Kotba | Is-setgħa tar-rakkontar
Daniel Cossai jikteb dwar is-seħer tal-kelma fir-rumanz ta’ John F. Marks Tejbilhom Ħajjithom (Klabb Kotba Maltin, 2024) u kif din tissarraf f’esperimentazzjoni lingwistika u stilistika fil-proża ta’ Marks
Il-bniedem ħlejqa li tħobb tirrakkonta. Għal kull ġens ta’ kull żmien, ir-rakkonti jokkupaw parti ċentrali kemm tas-soċjetà kif ukoll tal-ħajja ta’ kuljum. Illum il-ġurnata m’hemm xejn differenti. Minn rakkonti ta’ kif qattajna l-ġurnata sa x’rajna waqt l-aħħar btala tagħna, l-istorja wara xi ritratt, jew l-aħħar episodju tas-serje favorita tagħna, inqattgħu ħafna mill-ħin tagħna nirrakkontaw jew nisimgħu xi rakkont.
Dawk li jafu jirrakontaw tassew tajjeb, kien x’kien il-mezz tagħhom, minn dejjem tajniehom ġieħ partikolari: minn Omeru sa Shakespeare sa Hitchcock. U forsi proprju għax ir-rakkontar nistmawh tant li bosta mill-eżempji bikrin tal-letteratura miktuba jiffokaw sew fuq l-att tar-rakkontar. Wieħed jista’ jsemmi, pereżempju, id-Decameron ta’ Boccaccio u l-Canterbury Tales ta’ Chaucer. F’dawn iż-żewġ kotba, għandna storja fl-isfond — f’tal-ewwel, grupp ta’ nies miġburin, jipprovaw jaħarbu mill-pesta, u f’tat-tieni, grupp ta’ nies jistrieħu waqt pellegrinaġġ — li naraw episodji qosra tagħha bejn storja u oħra rrakkontata mill-karattri. Għalhekk, filwaqt li dawn iż-żewġ kotba huma maqsumin fi stejjer differenti, ivarjaw minn kwalunkwe ġabra ta’ stejjer qosra bis-saħħa tal-istorja fl-isfond li tgħaqqad kollox, u li tenfasizza l-att tar-rakkontar li jżid element ieħor lil hinn mill-istejjer u t-temi tagħhom.
Huwa dan l-istess stil li addotta John F. Marks fil-ktieb tiegħu Tejbilhom Ħajjithom, miktub fis-snin tletin, u li għadu kif reġa’ nħareġ f’verżjoni ġdida b’ortografija aġġornata mill-Għaqda tal-Malti u Klabb Kotba Maltin. Il-ktieb jiftaħ bi tliet irġiel ta’ qattagħni, deħlin u ħerġin il-ħabs, jew kif isejħilhom Marks, “it-tliet għellieta” (kelma li, għalkemm forsi ġdida għal ħafna qarrejja llum, Marks donnu jħobb jużaha, fid-diversi forom tagħha). Darba minnhom, tard billejl, jisimgħu karba ta’ għajnuna u jsibu xwejjaħ Għarbi misterjuż b’ħass ħażin fuqu. Jgħinuh jasal sal-għorfa tiegħu, fejn jistagħġbu bl-għeġubijiet ta’ din id-dinja oħra, u l-Għarbi joffrilhom xi ħaġa x’jixorbu u jibda jirrakkontalhom xi stejjer li kien ġabar fil-Ktieb il-Kbir. Id-djalogu bejn ir-rakkontatur u dawk li jisimgħuh fi tmiem kull storja (jew kapitlu) jipprovdu mhux biss in-nisġa li tgħaqqad kollox, imma wkoll opportunitajiet qosra għal Marks biex jirrifletti fuq xi temi, tagħlimiet, jew punti ta’ riflessjoni tal-istorja rrakkontata. B’hekk Marks jifhem il-potenzjal li għandu r-rakkontar biex irawwem bidla għall-aħjar, ħaġa li narawha sseħħ fuq żewġ livelli: bejn ir-rakkontatur (li jismu, b’mod xieraq ħafna, Abdul Dawwâl) u l-udjenza tiegħu fil-ktieb, u bejn ir-rakkontatur-awtur Marks u l-udjenza reali tiegħu: il-qarrejja.
