
La Hu u La Hi
Fil-paġna letterarja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal dil-ġimgħa, Miriam Galea taqbad il-ktieb Qarn ta’ Romeo Roxman Gatt, ippubblikat minn Aphroconfuso. L-esperjenzi tat-tranżizzjoni sesswali tal-awtur jiltaqgħu mal-użu innovattiv tal-ilsien Malti, u hawnekk Galea tistiednek fi vjaġġ lejn ir-realtà u l-awtentiċità.

Qarn (li skont Google Translate hi ‘horny’ bl-Ingliż) hu dokumentazzjoni importanti, rari u meħtieġa, fix-xena lokali. F’dan il-ktieb, ippubblikat minn Aphroconfuso, l-artist Romeo Roxman Gatt b’mod grafiku, ġenwin, u qalbieni jiddeskrivi u jaqsam l-esperjenza delikata u qawwija tat-tranżizzjoni u l-ħajja tiegħu bħala raġel trans. Dan it-test hu rilevanti mhux biss għal nies trans, iżda għal kull kategorija ta’ nies sottorappreżentati u marġinalizzati mis-soċjetà eteronormattiva, kapitalista u patrijarkali. Aphroconfuso hu ġurnal letterarju online li joffri pjattaforma għal ilħna inqas rappreżentati u bosta kittieba oħra – fosthom jien – li jħaddmu l-Malti b’mod kontemporanju dwar suġġetti importanti u kurrenti li jeħtieġ li jibdew jiġu diskussi bi lsienna biex jinżergħu b’mod aktar tanġibbli fil-ħsieb u r-realtà tagħna.
F’Qarn, il-kittieb jittratta temi, iħaddem u joħloq vokabularju, u juża stil li rari ltqajna miegħu fil-letteratura bil-Malti. U dan hu l-valur ewlieni u edukattiv tiegħu. “Dal-proġett huwa tweġiba għan-nuqqas ta’ rappreżentazzjoni ta’ rġiel trans, nies mhux binarji, nies li jippreżentaw aktar bħala maskili [...] Nixtieq li l-istejjer tagħna jingħadu fi kliemna u bit-termini tagħna.” Gatt jeqred it-tabù billi jesponina għal vokabularju, esperjenzi u realtajiet li s-soltu jitwarrbu jew jiġu espressi bl-Ingliż. Hu stess jistqarr li iktar imdorri jittratta dawn is-suġġetti bl-Ingliż, għax kien meta telaq lejn Londra li rnexxielu jesperjenza min tassew kien, u l-fatt li issa qed jaffronta l-identità tiegħu f’artu bi lsienu stess qed twasslu biex jiffaċċjaha tassew. L-immedjatezza ta’ lsienna tippermetti ħsieb iktar ċar, reali u awtentiku. Għal qarrejja li mhumiex daqstant familjari mas-suġġett, Qarn tassew jiftħilna għajnejna, b’ħafna referenzi akkademiċi riċerkati, dwar kif is-soċjetà tipperċepixxi kollox bħala binarju, telimina “l-intermedjarji sesswali” jew “it-tielet sess”, u dwar kif possibbli naraw id-dinja fi spettru ħafna usa’, iktar kumpless, empatetiku u inklużiv.
L-esperjenza trans mhix l-unika waħda ttrattata f’Qarn. Gatt jagħti leħen lill-femminiżmu billi jiddeskrivilna kif tbeżżgħu l-misoġenija u kif “Il-mara u l-femminilità dejjem naraw x’nagħmlu biex inħassruhom minn wiċċ id-dinja”, kif nisa li ssejħu sħaħar ma kienu xejn ħlief nisa b’saħħithom. Dan imur id f’id mal-mod kif il-maskulinità ġiet ridotta għal dik patrijarkali u kapitalista. Isaqsi r-raġel kienx ġeneru iktar ibridu – “parti annimal, mara, fjura, artab. Kien iffukat fuq l-armonija, il-komunità, l-innoċenza, il-kalma, il-logħob u l-indukrar”. Imma mbagħad “Sar mexxej, iddeċieda għal kulħadd, ħaseb biss fih, il-mara fih naqset [...] lill-annimal ikkontrollah u ġieli kkaċċjah, u l-art seraqha u ħakimha.” Jindirizza wkoll tabùjiet oħra, bħall-vulnerabbiltà, il-kontroll normattiv fuq il-ġisem u r-relazzjonijiet, il-falliment, il-kura patrijarkali tat-tobba, u bosta oħrajn.
