'Għażilt xogħol bl-inqas paga possibbli biex ikolli ħin għall-futbol'

Lee Joe Schembri - plejer ferm dedikat ta' Gudja United u li permezz tal-wirjiet pożittivi tiegħu xprunahom biex jiksbu promozzjoni storika għall-Kampjonat Premier

 

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Minn ta' età żgħira dejjem kont nilgħab b'xi ballun u peress li kelli ħuti subien ikbar minni dejjm kont nilgħab magħhom u narahom jilagħbu l-futbol u bdejt nilgħab ma' Birzebbuġa Windmills. S'issa ninsab sodisfatt ħafna. 

X'tikkummenta fuq l-esperjenza preżenti tiegħek ma' Gudja United?

Biex tkun ma' tim tajjeb fl-Ewwel Diviżjoni, hija ta' sfida kbira ħafna. Għandna skwadra żgħira però kull plejer jista' jilgħab mal-ewwel 11 u jidħol min jidħol fil-grawnd, it-tim jibqa' wieħed b'saħħtu. B'hekk tista' tgħolli l-livell tiegħek kemm fit-taħriġ kif ukoll fil-logħob. 

Taqbel mal-format ta’ 14-il tim fil-Premier?

Le ma naqbilx! Pajjiżna huwa żgħir u limitat. Jien nemmen li biex tilgħab Premier, trid tkun ta' livell għoli kemm bħala plejer kif ukoll bħala klabb. 

 

Taqbel li hemm differenza ta’ livell bejn it-timijiet ta’ fuq u dawk ta’ taħt?

Iva hemm differenza kbira kemm bħala barranin kif ukoll bħala Maltin. 

 

Niġu issa għall-kwistjoni tal-plejers barranin fil-Kampjonat BOV Premier. Taqbel mal-proposta li saret li jkun hemm 11-il plejer barrani f'tim?

Iva naqbel però jridu jkunu ta' livell aħjar mill-Maltin u l-Maltin ikunu stmati bħalhom b'kuntratt full- time. 

Taħseb li l-barranin li qed jiġu mhux dejjem qed ikunu ta’ livell ikkomparati mal-plejers Maltin?

Iva, ħafna mill-barranin li għandna fil-Kampjonat Premier mhumiex ta' livell. Hemm minnhom saħansitra għandhom livell inqas minn dak tal-Maltin. 

X’taħseb dwar il-kontroll tar-referis matul l-aħħar staġun?

Ifhimni referi huwa uman bħalma huma l-plejers. Kellhom logħbiet tajba u oħrajn mhux daqshekk tajba - bħall-plejers wara kollox!

X’inhuma s-sagrifiċċji li plejer tal-futbol irid jagħmel sabiex ikun tajjeb?

Ħafna! Hawn Malta, mhux faċli għaliex il-pagi huma dawk li huma. Plejer irid imur għat-taħriġ kuljum. Tmiem il-ġimgħa jkunu mimlija bil-logħob. Trid tiekol tajjeb u fil-ħin li mhux dejjem huwa possibbli minħabba x-xogħol u ħruġ mill-inqas. It-taħriġ ikun wara x-xogħol li ġieli tkun għajjien ħafna u trid tirħarreġ b'ħafna intensità. 

Kif jirnexxilek tlaħħaq max-xogħol u mal-futbol?

Mhux faċli kuljum tmur għax-xogħol fil-5am u sad-9pm tkun għadek ma dħaltx id-dar. Inlaħħaq għax għażilt xogħol bl-inqas paga possibbli biex ikolli ħin għall-futbol.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Saqajja mal-art pass pass dejjem nagħti l-almu tiegħi f'kull logħba mbagħad inħallu f'idejn il-kowċ biex jagħżel l-aħjar skwadra għal dik il-logħba li jkun imiss. 

Nixtieqek tgħaddi l-aħħar messaġġ lil dawk it-tfal u żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista u li bħalek jixtiequ jagħmlu karriera ta' suċċess fil-futbol. 

Il-messaġġ tiegħi huwa wieħed - jekk veru din hija l-ħolma tagħkom tħallu lil xejn u lil ħadd min ifixikilkom. Tħarrġu bis-serjetà u agħmlu s-sagrifiċċji kollha meħtieġa!

 

More in Lokali