[IT-TIENI PARTI] Films Dwar “Billy The Kid”

Fit-tieni parti ta' dis-sensiela, Carmel Bonnici jkompli jħares lejn films dwar l-infami Billy the Kid...

Film kurjuż u eċċentriku dwar dan il-karattru kien dak tal-1966 bl-isem ta’ Billy The Kid Vs Dracula.  Id-direttur Sam Peckinpah li kien diġa’ kiseb fama bil-films tiegħu (a anki xi Westerns) ta’ vjolenza qawwija, fl-1973 ħadem Pat Garrett And Billy The Kid, film raffinat b’xi qtil bis-“slow motion” (tendenza komuni ta’ dan id-direttur) fejn Kris Kristofferson fl-eta’ ta’ 37 sena interpreta lil William H. Bonney.  Dan il-maħrub mill-liġi sar l-eroj, maħdum minn Emilio Estevez (it-tifel ta’ Martin Sheen) f’żewġ films tal-1989 u 1990, Young Guns u Young Guns 2.  F’dan it-tieni film tinstema’ l-kanzunetta popolari Blaze Of Glory ta’ Jon Bon Jovi. 

Fis-snin tletin u erbgħin ħarġu patafjun ta’ films żgħar, ta’ madwar siegħa ‘l wieħed bl-atturi Bob Steele u Buster Crabbe fil-parti ta’ Billy (b’kollox 42 film).  Zgur li l-aktar film popolari dwar dan l-“idolu” hu Pat Garrett And Billy The Kid li se ntikom l-istorja u anki xi kummenti dwaru. 

Ma jagħtix kas meta x-Xeriff Pat Garrett (James Coburn), ħabibu u li qabel kien ukoll maħrub bħalu, javżah biex jitlaq minn New Mexico, Billy The Kid (Kris Kristofferson) ikun arrest wara battalja furjuża bil-pistoli.  Ftit qabel ma kellu jkun mgħallaq fil-belt ta’ Lincoln, Billy jaħrab billi jispara fuq l-assistenti deputati xeriffs, Bell (Matt Clark) u Ollinger (R. G. Armstrong) u jirritorna mal-gang tiegħu ġo Fort Sumner fejn hemm idaħħal membru ieħor fil-gang, raġel żagħżugħ misterjuż magħruf sempliċiment Alias (il-kantat Bob Dylan), li baqa’ jsus warajh minn Lincoln.  Garrett jistabilixxi brigand anzjan, Alamosa Bill (Jack Elam) bħala d-deputat tiegħu, filwaqt li l-Gvernatur Wallace (Jason Robards) ikollu wkoll id-deputat tiegħu, Poe (John Beck) biex jgħinu jeqirdu lil Billy ħalli jnaqqsu r-rabja ta’ dawk is-sidien tal-art bħal Chisum (Barry Sullivan), sid ta’ merħliet. 

Bil-ħsieb li jitlaq għal Messiku, Billy jiltaqa’ ma’ Alamosa Bill u kontra qalbu joqtlu.  Wara jibda jirrealizza li jkun għalxejn li jaħrab meta jiġi ħdejn Paco (Emilio Fernandez) f’xifer il-mewt, ittorturat minn ta’ Chisum meta kien se jirritorna mal-familja fil-Messiku.  

Sadanittant, Garrett ma jirnexxilux isib fejn Billy qed jistaħba minn tnejn minn nies tal-gang tiegħu, Holly (Richard Bright) u Beaver (Donnie Fritz), imma jsir jaf mingħand prostituta fil-belt ta’ Roswell li l-qattiel irritorna f’Fort Sumner.  Bil-għajnuna tax-Xeriff Kip McKinney (Richard Jaeckal), Garrett u Poe imorru rekbin fuq iż-żwiemel lejn Fort Sumner fejn Garrett bil-lejl jersaq lejn id-dar ta’ Billy u jispara fuqu.  Fil-għodu, n-nies tal-belt u l-bqija tal-gang ta’ Billi jħarsu lejn Garrett sejjer lura biż-żiemel. 

Dan il-film tal-M.G.M. tal-1973 kellu ħin ta’ 106 minuti.  Il-mużika tal-film kitibha Bob Dylan stess li għandu parti sekondarja, kif ukoll hu stess ikanta l-kanzunetti fosthom Knockin’ On Heaven’s Door li partijiet minnha jinstemgħu bosta drabi tul l-andament, ġieli b’battuti differenti. 

Par Garrett And Billy The Kid kellu traġitt diffikultuż, b’6 edituri jaħdmu fuqu u xi qtugħ mill-kumpanija, fosthom il-mewta tax-Xeriff Pat Garrett mill-impjegati tiegħu stess.  Xorta waħda dan kien Western epiku iżda difettuż.  Kien ukoll film tal-burdati, melodrammatiku bħal ħafna mill-mużika ta’ Dylan fejn kull sekwenza tispiċċa b’xi mewta vjolenti jew kiefra biex turi li l-ħajja ta’ dak iż-żmien fl-Old West ma tiswa xejn. 

Kurżita kbira hija waħda mill-istejjer li jiena kont qrajt mill-kollezzjoni ta’ Fr. Ian Doulton, missjunarju Sależjan fl-Indja (forsi jista’ jkun ukoll li qrajtha fil-perjodiku erudit Readers’ Digest).  Wara serqa, wieħed mill-akbar ħbieb ta’ Billy The Kid ikun ferut gravi u jieħdu l-isptar fejn soru ddur bih wara li rah tabib.  Tant tagħmel xogħlha tajjeb li Billy jgħid lis-soru biex titolbu liema pjaċir trid u hi ma tkun trid xejn.  Meta l-ferut jaqleb għall-ħażin u jmut, Billy jgħidilha li se jmur joqtol lit-tabib.  Hi tfakkru fil-promessa li kien għamlilha u titolbu pjaċir biex jeħles lit-tabib.  Hawn Billy jirrispetta t-talba tagħha. 

Xi snin ilu fl-Istat ta’ New Mexico ħafna ċittadini għamlu petizzjoni biex ineħħu l-isem ħażin ta’ William H. Bonney għax sostnew li għamel dak li għamel meta ġie dahru mal-ħajt, ittradut mis-sidien potenti tal-baqar.  Il-qorti m’aċċettax it-talba tagħhom. 

More in Arti