'Il-ħolma tiegħi dejjem kienet li nilgħab fil-Kampjonat Premier'
Daniel Vassallo - plejer ta' Tarxien Rainbows bl-uniku ħsieb li għandu f'moħħu jkun dak li dejjem jagħti l-massimu tiegħu u jaħdem għat-tim biex jilħqu l-objettivi tagħhom.
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Minn ta' età żgħira dejjem kelli ġibda lejn l-isport tant li saħansitra bdejt nilgħab il-futbol sa minn meta kelli biss ħames snin u kien minn hemm li rabbejt imħabba lejn il-futbol.
X’taħseb dwar dak kollu li wrejtu matul l-aħħar staġun?
Ma kienx staġun faċli. Kellna skwadra b'saħħitha u tajna logħba lil kulħadd fejn ukoll ġibna riżultati ma' timijiet li spiċċaw man-naħa ta' fuq tal-klassifika. Nemmen li kellna skwadra fejn kellna nilħqu l-objettivi tagħna ħafna qabel, però l-importanti huwa li lħaqna l-għan tagħna.
Taqbel mal-format ta’ 14-il tim fil-Premier?
Naqbel għax nemmen li bis-saħħa t’hekk iktar żgħażagħ Maltin ikollhom iċ-ċans tagħhom fil-Kampjonat Premier.
Taqbel li hemm differenza ta’ livell bejn it-timijiet ta’ fuq u dawk ta’ taħt?
Bilfors ikun hemm differenza. It-timijiet ta’ fuq ikollhom baġit ikbar mit-timijiet ta’ taħt u b’hekk ikunu iktar professjonali.
Niġu issa għall-kwistjoni tal-plejers barranin fil-Kampjonat BOV Premier. Taqbel mal-proposta li saret li jkun hemm 11-il plejer barrani f'tim?
Ma naqbilx. Jien nemmen li għandna nibqgħu nappoġġjaw it-talent malti, speċjalment fl-ogħla livell tal-futbol Malti.
Taħseb li l-barranin li qed jiġu mhux dejjem qed ikunu ta’ livell ikkomparati mal-plejers Maltin?
Iva, nemmen li ħafna plejers Maltin għandhom livell tajjeb daqs ta' ċerti barranin li jilagħbu fil-Premier u b'hekk irridu nieqfu nħarsu lejn il-plejers barranin differenti mill-Maltin għax il-livell tal-plejers Maltin qiegħed dejjem jogħla.
Kemm int kuntent bil-grawnds fejn tilagħbu l-logħob tal-kampjonat Premier?
Nemmen li il-grawnds fejn jintlagħbu l-logħob tal-Premier huma kollha ta’ livell għoli. L-Istadium Nazzjonali huwa eċċezzjonali u nixtieq li f’Malta jkun hawn iktar grawnds bit-turf naturali.
X’taħseb dwar il-kontroll tar-referis matul l-aħħar staġun?
Nemmen li l-livell tar-referis qiegħed jogħla.
X’inhuma s-sagrifiċċji li plejer tal-futbol irid jagħmel sabiex ikun tajjeb?
L-aktar ħaġa importanti biex titjieb fil-futbol hija l-professjonalità u d-dedikazzjoni u dan iġib magħhom ċerti sagrifiċċji bħal taħriġ ta' kuljum, dieta tajba, u li taddatta r-rutina tiegħek madwar il-futbol.
Kif jirnexxilek tlaħħaq max-xogħol tiegħek u mal-futbol?
Il-futbol dejjem kellu prijorità kbira fil-ħajja tiegħi, però permezz tal-istudju rnexxieli nsib xogħol li l-ħinijiet tiegħu ma jaħbtux ma' dawk tat-taħriġ u b’hekk inkun nista' nlaħħaq.
Kif qed thares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Bħalissa, il-futur tiegħi għal din is-sena huwa marbut ma' Tarxien Rainbows u l-uniku ħsieb li għandi f'moħħi huwa li dejjem nagħti l-massimu tiegħi u naħdem għat-tim biex nilħqu l-objettivi tagħna.
Nixtieqek tgħaddi l-aħħar messaġġ lil dawk it-tfal u żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista u li bħalek jixtiequ jagħmlu karriera ta' suċċess fil-futbol.
Il-messaġġ tiegħi huwa li qatt m'għandek taqta' qalbek minn xejn. Qatt m’għandek tħares lura minn fejn ġejt. Jien qattajt parti kbira mill-karriera tiegħi nilgħab għal raħal twelidi jiġifieri mal-Imġarr United fejn dejjem ikkompetew fit-tieni jew it-tielet diviżjoni. Il-ħolma tiegħi dejjem kienet li nilgħab fil-Kampjonat Premier u grazzi għall-għajnuna tal-kowċis u l-ġenituri li dejjem emmnu fija, wettaqt il-ħolma tiegħi. Billi wettaqt il-ħolma tiegħi ma jfissirx li se nieqaf hawn, anzi se nkompli naħdem biex dejjem inkompli navvanza fil-karriera tiegħi!