Is-setgħa tar-rakkontar issaħħar lil dawn it-tliet għellieta, li jibqgħu jirritornaw lejla wara oħra u malajr tinbet ħbiberija bejniethom u Dawwâl. Flimkien jidħqu, jibku, jirrabbjaw, jitkexkxu… emozzjoni wara l-oħra li jħossu tfeġġ fihom mis-sempliċi qawwa ta’ kliem Dawwâl hu u jirrakkonta. Is-setgħa tar-rakkontar tant hi kbira li dawn jaħilfu li jdawru l-folja, jibdew jaqilgħu biex jieklu minn xi biċċa xogħol onesta matul il-jum, ħalli billejl, minflok iqattgħuh iwettqu xi reat, ikunu jistgħu jmorru jisimgħu r-rakkonti ta’ Dawwâl. U b’hekk, Dawwâl, bir-rakkontar, tejbilhom ħajjithom.
L-istejjer huma varjati sew. Hemm minnhom umorużi, minnhom tal-waħx, oħra tal-fantaxjenza, u anki stejjer li jittrattaw suġġetti serji bħall-istupru u l-logħob tal-ażżard. Madankollu, irrid ngħid li minkejja l-istatus tal-ktieb bħala klassiku tal-letteratura Maltija, umilment inħoss li l-ebda waħda mill-istejjer ma tilħaq il-livell distintiv tal-letteratura ta’ klassi fuq il-bażi tan-narrattiva weħidha. Huma stejjer sempliċi, mhux daqstant żviluppati, forsi anki għax, kif jgħid wieħed mill-għellieta, huma qosra wisq. Iżda anki wara li lestejt ‘Il-Ħrejjef ta’ Mastru Ċens’, l-aħħar rakkont fil-ktieb li hu twil sew aktar minn nofs il-ktieb, bqajt tal-istess fehma. Huma stejjer divertenti, iva, imma mhux stejjer li, fihom infushom, iwassluk tgħid li dawn hemm bżonn jismagħhom kulħadd.
Le, il-qawwa vera ta’ dan il-ktieb, fil-fehma tiegħi, ġejja mill-esperimentazzjoni li Marks ma beżax minnha. L-ewwel nett, fil-livell tal-lingwa. Marks tul ħajtu mmilita favur il-Malti, u dan jidher sew tul il-ktieb. Naraw lil Marks jesperimenta bil-ħolqien ta’ lingwaġġ xjentifiku bil-Malti: “atma” u “atam” (atomi), “elettruni”, u “prutuni”. (Nota fil-ġenb: ir-rakkont li juża dan il-kliem, ‘Mitt Sena Oħra’, minn xi aspetti jinħass li kważi bassar il-futur issa li wasalna kważi mitt sena wara li nkiteb minn Marks, speċjalment meta l-protagonist “tkellem mad-dinja kollha li kienet qiegħda tara u tisma’ kollox bħalkieku kulħadd kien qiegħed ħdejh” — ħaġa li tagħti xeħta oħra lil isem dak li, skont Dawwâl, irrakkontalu l-istorja: ir-Rabbi Bassâr). Marks jesperimenta wkoll bil-plural miksur (“fitrijiet” bħala l-plural ta’ “fitter”), bi frażijiet purament Semitiċi (“kixxief il-għelt” flok “ditektiv”, “qawwal il-ġrajja” flok “rakkontatur”), u bil-kitba tad-djalett.
Imbagħad hemm l-esperimentazzjoni stilistika, permezz tal-użu, kif semmejna, tal-istorja fl-isfond li tgħaqqad kollox. Din mhix sempliċi kapriċċ; hija essenzjali għall-iżvolġiment tal-ktieb, tinkwadrah bħala kważi parabbola fuq is-setgħa tar-rakkontar, u tibqa’ tpaxxina sal-aħħar, b’liwja ftit mistennija fl-aħħar entrata. Dan l-istil jagħti lil-letteratura Maltija ktieb li jinsab fost kumpanija li tmur lura sekli sħaħ sa kbarat bħal Chaucer u Boccaccio. Impressjonani kif Marks, permezz ta’ Mastru Ċens, iżid saff ieħor f’dil-kobba ta’ rakkontar billi joħloq, fl-itwal storja, rakkont f’rakkont f’rakkont, jiġifieri ta’ Mastru Ċens f’ta’ Dawwâl f’ta’ Marks. Kollox ma’ kollox, nemmen li hija din l-istorja fl-isfond li verament tagħti l-ktieb is-sura ta’ klassiku.