Il-Ħemda Tgħammex f’Qigħan l-Alla Dlam

Fil-paġna letterarja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal dil-ġimgħa, Miriam Galea ssib rivelazzjoni fil-ktieb Ġo Baħar Jiskura sad-Dlam ta’ Giole Galea, wieħed mill-aktar kittieba mirquma u profondi bil-Malti. Mhux talli l-kitba filosofika u spiritwali tiegħu hija intellettwali, talli tfur bil-poeżija.

Biex inkun onesta, meta għażilt dal-ktieb, qajla bsart is-suġġett tiegħu. Mal-ewwel daqqa t’għajn, ġibidni l-Malti pur u mirqum, li rari għadek issibu, u li jgħaxxqek bi lsienek mill-ġdid. Kif intbaħt fuq xiex kien qed jikteb il-kittieb b’tant ħrara, għall-ewwel imbuttani. Jien x’kelli x’naqsam u x’interess kelli nisma’ fuq it-triq lejn Alla u s-saċerdozju? Dan hu ktieb li jirrakkonta l-vjaġġ spiritwali qawwi tan-narratur li wasslu biex iqatta’ 15-il sena f’eremitaġġ.  

Minkejja x-xettiċiżmu tiegħi, Giole Galea ssorprendieni. Kliem mill-ifjen, kitba qawwija u ħsibijiet li minkejja li profondi, spjegati bl-akbar ċarezza u poeżija. Għalkemm m’iniex reliġjuża u li, għall-bidu, bdejt nistħajjel lill-kittieb kemxejn melodrammatiku u inġenwu, bdejt xorta nsib profondità eżistenzjali universali fi kliemu, minbarra li komplejt nitgħaxxaq bil-Malti sabiħ li jħaddem donnu mhux hu, donnu ħiereġ minn xi żmien fejn il-Malti baqa’ mhux mittiefes. 

Titpaxxa taqra kliem li qatt ma kien jgħaddili minn moħħi nuża, imma li jagħmel sens u jinftiehem mill-ewwel, bħal “aft” (passat ta’ naf), “serp jissajja”, “resqien” (nom minn ‘resaq’), “aħmar dagħmi”, “dagħbien” (fond), “mtaħħta”. 

Barra minn hekk, il-kitba ta’ Galea hija kitba intellettwali, filosofika u spiritwali, li tiddeskrivi bl-aktar mod ċar, elokwenti, sensittiv u poetiku esperjenza tant profonda, astratta u kumplessa, u tiġbidna miegħu fil-qiegħ profond u misterjuż ta’ ruħu mudlama.  

Minbarra li hu filosfu u teologu, Galea jagħraf hu stess lilu nnifsu bħala poeta, f’meta-riflessjoni dwar il-poeżija, li hu jsejħilha “għana”, “ġlieda mal-kliem, biex inġiegħlu jagħsarli f’ħoġri s-sens”. Jgħidilna kif “kollox beda jsirli metafora, jiġifieri kollox beda jkellimni minn qagħda ġewwiena”. Hemm passaġġ fejn jiddeskrivi kif f’lejl meta ma setax jorqod, tela’ fuq il-bejt ifittex il-kliem. “Ġieni f’moħħi li stajt niġbru mis-sema. Imma s-sema ma kienx kliem; is-sema kien skiet.” Jgħidilna li “dak li għandu jinkiteb mhux jien niktbu, imma hu nnifsu, bija. Juża lili.[…] X’għandu jingħad hu diġà maqtugħ xi mkien ieħor fond ġo fija […]U jien u nobdi, inbaxxi rasi u noffri lili nnifsi. Il-kitba toffrini”. Ħin ieħor jgħid kif kien poeta “għax ma kontx kapaċi nweġġa’ bla ma nipprova nislet l-imħabba mill-weġgħa.” 

Galea joħloq univers metaforiku sħiħ magħmul minn duwalitajiet kuntrarji, li bih jgħaddilna għerf lil hinn mir-reliġjon. Mill-bidu jwissina b’mod kriptiku li “Hemm biss qigħan, xejn aktar” u “kull qiegħ għandu ħakma fuqi”, u jintroduċina għax-xbihat opposti li jakkumpanjawna tul il-ktieb u li jippermettulu t-tama fl-avversità: “dak li għalik hu telgħa, għalija huwa nżul. Dak li int tgħoddu b’quċċata, jien inżommu bħala qiegħ. Għalhekk, dak li int tarah bħala mewt, jien ngħożżu u nħaddnu bħala ħajja […] id-dawl veru hu dak li jgħammixni, li jixħetni fid-dalma tad-dlam. Hekk naf ngħixha ħajti […], naqdef ’il barra.” Hu stess jagħraf li din il-ġibda hi pjuttost makabra – “l-ossessjoni bil-qigħan, bl-oskurità, bl-idea tal-misteru”; “Il-wiċċ mhux imkienna. Imkienna l-profondità, li lejha ssejħilna minn fejn iħares lejna x-xefaq”. Imma fl-aħħar wieħed jifhem li “l-oskurità biss toħroġha l-verità; id-dlam biss jikxifhom il-kwiekeb”. 

