fil-ktieb fil-fatt jesploraw dan: x’nikxfu u x’naħbu. Il-maskri li nilbsu fil-logħba tar-relazzjonijiet tagħna ma’ ħaddieħor u l-importanza tal-impressjonijiet li nisiltu minn dak li jippreżentawlna. 

Għal Toni, id-dehra hija kollox. Mhux f’sens vanituż jew fiżiku, imma d-dehra fis-sens ta’ x’jaħsbu n-nies. Jagħmel x’jagħmel, dejjem ikollu fuq moħħu x’l-aħjar jagħmel biex ma jispiċċax is-suġġett fuq fomm in-nies fil-komunità żgħira li jgħix u jaħdem fiha. Saħanistra anki meta jħossu ħażin waqt il-ġirja ta’ kuljum tul ix-xatt, u ma jkunx jiflaħ jiċċaqlaq, jippretendi li m’hemm xejn ta’ barra minn hawn — avolja ftit sekondi qabel kien qed jistaqsi lilu nnifsu kif se jasal id-dar mingħajr għajnuna — sempliċement għax ma jridx li kulħadd jarah jintrefa’ għal ġo ambulanza fix-xatt mimli nies. Meta eventwalment ikollu jsejjaħ ambulanza d-dar, il-preokkupazzjoni tiegħu ma tkunx saħħtu iżda l-mistħija li kulħadd kien se jintebaħ bid-dwal u s-sireni tal-ambulanza u jkun jaf li ġralu xi ħaġa. 

Jekk il-protagonist moħħu biex jilgħab din il-logħba tal-poker metaforika u l-kxif u l-ħabi tal-karti, forsi mhux daqstant l-awtur. Il-kapitli qosra kollha għandhom titlu ta’ kelma jew, għax il-ktieb jalterna bejn Toni fis-sebgħinijiet u Toni fl-2017, is-sena. Ħassejt li dawn it-titli jikxfu wisq u jneħħu ħafna mis-sens ta’ “x’se jiġri?” f’moħħ il-qarrej, u naħseb li kien ikun aħjar li kieku t-taqsimiet kienu bla titli. 

Fil-ktieb insibu wkoll kurrent soċjali persistenti. Joħroġ sens ta’ klassijiet soċjali differenti mill-kliem u l-attitudnijiet tal-karattri differenti. Imma iktar minn kollox dan l-aspett joħroġ mhux f’riflessjoni fil-karattri imma mir-rikonoxximent, fl-isfond, ta’ ġrajjiet storiċi li biddlu soċjetà. Ġrajja li mill-ewwel ftit paġni diġà kien hemm ħjiel tagħha imma li verament timmanifesta ruħha fil-ftit paragrafi ta’ tkexkix, għal kull Malti li mill-ewwel jintebaħ x’ġej, fil-fehma tiegħi l-ifjen paragrafi fil-ktieb kollu, fl-isptar, fejn Toni jara bosta tużżani ta’ nies miġburin taħt it-TV jaraw xandira diretta tal-aħbarijiet. Kurjuż, jistaqsi x’ġara. “Mela ma smajtx,” tgħidlu dik li wara kellu jsir jafha bħala Lucia. “Qatlu lil Daphne.” 

Meta sseħħ ġrajja li tibdel soċjetà għal dejjem, ikun hemm sens ta’ kurżità dwar liema se jkun l-ewwel ktieb li jittratta l-ġrajja. Ngħidu aħna, liema kien se jkun l-ewwel ktieb tal-COVID jew l-ewwel ktieb tal-Brexit. Għal din il-ġrajja, naħseb li Sunset Exiles jieħu dan l-unur, jekk tista’ ssejjaħlu hekk. Għalkemm diġà kien hemm xi kitbiet li indirizzaw is-suġġett, dawn kienu iżjed speċifikament miktubin għal dik ir-raġuni u mhux storja kwalunkwe milquta mill-bidla soċjali li seħħet u li tirriflettiha. 

Il-qtil, madankollu, għalkemm jissemma bosta drabi ma jisraqx ix-xena. Il-ġrajjiet kbar qatt ma jibqgħu s-suġġett f’ħalq in-nies għal dejjem. Jindraw, nerġgħu lura għar-rutina, u sseħħ bidla. Din hi l-idea fil-qofol ta’ Sunset Exiles, fejn naraw dan iseħħ kemm fil-livell soċjali kif ukoll f’dak personali. Iż-żwiġijiet jintemmu u jintesew, relazzjonijiet oħra wkoll, u anki l-ħajja. Minn tmiem, għal bidu ġdid, għal tmiem ieħor. Mewta, twelid, mewta. Marda, irkupru, marda, mewta. U ma’ kull bidla fiċ-ċiklu, jinbidlu l-għajdut fil-ħanut tal-gazzetti. 

More in Arti