‘Konna kapaċi nagħtu logħba lil kull tim'
Neil Pace Cocks - talent żagħżugħ ta' Pietà Hotspurs u li kellu esperjenza mill-aqwa mat-tim nazzjonali ta' taħt il-21 sena, fejn żgur li qed iħabbat il-bieb tat-tim nazzjonali tal-kbar immexxi mill-kowċ Ray 'Żażu' Farrugia.
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Trabbejt ġo familja sportiva, allura min ta’ età żgħira kont involut fl-isport. Kelli lin-nannu Ronnie Cocks li hu plejer magħruf fil-futbol Malti kif ukoll l-idolu tiegħi, u missieri kienu jilagħbu l-futbol b’hekk kienu huma li ħeġġewni biex nibda nilgħab. Kull meta kont nara ballun, mill-ewwel kont immur u nagħtih xutt.
X'tikkummenta fuq l-esperjenza prezenti tiegħek ma' Pieta Hotspurs?
Ili plejer ta’ Pietà Hotspurs għal dawn l-aħħar seba’ snin, peressli qabel kont nilgħab ma’ Luxol St.Andrews. Kienu l-Pietà li tawni l-opportunità li nilgħab mal-kbar meta kien għad kelli biss 17-il sena u kienu għadhom fl-Ewwel Diviżjoni. Is-sena ta’ wara kelli l-opportunita’ nilgħab fil-Premier, u minnhemm bqajt inkun parti fundamentali tat-tim.
Int tilgħab ukoll bil-flokk tat-tim nazzjonali ta' taħt il-21 sena. Xi tfisser għalik din l-esperjenza u kemm tgħallimt minnha?
Għalija hu unur kbir li kelli ċ-ċans nilbes il-flokk nazzjonali Malti tal-U17, U19 u U21. Minn din l-esperjenza tgħallimt ħafna, peressli kelli ċ-ċans nilgħab ma' timijiet barranin, kemm ta’ livell daqsna kif ukoll timijiet u plejers ta’ livell ogħla minna.
Kemm għenek il-kowċ Silvio Vella ma' dan it-tim?
Silvio Vella huwa wieħed mill-aħjar kowċis li qatt kelli. Bit-taħriġ tiegħu kelli ċ-ċans li nitjieb bħala plejer kemm tattikament, teknikament u anki mentalment. Huwa kowċ li jġiegħlek tibqa' toħroġ il-potenzjal tiegħek u tagħti l-mija fil-mija.
Nitkellmu dwar l-aħħar staġun ta' Pieta Hotspurs. X’taħseb dwar dak kollu li wrejtu matul l-aħħar staġun?
It-tim kien iffurmat minn ħafna żgħażagħ Maltin li ħafna minnhom kienu għadhom kemm jitilgħu min-nursery, allura permezz t’hekk, peressli lgħabna fil-Premier kienet opportunità biex inġibu l-esperjenza għall-futur. Għalkemm aħna tim żgħir, konna kapaċi nagħtu logħba lil kull tim, kemm dawk li huma kwotati daqsna kif ukoll dawk li huma kwotati ħafna iktar minna. Kien hemm ċerti partti li fihom konna sfurtunati, u ma kienx ħaqqna nitilfu jew niksbu punt wieħed biss.
Taqbel mal-format ta’ 14-il tim fil-Premier?
Naqbel u ma naqbilx. Naqbel peressli tim li jkun għadu kemm jitla' mill-ewwel diviżjoni, ikollu ċans li jikseb l-esperjenza meta jilgħab ma’ timijiet ta’ livell ogħla, kif ukoll il-plejers Maltin ikollhom l-opportunita’ li jilagħbu ma’ timijiet kbar, plejers li għandhom esperjenza vasta, u anke ċ-ċans li jilagħbu fuq grawnd tal-ħaxix.
Ma naqbilx peressli ħafna mit-timijiet li jkunu għadhom kif jiksbu l-promozzjoni mill-ewwel diviżjoni għall-Premier, mhumiex finanzjarjament kapaċi jkopru l-ispejjeż neċessarji biex iġibu plejers barranin kif ukoll Maltin ta’ livell għoli għal staġun sħiħ.
Taqbel li hemm differenza ta’ livell bejn it-timijiet ta’ fuq u dawk ta’ taħt?
Bla dubju li hemm differenza bejn it-timijiet ta’ fuq u dawk ta’ taħt. Il-finanzi huma l-akbar fattur, peressli jekk it-timijiet iż-żgħar ma jkollhomx baġit adekwat ħa jbatu għax ma jkunux jistgħu jkopru l-pagi tal-plejers. B’hekk mhuwiex possibli li jkunu jistgħu iġibu plejers ta’ livell għoli.
Niġu issa għall-kwistjoni tal-plejers barranin fil-Kampjonat BOV Premier. Taqbel mal-proposta li saret li jkun hemm 11-il plejer barrani f'tim?