Is-skiet, jew il-“qagħda ta’ ħemda”, hu element kruċjali għall-kittieb. In-nuqqas ta’ ħoss hu s-skiet ta’ Alla li “jissokta b’ħarstu fuqi: ħarsa li tifhimni, imma wkoll li ma tikser qatt is-skiet”. Jitkellem fuq ħarset Alla - “Int ma tweġibx. Tħares biss”, u li “il-misteru assolut [ta’ Alla]  jinkapsula l-biki uman”. F’żewġ poeżiji jgħid “nixtieq insir il-ħemda” imma wkoll iwissi lilu nnifsu “Tilgħabx mas-skiet, ħanini./Dil-mewt la tinbixhiex./In-nies għall-kliem għatxana;/il-ħarsa ma tridhiex.” Is-skiet hu “l-ispazju minn fejn stajt inħobb” u l-ispazju tal-preżenza”. Il-poeta dejjem qed jipprova jitneżża’, biex jasal fi stat għeri fejn isib ruħu wiċċ imb’wiċċ mal-verità mikxufa. L-imħabba u l-verità jinsabu fiċ-ċaħda – tad-dawl, tal-quċċati, tal-ħajja. “Kienet l-imħabba li ridt ngħanni imma hi li kienet issikkitni.” 

Mas-skiet u l-qigħan, il-poeta jixxennaq għad-dlam - ir-riżultat ta’ dawl tant jaqbad li jagħmih u tal-aċċettazzjoni tal-misteru u tan-nuqqas ta’ kontroll. Hawnhekk fejn joħloq l-isbaħ metafora: “Tlabtu jkun Alla fid-dlam, jekk id-dlam biss kien iċ-ċertezza tal-imħabba. Anzi, ridtu jkun Alla qabel kull dawl. Alla dlam”. Saħansitra jfakkarna fl-allegorija tal-għar ta’ Platun: “Dlam qabel kull dawl. X’inhu d-dawl li dawn l-għajnejn jaraw jekk mhux tnemnim mid-dawl li mhumiex kapaċi jaraw? U x’inhu dat-tnemnim jekk mhux dlam, imqabbel mad-dawl li ma nifilħux inħarsu lejh?”  

B’hekk nibdew nifhmu din id-duwalità, u ċ-ċaħda ta’ kull ma jidher li hu kisba biex minflok jinstab dak li jeżisti fil-fond. Galea jitqatel biex jasal f’qiegħ tiegħu nnifsu, jifhem li l-kollox jinsab fix-xejn, jitqaxxar minn kollox sa ma jitneżża’ sal-essenzjali. Fis-skiet u fid-dlam isib id-dawl; fil-ħniena u tbatija, u mhux fil-qdusija perfetta, isib lil Alla jew, fil-każ ta’ min ma jemminx, il-verità. 

Galea jkompli f’din il-metafora ta’ ċaħda mis-superfluwu għas-sejbien tal-veru. Jissaħħar anki mill-mewt li jwaħħad mat-twelid, mit-trab u mid-deżert. Jirrakkonta episodju meta fil-kampanja sab qabar Puniku,  fejn fehem li fuq is-skiet “l-ħajja u l-mewt jiltaqgħu u jitħabbu” u meta “minn qiegħ l-art ħriġt nemmen li kont ħiereġ mill-ġuf”. Jgħid kif it-tixniq għal Alla “kien iżidli t-togħma tal-irmied tiegħi nnifsi”. Kif jasal fil-monasteru wara li li jitlaq mis-Seminarju f’Malta, jaħseb, “Issa kont midfun, u kont kuntent”; “Filgħaxija, fiċ-ċella, kien il-ħin tal-mewt. Il-ħin tal-qabar.” Il-waqfien, bħas-skiet u d-dlam, ukoll iġibna wiċċ imb wiċċ mal-essenzjali: “Alla wieqaf. Għal dejjem. Minn dejjem.” Tant li fil-monasteru jixtieq ukoll li jgħib f’Alla: “Liebes l-iswed, issa ma kontx nintgħażel mill-bqija [...] bil-barnuża f’rasi, kont bdejt ngħix speċi ta’ anonimat doppju. Kien il-mod kif  ngħib, biex insib ruħi mod ieħor; xi mkien ieħor, biex minni tingħasar kelma ġdida”.  

U fl-aħħar, il-baħar li jagħti titlu lill-ktieb u li, bħas-skiet, id-dlam, ix-xejn, il-mewt, jgħarraq lill-kittieb fis-sewwa. Għanjet l-eremita ddawwar kull ħaġa mudlama u oskura f’hemm fejn tinsab it-tifsira.  

Dan il-ktieb ippubblikat minn Horizons Malta.

More in Arti