Żbilanċ bejn l-interessi tal-klabbs u tal-plejers amatorjali
L-MFPA titkellem dwar pagamenti dovuti mhux onorati, in-nuqqas ta’ mezzi sabiex plejer jaqbeż għad-drittijiet tiegħu, kif soluzzjoni li diġa ġiet rifjutata mill-klabbs
L-ILLUM tkellmet ma’ Carlo Mamo mill-Malta Football Players’ Association (MFPA), li spjega l-inġustizzji tas-sistema fejn jidħlu l-pagamenti tal-plejers amatorjali, u kif m’hemm l-ebda rikors legali sabiex dawn jieħdu pagamenti li jkunu mwegħdin minn klabbs li qatt ma jkunu ngħataw. Soluzzjoni għal dan kienet proposta diġa mill-Assoċjazzjoni, iżda din ma kinitx milqugħa mill-klabbs.
Dan wara li sors anonimu tkellem mal-ILLUM u stqarr li hu wieħed minn 10 plejers amatorjali li kienu ma’ klabb fin-National Amateur League l-istaġun li għadda, għadhom ma tħallsux dak li wiegħed il-klabb, filwaqt li l-klabb issa ġab plejers ġodda u ma jidhirx li qed isib diffikultajiet iħallas lilhom.
Mamo spjega li plejer amatorjali tirreferi għal kull plejer li ma jkollux kuntratt professjonali. Kważi kull plejer fin-National Amateur League huwa amatorjali, hekk kif il-klabbs jistgħu jagħtu kuntratt lil plejer wieħed biss.
Fin-National Challenge League, il-maġġoranza tal-plejers huma amatorjali, hekk kif klabb huwa obbligat li jkollu mill-inqas ħames plejers b’kuntratt professjonali. Madankollu, li tagħti kuntratt professjonali lil plejer iġġib diversi żvantaġġi lejn il-klabb, kif ukoll li jkun marbut li jżomm u jħallas lil dan il-plejer anke jekk iweġġa’ fit-tul. Allura, ħafna klabbs f’dan il-livell jagħżlu li jagħtu l-minimu.
Fil-Premier League, plejer jista’ jkun amatorjali biss jekk ma jkunx għalaq it-23 sena.
Mamo spjega wkoll kif jitħalsu dawn il-plejers. Minħabba li dawn m’humiex professjonali, ir-regolamenti tal-MFA, ma jippermettux li dawn jitħalsu salarju. Minflok, jistgħu jitħalsu biss kumpens għall-ispejjes li jsofru, sa massimu ta’ €300 fix-xahar. Dan ma tipikament ma jsirx bil-miktub, iżda bi ftehim verbali. Minkejja dan, huwa fatt magħruf li ħafna klabbs jagħmlu ftehim ma’ plejer għal aktar minn dan l-ammont.
Huwa fatt magħruf ukoll li jkun hemm diversi episodji fejn dak li jkun imwiegħed mill-klabb ma jingħatax lill-plejer. Meta jiġri dan, il-plejer m’għandux mezz legali kif jikkumbatti din l-inġustizzja, għax m’hemm l-ebda prova ta’ dak li jkun wiegħed il-klabb.
Biex jikkumbattu dan, l-MFPA kienu proponew mal-klabbs sabiex dawn il-ftehimijiet jinkitbu u jiġu rreġistrati mal-MFA, bħala kuntratt ta’ obligazzjonijiet anċillarju li jiddaħħal mar-reġistrazzjoni tal-plejer. Dan ma jkunx l-istess bħal kuntratt professjonali, ibda biex peress li hemm limitu ta’ kemm tista’ toffri, jiġifieri €300 fix-xahar.
Il-proposta ma kienet tobbliga l-ebda klabb jagħmel dan; jista’ xorta waħda jagħżel li jagħmel biss ftehim verbali mal-plejer. Però mbagħad, il-plejer ikollu l-għażla li jew jingħaqad ma’ dak il-klabb, inkella jsib klabb ieħor li lest jagħmillu ftehim bil-miktub.
Kawża t’hekk, meta ftehim reġistrat mal-MFA ma jinżammx, il-plejer ikun jista’ jilmenta mal-Bord għar-Riżoluzzjoni tal-Kunflitti tal-MFA. Jekk il-Bord isib li l-klabb qiegħed fit-tort, tkun tista’ tobbligah sabiex jonora l-obbligazzjonijiet tiegħu, u tikkastigah sakemm jagħmel dan. Pereżempju, tkun tista’ timponi projbizzjoni fuq li klabb jiffirma plejers ġodda qabel iħallas lill-plejers li diġa kellu, hekk kif isir fir-rigward ta’ kuntratti professjonali.
Din il-proposta ma ġietx aċċettata mill-klabbs.
Mamo esprima d-diżappunt tiegħu lejn dan u saħaq fuq kemm hi inġusta s-sistema, partikolarment meta l-klabbs kinnu mbuttaw sabiex ir-reġistrazzjoni ta’ dawn il-plejers torbothom għal sentejn. “Il-klabbs iridu li meta jiffirmaw plejer amatorjali, dan ikun marbut magħhom għal sentejn. Din nifmuha, għax klabb ikun jixtieq li jkollu ċertu kontinwità u stabbiltà. Iżda mbagħad, m’huhiex lest li jagħti l-istess stabbiltà lill-plejer; li dan ikollu rikors sabiex jiġġieled għal dak li jkun ġie mwiegħed.”
“Spiss tiġri li plejer ikun ilu sena mal-klabb, u jkun dovut xi pagamenti. Minħabba li dawn ma jkunux tħallsu, hu jkun irid jitlaq, iżda jkun għadu marbut mal-klabb għal sena oħra. Allura l-klabb jgħidlu li minflok iħallas sabiex ikun rilaxxat mill-klabb, dak li jkun dovut lejh jinqata’ sabiex jagħmel tajjeb għas-somma ta’ rilaxx.”