
Ħarġa Filatelika: Cats, Series II
Din il-ħarġa filatelika se tkun għall-bejgħ mill-Fergħat Postali f’Malta u Għawdex mill-Ġimgħa 4 ta’ April 2025

MaltaPost tniedi sett ġdid ta’ bolol biex tiċċelebra l-imħabba għall-qtates fil-Gżejjer Maltin. Il-kollezzjoni ta’ erba’ bolol hija xogħol l-artist Malti Andrew Micallef.
Il-bolla tal-€0.20 turi dehra mill-qrib ta’ qattus bi tliet kuluri qiegħed bilqiegħda rilassat fil-kampanja b’veduta taċ-Ċittadella t’Għawdex fl-isfond.
Fuq il-bolla tal-€0.45 jidher qattus tat-tip tabby abjad, f’poża mimduda, ġewwa r-raħal tas-sajjieda ta’ Marsaxlokk, bil-knisja parrokkjali tal-Madonna ta’ Pompei fid-distanza.
Il-bolla tal-€1.00 turi pittura ta’ qattus tabby oranġjo barra fil-kampanja, jippoża fuq banketta tal-ħadid, bil-kappella ddedikata lill-Madonna ta’ Lourdes murija fuq il-promontorju tal-Port tal-Imġarr.
Fil-bolla tal-€1.91 jidher qattus b’xagħru twil tat-tip Tuxedo, bir-raħal tas-Siġġiewi u l-knisja parrokkjali ta’ San Nikola fl-isfond.
Dan is-sett jinħareġ f’folja ta’ għaxar bolol, b’kull bolla ta’ daqs 44 mm x 31 mm, b’perforazzjoni ta’ 14.1 x 14.2 u għandha watermark bis-salib ta’ Malta. Kull folja hija ta’ daqs 115mm x 182mm u ġiet stampata minn Printex Limited bi proċess offset. Il-ħarġa tikkonsisti f’100,000 bolla tal-€0.20, 500,00 bolla tal-€0.45, 50,000 bolla tal-€1.00 u 100,000 bolla tal-€1.91.
Din il-ħarġa filatelika se tkun għall-bejgħ mill-Fergħat Postali f’Malta u Għawdex mill-Ġimgħa 4 ta’ April 2025. Ordnijiet jistgħu jsiru online fuq https://www.maltaphilately.com/ jew bil-posta mill-Philatelic Bureau, MaltaPost p.l.c., 305, Triq Ħal Qormi, Marsa, MTP 1001, bit-telefown fuq 2596 1740, jew b’email fuq [email protected]