Kotba | Ħbiberija u Avventuri
Elena Cardona timraħ mal-prinċipessa Emma u l-kelb tagħha Arturo, il-protagonisti tas-sensiela Emma u Arturo (BDL Publishing, 2023), f’avventuri bla limitu ta’ gost
Xi darba jew oħra żgur li smajtu lil xi ħadd jgħid li l-annimali jonqoshom biss il-kliem. Din l-espressjoni tingħad fil-kuntest meta annimal tant ikun intelliġenti, ferrieħi, jobdi u jkun jaf iħobb li kulma jkun jonqsu li jitkellem. Nammetti li ħafna drabi din kienet ix-xewqa tiegħi wkoll li jkolli kelb li jitkellem. Mhux bħal dawk il-klieb li kienu jiġu rriklamati fuq l-istazzjonijiet Taljani fit-tfulija tiegħi. Kienu klieb ġugarelli li jagħmlu kollox bħal kelb tad-demm u l-laħam: jimxu, jinbħu, jieklu u jixorbu iżda wkoll kienu jitkellmu. Meta kont żgħira qatt ma fhimt li dawn il-klieb ma kinux jesprimu lilhom infushom kif jixtiequ għax fil-verità dawn kienu biss jirrepetu bl-eżatt dak li tgħid inti. Kienu prattikament pappagalli, jirrepetu wara sidhom.
Jekk xi ħadd jagħmel riċerka ċkejkna fuq l-internet u jikteb ‘talking toy dog’, mill-ewwel titla’ għażla ta’ klieb li wieħed jista’ jakkwista. Minbarra li tista’ tagħżel il-kulur li trid, issib ukoll l-għażla tar-razza tal-kelb li tixtieq. Kważi kważi ngħid li jekk tixtri wieħed minn dawn il-klieb taf li se jkun perfett, mingħajr mard jew kundizzjonijiet għax jekk ma jkunx jaħdem sew jingħatawlek il-flus lura. Għall-kuntrarju ta’ meta tixtri jew aħjar tadotta kelb jew ġeru (jew kwalunkwe annimal ieħor), din kaxxa magħluqa għax ma tkunx taf x’inhu jistenniek. Wieħed ma jistax jaqbad u jarmi kelb għax dan ma jkunx jiflaħ jew jilħaq l-aspettattivi tagħna.
Jien dejjem xtaqt li l-klieb li kelli kienu jitkellmu, imqar għal ftit minuti biss imma din ix-xewqa qatt ma seħħet. Però rnexxieli naqta’ din ix-xewqa meta qrajt is-sensiela Emma u Arturo ta’ Maria Farrugia b’illustrazzjonijiet ta’ Louiselle Sciberras. Din is-sensiela, ippubblikata fl-2023 minn BDL Publishing u approvata mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, hija mmirata għat-tfal bejn is-sitt u t-tmien snin. Hi magħmula minn ħames kotba: Ħbiberija Ġdida, L-Inkwatru Maġiku, Il-Passaġġ Sigriet, Il-Kejk u Il-Karnival. Matul dan il-vjaġġ ta’ qari, il-qarrejja huma akkumpanjati miż-żewġ protagonisti speċjali Emma u Arturo fid-diversi avventuri tagħhom. Min hi Emma? X’jagħmel daqshekk speċjali Arturo? Emma hija prinċipessa imma dwar Arturo tridu tiskopru intom billi tqallbu fil-paġni ta’ dawn il-kotba.
