Il-kmiem jifgaw l-uġigħ

Fil-paġna letterarja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal dil-ġimgħa, Ħaley Xuereb għandha f’idejha ktieb rari imma ġdid. Rari għax jittratta t-tema tas-self-harm u s-suwiċidju, u għax il-protagonisti huma żgħażagħ li qed jitkellmu maż-żgħażagħ. Xuereb – żagħżugħa wkoll – tgħidilna l-istorja waslitx għandha, minkejja t-toqol tematiku

Xi kliem huma allerġiċi għat-traduzzjoni. Tnejn mill-favoriti tiegħi huma fernweh, kelma Ġermaniża li tfisser l-oppost eżatt ta’ homesickness, u tartle, kelma Skoċċiża li tirreferi għal dik is-sitwazzjoni skomda meta tinsa isem xi ħadd waqt li tkun qed tintroduċih. Imma din id-diffikultà ma tapplikax biss għal kliem individwali — testendi wkoll għal kunċetti sħaħ, speċjalment dawk li s-soċjetà stess għadha qed tissielet biex tiddefinixxi. Fil-Malti, pereżempju, għad m’għandniex kelma proprja għal self-harm, barra l-kelma flaġellazzjoni, li għandha konnotazzjonijiet strettament reliġjużi. 

Għalhekk, Be;n il-Kmiem ta’ Leanne Ellul jirrappreżenta mument sinifikanti fil-letteratura Maltija. Huwa l-ewwel rumanz lokali li jiffoka direttament fuq is-self-harm, suġġett li ilu jidher fil-letteratura barranija, imma li f’Malta baqa’ tabù. Tradizzjonalment, is-suwiċidju fil-letteratura Maltija ġie ppreżentat bħala att Ġudesk, xi ħaġa tal-biża’ li jagħmilha l-antagonist. Be;n il-Kmiem jisfida din il-perċezzjoni. 

Wieħed mill-akbar sfidi fil-kitba dwar is-self-harm huwa kif jintwera. Il-letteratura dwar id-dwejjaq u l-agħar forma tiegħu ilha tiċċaqlaq bejn żewġ estremitajiet: jew skiet assolut jew sfruttament għall-effett drammatiku. Din it-tensjoni mhix ġdida — fl-1774, Die Leiden des jungen Werthers ta’ Goethe ġie akkużat li rromantiċizza s-suwiċidju sal-punt li ħoloq mewġa ta’ imitaturi. Min-naħa l-oħra, kotba bħal The Bell Jar ta’ Sylvia Plath jew Wir Kinder vom Bahnhof Zoo jirrifjutaw li jpoġġu maskra estetika fuq id-dipressjoni u, minflok, joffru ritratt kliniku, brutali, imma uman. 

Ellul tieħu pożizzjoni differenti. Tilgħab bil-lingwa, b’vuċi maħduma, lirika u intenzjonata li tagħti lir-rumanz ritmu poetiku. L-att tas-self-harm jidher inqas bħala reazzjoni impulsiva u aktar bħala ritwal, magħmul b’ċerta preċiżjoni kkalkulata. Din il-kwalità letterarja tagħmel il-ktieb wieħed li jolqot lill-qarrej, iżda fl-istess waqt tista’ tinħoloq distanza bejn il-qarrej u r-realtà dinamika u inkontrollabbli tad-distruzzjoni personali. Ir-riskju hu li l-uġigħ jidher wisq imfassal, wisq illustrat — għażla estetika aktar milli esperjenza verament vixxerali. 

Ellul għandha dak li ftit kittieba għandhom: ton li hu tassew tagħha, stil li jkun rikonoxxibbli immedjatament. U bih tpinġi l-istorja ta’ Nina, li qed tilheġ mat-tidlik tal-ħajja, m’oħtha Tammy żgħira u innoċenti, m’ommha assenti u missierha sinjur, kollha osservati minn Dolor bid-dulur tagħha u mill-ġirien ħbiebha. Imma hemm sfida fundamentali fil-kitba ta’ rumanzi għaż-żgħażagħ bil-Malti (magħrufa bħala YA — young adult — literature). Xi drabi tħoss dik il-qabża drastika — mid-dinja ħafifa ta’ Il-Ktieb tal-Fenek l-Aħmar għal-letteratura għall-adulti li ż-żgħożija jafuha biss bħala lament. Il-kitba għal żgħażagħ (speċjalment ta’ dawk minn 15-il sena ’l fuq) hija sfida fiha nnifisha. Bħala tfajla ta’ 18-il sena, rari nsib kotba YA li joffru vuċi ġenwina u li ma jinstemgħux jew patrunizzanti jew artifiċjali. Hemm pressjoni kontinwa mis-suq letterarju biex jiġu trattati temi serji għax dawn huma “trendy”; temi obbligatorji, u mhux organiċi — identità, saħħa mentali, relazzjonijiet, inġustizzji soċjali — b’mod li lanqas ma jkun sempliċi wisq u lanqas esaġerat. Donnu issa biex tilgħabha safe għas-suċċess kummerċjali, bilfors trid tikteb fuq is-serju.  Ir-riżultat hu kotba, li, għalkemm jaħdmu skont il-formula, forsi jonqsu milli jaslu għand dawk li għandhom l-aktar bżonnhom.  