Ma naqbilx mal-proposta li jkun hemm 11-il plejer barrani f’tim. Hawn ħafna timijiet li jġibu ħafna barranin li jħallsuhom paga iktar għolja minn tal-Maltin, allura dawn it-timijiet ikunu jippreferu jilagħbu l-barranin minflok il-Maltin biex ma jkunux qed iħallsuhom paga għalxejn. Il-maġġoranza ta’ dawn il-barranin huma tal-istess livell tal-Maltin jekk mhux inqas u jitħallsu pagi ferm ogħla minn dawk tal-Maltin. Ma naqbilx ukoll minħabba l-fatt li jekk ikun hemm 11-il barrani f’tim, il-plejers Maltin iktar ma jkollhomx opportunita’ li jilagħbu fl-ogħla kampjonat Malti. B’riżultat t’hekk dan jibda jirrifletti fil-plejers li jilagħbu mat-tim nazzjonali.
Taħseb li l-barranin li qed jiġu mhux dejjem qed ikunu ta’ livell ikkomparati mal-plejers Maltin?
Iva ħafna barranin li qed jiġu jilagħbu fil-kampjonat Malti huma ta’ livell inferjuri mill-plejers Maltin. Hawn ħafna timijiet li għandhom baġit għoli u permezz t’hekk ikunu kapaċi jġibu plejers ta’ livell għoli. Imbagħad hemm timijiet oħra li jkollhom baġit restritt u jispiċċaw iġibu plejers barranin ta’ livell inferjuri minn dawk tal-Maltin. Ħafna minn dawn jispiċċaw f’din il-pożizzjoni peressli jġibu l-plejers fuq trial għal ammont żgħir ta' żmien jew għax jarawhom fuq videos fuq l-internet fejn ma jkunx qed jirrifletti il-vera kapaċità tal-plejer.
Kemm int kuntent bil-grawnds fejn tilagħbu l-logħob tal-kampjonat Premier?
F’dawn l-aħħar snin kien hemm titjib sostanzjali fil-kwalita’ tal-grawnds. Ikkumparat mas-snin ta’ qabel, il-grawnds tal-ħaxix qed jiġu msaqqa u maqtugħin kif suppost. B’riżultat t’hekk il-plejers ikunu kapaċi jilagħbu l-logħba aħjar.
X’taħseb dwar il-kontroll tar-referis matul dan l-istaġun sa issa?
Għal parti l-kbira tal-istaġun, il-kontroll tar-referis kien dak ta’ livell għoli. Però ma jonqosx li f’ċerti logħbiet il-kontroll tal-logħba ħarbilhom minn idejhom.
X’inhuma s-sagrifiċċji li plejer tal-futbol irid jagħmel sabiex ikun tajjeb?
Fil-każ tal-plejers Maltin fejn ħafna minnhom huma part-time għax ikollhom ix-xogħol tagħhom huwa sagrifiċċju enormi għax wara ġurnata xogħol ikollhom jibqgħu sejrin għat-taħriġ. Huwa importanti wkoll li żżomm dieta bilanċjata u tnaqqis ta’ ħruġ speċjalment qabel logħba.
Kif jirnexxielek tlaħħaq max-xogħol tiegħek u mal-futbol?
Sena u nofs ilu gradwajt mill-Università ta’ Malta u ġibt il-Baċellerat fil-Business u IT. Wara li gradwajt bdejt naħdem bħala Business Analyst mal-kumpanija KPMG Crimsonwing fejn anke kelli l-opportunita’ li nsiefer barra minn Malta fuq xogħol. Huwa importanti li tqassam il-ħin b’mod effiċjenti fejn fil-każ tiegħi, kull filgħodu kmieni nlesti l-ħwejjeġ tat-taħriġ biex wara x-xogħol nibqa' sejjer dirett għat-taħriġ.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Qed inħares lejn il-futur tiegħi fil-futbol b’ottimizmu kbir peressli għad għandi 22 sena u għandi karriera twila quddiemi. It-tragward tiegħi huwa li xi darba nilbes il-flokk nazzjonali ta’ Malta tal-kbar.
Nixtieqek tgħaddi l-aħħar messaġġ lil dawk it-tfal u żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista u li bħalek jixtiequ jagħmlu karriera ta' suċċess fil-futbol.
Għal dawk iż-żgħażagħ li jixtiequ jagħmlu karriera ta’ suċċess fil-futbol, nixtieq ngħidilhom biex qatt ma jaqtgħu qalbhom anke meta jkunu għaddejjin minn xi żmien ħażin jew qed jaffaċċjaw xi ostakli f’ħajjithom. Ngħidilhom ukoll li jekk l-affarijiet ma jiġux kif iridu jibqgħu determinati u jkomplu jagħtu l-almu tagħhom.