Il-kitba ta’ Gatt tħaddem u tittraduċi bil-Malti dawn il-kunċetti kurrenti u speċifiċi. Huwa narratur simpatiku li jaqliblek minn kwotazzjoni akkademika għal rakkont umoristiku minn ħajtu ta’ kuljum. Fil-kitba, spiss jinħass li Gatt iktar imdorri jittratta s-suġġett bl-Ingliż u xi drabi tinħass it-traduzzjoni litterali u n-nuqqas ta’ użu tal-lingwa iktar letterarju u mirqum. Però dan jitpatta bl-immaġinazzjoni dinamika u artistika ta’ Gatt fejn jinnova u jilgħab bil-Malti b’reġistru u lingwa kurrenti, fejn xi drabi tistaqsi hux apposta li juża lingwaġġ aktar bażiku u mhux maħdum, jixbah iktar lil dak li naqraw fuq il-mezzi soċjali jew fil-mużika jew fit-triq, u hux jieħu gost jilgħab b’din il-klixè. Il-fatt li Gatt ġej mix-xena artistika u mhux letterarja donnu jagħtih ħelsien jilgħab bil-lingwa bla pretensjoni u ambizzjoni żejda. Wara kollox hu stess jgħidilna “ppruvajt nikteb mingħajr ma nikteb/ippruvajt ma niktibx ktieb”.
Aktar milli rumanz, il-ktieb hu magħmul minn siltiet konsekuttivi qosra, donnhom entrati fi djarju dwar ħajjet il-kittieb, il-ħolm u l-immaġinazzjoni tiegħu, ix-xogħol artistiku u r-riċerka u t-tħassib. Hemm bosta siltiet fejn Gatt jinfexx jilgħab bil-lingwa u l-poeżija b’mod umoristiku, bi stil naive apposta, bħal donnu rap poetiku (Gatt isemmi li kien jikteb mużika “post-pop”). Il-lingwaġġ bejn jilgħabha tal-bażiku u bejn jinbex lill-qarrej b’mod li dan ma jkunx ċert jiħdux bis-serjetà. L-ewwel logħba poetika bħal din li ltqajt magħha tatni sorpriża ħelwa:
“Dar Dardir Ardit fidil sellimt sellejt ħabbejt bikkejt idejk żammejt armejt ittri ta’ sentejn sentimentali kemxejn għamjet għajnejk kelmtejn poeżija mal-lejl fejn mitluf il-ġuf bil-ġuħ [...]”
Gatt jimraħ ukoll minn żmien għal żmien f’episodji umoristiċi jew melankoniċi immaġinati, fejn joħloq tant metafori u simboli rikki. Isemmi fost l-oħrajn li hu miġbud mill-ottika tal-maskulinità, u jiffantasizza bil-karozzi, il-futbol, l-armuri, il-gel, il-cowboys:
“Il-ġuvnott tal-Honda Civic, air freshener tal-ħaxixa mdendla mill-mera ta’ quddiem, choker chunky tal-fidda jirrifletti x-xemx dritt f’għajnejja, iħares dirett f’għajnejja b’ħarsa li tagħmik aktar mix-xemx.”
Gatt joħloq inventarju metaforiku sħiħ madwar it-tranżizzjoni tiegħu u n-nies trans. Il-metafori jinqasmu bejn wieħed u ieħor fi tliet kategoriji, dawk reliġjużi, dawk ta’ diversi annimali trasformattivi, u dawk mid-dinja tal-maskulinità. Isejjaħ lil nies trans Transformers, cowboys qosra, ixebbah lilu nnifsu ma’ suldat li korra, Jerry (ta’ Tom and Jerry) immuskolat, anġlu mxajtan jew tal-ħadid, bil-ġwienaħ immuskolati, friefet, sireni, qarnita li tagħmel camouflage, gremxula li tidher qisha serp.
Joħloq xbihat tassew sbieħ, bħal meta jxebbah is-saqaf ta’ kamartu ma’ mera li tagħfas fuqu bil-kontra tas-sema li jelevah, jew meta jimmaġina li jaqbeż lura fil-ġuf li jinfetaħ bħal toqba sewda f’kamartu fejn jitlef ġismu u t-tħassib ta’ miegħu, inkella meta jxebbah il-klabb ma’ knisja fil-mod li huma t-tnejn mezz ta’ ħelsien. F’linji bħal dan jaqbad poeżija fi kliem sempliċi kif jiddeskrivi l-ewwel tas-sena, “Il-murtali fis-sema jisparixxu waqt li n-nies jixxenglu u l-klieb jinbħu”.
Gatt jaqsam magħna wkoll b’mod onest emozzjonijiet vulnerabbli u privati, b’mod tipiku tal-Ġen Z – ġenerazzjoni ferm konxja tal-emozzjonijiet tagħha u kif tieħu ħsiebhom, li taċċetta l-vulnerabbiltà u għandha inqas illużjonijiet. Gatt stess jitkellem dwar il-falliment bħala mod kif wieħed jitgħallem u jissaħħaħ. Juża wkoll vokabularju awtoanalitiku bħal referenzi għal meta wieħed jimmanifesta, jinvadi l-ispazju, jikkalma lilu innifsek, jagħraf l-insigurtà.
Qarn hu ktieb siewi prinċipalment għaliex jagħmel kontribut qawwi għall-konxju bil-Malti dwar suġġett kurrenti u tant importanti.