Il-poeta li jaqbad il-proża jfeġġ quddiem sfida fundamentali: il-mużikalità tal-lingwa, dik il-ħajta li tgħaqqad il-vers f’armonija, trid tiġi sostitwita jew adattata għal realtajiet oħra — narrazzjoni, kontinwità, u kredibbiltà psikoloġika. Fil-każ ta’ Ellul, li l-ewwel u qabel kollox hija poeta, wieħed jista’ jara kif il-forma, aktar milli l-fond narrattiv, hija l-punt fokali tagħha. L-għażla tal-ewwel persuna plural, rari ħafna fil-proża, tista’ tidher bħala esperiment li jrid jitlaqqam mill-proża, bħallikieku l-poeżija qed tipprova tagħti leħħa ġdida lill-istruttura tar-rumanz. Imma jekk il-poeta f’qalbu jibqa’ dejjem imħajjar jilgħab bil-lingwa aktar milli jisma’ lill-karattri, hemm riskju li x-xogħol jitlef mill-ġenwinità esperjenzali tiegħu. Il-kitba ssir aktar att ta’ perfezzjoni estetika milli manifestazzjoni spontanja ta’ esperjenza umana. U forsi proprju għalhekk Be;n il-Kmiem jispikka fil-ħoss tal-kliem, iżda forsi inqas fil-qalb tal-esperjenza li suppost jirrakkonta.  

F’dan il-kuntest, Be;n il-Kmiem jista’ jitqabbel ma’ Gramma, rumanz tal-istess awtriċi li rebaħ l-istess premju, fejn l-awtriċi kienet iddikjarat li għaddiet minn esperjenzi simili mal-ġlieda kontra l-piż. F’dan il-każ, madankollu, Ellul stess qalet li qatt ma għaddiet mis-self-harm, u dan jista’ jispjega għaliex, xi drabi, id-dehra tiegħu fil-ktieb tħossha aktar performattiva milli inkontrollabbli. Dan iżid mal-kwalità letterarja tar-rumanz, iżda fl-istess ħin jista’ jdallam iċ-ċans li jilħaq lill-qarrejja li tassew qed jgħaddu minn din ir-realtà. Filwaqt li Be;n il-Kmiem jipprova jagħti vuċi lil dawk li forsi ma kinux rappreżentati qabel fil-letteratura Maltija, jibqa’ mwaħħal fi plott li diġà rajna. Ir-rumanz Malti diġà pprova l-istorja tas-solitudni burgiża b’karattri li ma jafux minn fejn ġejjin verament, ġenituri għonja li għebu jew mhumiex aċċessibbli, u protagonist li qed jipprova jifhem lilu nnifsu kontra sfond ta’ privileġġ moħbi. Forsi f’xi ħinijiet, speċjalment fl-esplorazzjoni tal-karattru ta’ Dolor, u fil-misraħ vast ta’ omm Nina, l-awtriċi żammet kemxejn lura milli tiftaħ ġwienaħ ir-rumanz fuq ħsus differenti. 

Il-ktieb ibaqbaq bil-potenzjal. Il-Malti ta’ Ellul huwa ħoss ta’ karta friska — jaqta’ u jidħol fil-widien ta’ moħħi, inaddafhom u jislet spazju għal kliemha. Sa mit-titlu stess nista’ nislet milja ta’ tifsiriet — il-punt u virgola (semicolon) li turi li l-ħajja tibqa’ għaddejja, mhux punt, l-għemża tal-ismile emoji, bejn il-kmiem li jikxfu l-polz, bejn il-Kmiemen … u dawn il-ferroviji b’kabini ħsibijiet jinkitbu fil-kliem ta’ Ellul, li se jgħallmu l-mużikalità u se jiftħu dinja ġdida — — ispiranti ferm — lill-qarrejja żgħażagħ li ma jkunux familjari mar-ritmi poetiċi. Dan huwa rumanz li se jolqot b’mod profond lit-tfajliet, peress li l-istorja hija primarjament ifformata mill-esperjenzi tal-bniet. Filwaqt li jista’ ma jappellax immedjatament għas-subien minħabba l-assenza ta’ karattri maskili, it-temi tal-uġigħ u l-iskoperta personali huma universali.  

Il-letteratura dejjem kellha reazzjoni speċifika meta jinkitbu suġġetti ġodda, jew  ta’ tabù. Charlotte Perkins Gilman kienet imwarrba meta kitbet The Yellow Wallpaper dwar id-dipressjoni post-partum. Elizabeth Wurtzel kienet akkużata li kienet qed tesaġera meta ppubblikat Prozac Nation. Mingħajr dubju, Be;n il-Kmiem se jħalli impatt. U meta għalaqtu, ma kellix għalfejn nagħmel split fuq il-mejda tal-kċina biex insib il-paġna. Għax il-qoxra, hija ergonomikament perfetta.  

Dan il-ktieb rebaħ il-Konkors ta’ Letteratura għaż-Żgħażagħ fl-2023, organizzat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u l-Aġenzija Żgħażagħ. 

More in Arti