
Stanza Azzurra: Il-poeżija Maltija bit-Taljan
It-traduzzjoni Taljana, li tinqara b’mod naturali u mexxej, tippermetti lil dawn it-temi jilħqu udjenza usa’, u tintroduċi aktar qarrejja għal-letteratura kontemporanja Maltija

Bil-pubblikazzjoni “Stanza Azzurra – Inventario”, ix-xena letterarja Maltija kompliet tikber fuq livell internazzjonali. Din hija t-traduzzjoni Taljana tal-ġabra “L-Inventarju tal-Kamra l-Kaħla” ta’ Leanne Ellul. It-traduzzjoni saret minn Virginia Monteforte, bl-editjar ta’ Valerio Cruciani. Il-ktieb ġie ppubblikat minn Capire Edizioni taħt il-kurazzjoni ta’ Renzo Casadei u Davide Rondoni.
Oriġinarjament, il-ktieb kien ippubblikat bil-Malti minn Merlin Publishers bl-isem “L-Inventarju tal-Kamra l-Kaħla”. Il-ġabra ta’ madwar 85 poeżija tesplora t-temi tal-imħabba, it-telfa u l-baħar. Il-kitba ta’ Ellul hija magħrufa għan-natura esperimentali tagħha, filwaqt li tpoġġi fuq quddiem l-intimu u l-vulnerabbli. Il-ktieb jieħu l-forma ta’ inventarju; jelenka mhux biss oġġetti, imma wkoll emozzjonijiet, kuluri, u prepożizzjonijiet li jistgħu jinstabu f’din il-kamra simbolika. It-traduzzjoni Taljana, li tinqara b’mod naturali u mexxej, tippermetti lil dawn it-temi jilħqu udjenza usa’, u tintroduċi aktar qarrejja għal-letteratura kontemporanja Maltija. Il-verżjoni Taljana hija disponibbli għall-bejgħ online u fi ħwienet tal-kotba rinomati madwar l-Italja.
Xi poeżiji minn “Stanza Azzurra” diġà kisbu rikonoxximent fl-Italja. Fl-2021, għażla mill-ġabra laħqet is-semifinali tal-Premio Internazionale Rainer Maria Rilke, u fl-2023, għażla oħra ġiet ikklassifikata minn ta’ quddiem nett fl-istess premju. Lil hinn mit-Taljan, poeżiji mill-ġabra oriġinali bil-Malti ġew tradotti — u wħud minnhom ippubblikati — bl-Ingliż, bl-Għarbi, u bil-Grieg. Leanne Ellul saħqet li kull traduzzjoni, lejn u minn lingwa oħra, tippermetti li dik il-lingwa tikber f’direzzjonijiet ġodda. Hija enfasizzat li, għalkemm il-bejgħ tal-kotba mhuwiex il-kejl tal-suċċess, kull kontribuzzjoni, ċkejkna kemm hi ċkejkna, tifforma u tkabbar it-tessut tal-pajsaġġ letterarju Malti barra minn xtutna.
Din mhix l-ewwel darba li Virginia Monteforte traduċiet xogħol ta’ Leanne Ellul. F’kumment li għaddiet qalet li: “Jogħġobni ħafna l-mod kif Leanne tilgħab bil-kliem u l-kuntesti sa minn meta ttraducejt ‘Noè u l-Iskojjatlu bla Kwiet’; kif jirnexxilha tgħaqqad dinjiet u immaġnijiet differenti bil-mod li Calvino jsejjaħlu ‘thoughtful lightness’. Il-poeżiji tagħha kienu sfida intriganti, labirint ta’ impressjonijiet, sentimenti u sensazzjonijiet multipliċi fi spazju ta’ kamra li ħafna drabi ssir baħar kaħlani fond.” Bl-appoġġ tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, “Noé u l-Iskojjatlu bla Kwiet” — oriġinarjament miktub bil-Malti minn Leanne Ellul u Stephanie Bugeja, u ppubblikat minn Merlin Publishers — ġie tradott għat-Taljan bħala “Noè e lo scoiattolo giocherellone” u ppubblikat minn Verbavolant Edizioni fl-2022.
Leanne Ellul hija poetessa u kittieba Maltija, magħrufa għax-xogħol tagħha fil-poeżija, il-proża u l-letteratura għat-tfal u l-adolexxenti. Matul is-snin, rebħet diversi premjijiet letterarji u tibqa’ impenjata biex tkompli taħdem bil-Malti u għall-Malti. Virginia Monteforte, traduttriċi, awtriċi u antropologa, ħadmet biex tgħaqqad kulturi differenti permezz tal-letteratura, u tagħmel ix-xogħol letterarju Malti aktar aċċessibbli għal qarrejja internazzjonali.
Il-ġabra sħiħa ta’ poeżiji, ippubblikata fl-2025, kienet appoġġata mill-Fond tal-Ktieb tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, li għandu rwol ewlieni fit-tixrid tal-letteratura Maltija lil hinn minn xtutna. Grazzi għal din l-inizjattiva, “Stanza Azzurra” issa jista’ jilħaq qarrejja ġodda u jkompli jikkontribwixxi għall-apprezzament dejjem jikber tal-poeżija Maltija fuq livell internazzjonali.