Ħaġa li mill-ewwel ġibditli l-attenzjoni hi l-koperazzjoni li teżisti bejn l-awtriċi u l-illustratriċi. Din hi evidenti mis-sinkronija li teżisti bejn it-test u l-illustrazzjonijiet. Farrugia tistqarr kif hi u Sciberras, barra milli huma kollegi, huma anke ħbieb. Sciberras minn dejjem kellha x-xewqa li toħloq picture book u għalhekk Farrugia kitbet storja. Minn hemm nibet il-karattru ta’ Oreste, li żvolġa fil-ktieb ta’ Oreste: Iż-Żiemel li Kien Imkabbar (BDL Publishing, 2022). Dan kien biss il-bidu għal dawn iż-żewġt iħbieb, li sal-lum tawna xalata ta’ kotba għat-tfal. Bħalma qalet Farrugia stess, l-istampi huma tant sbieħ li jtellgħu l-istorja fuq livell ieħor. Barra minn hekk, Emma u Arturo huma ppreżentati b’mod mill-iktar attraenti u differenti milli aħna mdorrijin bihom. Emma hija prinċipessa moderna għall-aħħar, mhux waħda minn dawk liebsa libsa twila roża u tlellex, b’kuruna tqila kollha ġawhar fuq rasha. Xejn affattu, anzi hija rifless tal-monarkiji ta’ żminijietna. Matul is-sensiela, Emma tilbes hoodie aħdar u jeans blu, bit-toppijiet u kuruna rqiqa fuq rasha, tmur l-iskola ma’ tfal oħra u għandha qalbha tad-deheb. Min-naħa l-oħra, Arturo huwa d-dell ta’ Emma, leali u dejjem juri konoxxenza għal dak li għamlet miegħu Emma.
Fuq parir tal-awtriċi, ikun tajjeb jekk wieħed jaqra l-kotba f’din l-ordni: Ħbiberija Ġdida, L-Inkwatru Maġiku u Il-Passaġġ Sigriet, peress li hemm rabta bejniethom. Iż-żewġ kotba l-oħra Il-Kejk u Il-Karnival ma jsegwu l-ebda ordni partikolari. F’din is-sensiela, l-iktar kotba li laqtuni huma Ħbiberija Ġdida u L-Inkwatru Maġiku. Ħbiberija Ġdida jirrakkonta l-avventura ta’ kif Emma kienet xebgħet iddur u tagħqad fil-palazz. Il-ktieb tat-taqbiliet taz-zija s-saħħara kienet ġa qratu diversi drabi u għalhekk iddeċidiet li titlaq għall-passiġġata. F’passaġġ tilmaħ torri u hawnhekk Farrugia talludi għall-ħrafa ta’ Rappunzell. Din l-inferenza sottili ġġiegħel lit-tfal joħolqu l-assoċjazzjonijiet ma’ ħrafa stabbilita u tradizzjonali, li f’dan il-ktieb tieħu nifs frisk, apparti mill-iżvolta li mdorrijin biha f’Rappunzell. Imma x’se ssib Emma fit-torri? It-taqbiliet taz-zija stradikata servew ta’ għajnuna? Min jinbidel f’fekruna u jrid joqgħod attent minn sapuna? Min-naħa l-oħra, L-Inkwatru Maġiku jisboq fl-immaġinazzjoni. Immeraviljajt ruħi minn fejn Farrugia ġabet dawn l-ideat, tant li rnexxielha tkun daqshekk kreattiva biex tagħti l-ħajja lil dan ir-raġel tal-pittura. Minflok ktajjen ħoxnin ma’ jdejh, Emma pinġietlu pultruna, banketta żgħira u platti mimlijin laħam, ħaxix, patata u suflè.
Min-naħa l-oħra, il-ktieb Il-Kejk se jinżel għasel ma’ min iħobb żaqqu, waqt li dawk it-tfal li jieħdu gost bil-Karnival se jidħku daħka meta jaqraw il-ktieb li jġib l-istess isem. Barra minn hekk, il-lessiku huwa rikk u l-istrutturi tas-sentenzi huma varjati biex jgħinu lit-tfal iwessgħu l-ħiliet espressivi u l-ħiliet tal-qari. Apparti li l-istampi huma mlewna, meta tkun ġejja xi parti eċitanti fl-istorja, il-kulur tal-kliem ikun differenti u t-tipa tikber ħalli l-qarrejja jkunu jistgħu jiffukaw aktar fuq dak il-punt partikolari. Għalhekk, din is-sensiela qiegħda ssejjaħ lit-tfal biex jidħlu ġod-dinja immaġinattiva ta’ Emma u Arturo.