'Kulħadd kapaċi jasal imma trid tkun determinat'
Kyle Gary Buttigieg - talent żagħżugħ ta' 19-il sena li jimmilita ma' Zejtun Corinthians fl-Ewwel Diviżjoni. M'hemmx dubju li għandu futur mill-isbaħ jistennieh fl-isport li tant iħobb - il-futbol
Kyle Gary Buttigieg. Huwa plejer żagħżugħ ta' 19-il sena li jimmilita ma' Żejtun Corinthians fl-Ewwel Diviżjoni. Għandu futur mill-isbaħ jistennieh fl-isport li tant iħobb - il-futbol. Ix-xewqa tiegħu hija dik li jilgħab mat-tim nazzjonali ta' taħt il-21 sena kif ukoll ma' dak tal-kbar.
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Minn età bikrija kont diġà ffissajt fuq il-futbol kemm Malti kif ukoll barrani. Missieri ma kienx jitlef opportunità waħda li jara logħba futbol fuq it-televixin u għalhekk kont inqatta' ħafna ħin hdejh fuq is-sufan nimpressjona ruħi nara rġiel u nisa jiġru wara biċċa ġilda. Iktar ma bdejt nikteb iktar beda jogħġobni l-isport. Missieri kien u għadu sapporter tal-Juventus u niftakar kien ħadni nara logħba l-grawnd nazzjonali bejn Valletta u Juventus fejn Valletta taw wirja mill-isbaħ fej saħansitra kienu rebħu bil-penalties kontra tim hekk kbir bħal Juventus.
Dakinhar tant kien hemm entużjażmu u ħadt gost li għedt f'qalbi li xi darba nixtieq nasal jew nipprova nasal bħala plejer biex nagħti pjaċir u spettaklu lin-nies jien. Bdejt nilgħab il-futbol meta kelli sitt snin. Kont ilni naħsibha biex nibda nipprattika ma' nursery lokali u kont naf li ħabib tiegħi kien jitħarreġ ma' Gudja Youth Nursery u kont mort ipperswadejt lil missieri jeħodni u bqajt magħhom għal kważi tmien snin. Ta' 14-il sena iddeċidejt li nibdel il-klabb u mort ma' raħal twelidi, iż-Żejtun li għadni nilgħab għalih sal-lum il-ġurnata.
Ma' Żejtun lgħabt fl-U15, fl-U17, fil-minors u anke mas-senior team. Inħossni onorat li nilgħab ma' raħal twelidi u ħafna iktar meta tirbaħ trofew prestiġjuż għall-klabb tant għal qalbi fejn fin-Nursery irbaħna s-sezzjoni rispettiva tagħna u fis-sena ta' wara spiċċajna bħala runners-up.
Fis-sezzjoni tal-Youths jiġifieri minors jew U19/U21 kelli ċ-ċans nilgħab ma' plejers ta’ livell għoli f’ sezzjoni B kif ukoll inħossni privileġġjat li kont captain għal sentejn sħaħ.
Peressli issa qegħdin f’sezzjoni D għadni nista' nagħti l-kontribut tiegħi fit-tim matul dan l-istaġun. Fil-livell ta’ Senior Team kont għamilt id-debutt tiegħi fit-Tieni Diviżjoni fl-età ta' 16-il sena fejn lgħabt 12-il logħba. Is-sena ta’ wara kienet sena memorabbli għalija fejn minbarra li lgħabt 18-il logħba oħra konna rbaħna l-kampjonat tat-Tieni Diviżjoni.
Logħba li dik is-sena ma ninsa qatt hi meta kont skurjajt l-ewwel goal uffiċjali mas-Senior Team propju fl-ewwel minuta tal-logħba kontra Birżebbuġa li kienet tatna promozzjoni li fl-aħħar kienet spiccat bl-iskor ta' 3-0. Kemm is-sena l-oħra kif ukoll dis-sena lgħabna fl-Ewwel Divizjoni fejn il-livell żdied.
Għalkemm ma tantx lgħabt logħob b'total ta' seba' logħbiet fil-First Division, nemmen li xorta tgħallimt ħafna affarijet kemm minħabba taħriġ, osservazzjoni u determinazzjoni biex inkompli ntejjeb il-livell tiegħi.
X’taħseb dwar dak kollu li wrejtu matul l-aħħar staġun?
Kif naħseb kulħadd jaf dis-sena kienet sena pjuttost diżappuntanti għalina l-plejers, kowċis, kumitat, sapporters, president u klabb inġenerali fejn spiċċajna fin-naħa t‘isfel tal-klassifika. Dawn huma affarijiet li jiġru. Fil-futbol ma tafx x’jista jinqala'. Kien hemm logħbiet fejn konna fenomenali imma naħseb li minħabba injuries u nuqqas ta’ konsistenza batejna naqra. Dis-sena trid tkun ta’ tagħlima għal kulhadd biex nitgħallmu minnha u nippruvaw ma nirrepetux l-iżbalji li seħħew u ntejbu fuq it-tajjeb li diġà sar.
Taqbel mal-format ta’ 14-il tim fil-Premier?
Naqbel, minħabba l-fatt li jkun hemm ċans iktar għall-plejers żgħażagħ li jiprommettu biex juru x’jafu. Però, Malta għandna problema ta’ finanzi f’ċerti klabbs fejn ma jkollhomx finanzi daqs ħaddiehor u naħseb ibatu xi ftit imma l-battalja u l-kompetizzjoni dejjem għandha tkun hemm allura naqbel.
Taqbel li hemm differenza ta’ livell bejn it-timijiet ta’ fuq u dawk ta’ taħt?
Iva, naqbel. Kif semmejt qabel mhux kull tim għandu ammont kbir ta' finanzi biex iħallas lill-plejers tiegħu. U għalekk din taffettwa l-kwalità wkoll tal-barranin li tim partikolari jkun jista' jġib. Eżempju tim b’baġit ta' miljun ewro ħa jġib barranin ta’ livell ogħla minn team b’baġit ta’ mitt elf ewro fl- opinjoni tiegħi. Imbagħad jidħlu fatturi bħall-wirjiet fil-grawnd u injuries li jistgħu jaffetwaw ukoll. Tim ikun fil-parti t’isfel tal-klassifika għal raġuni u viċe-versa man-naħa ta’ fuq. Tim fil-qiegħ qed jagħmel xi ħaġa ħażina żgur. Iktar u iktar meta tara d-distakk ta’ punti bejn iż-żona ta’ relegazzjoni u ż-żona Ewropa (naħa ta’ fuq). Fl-opinjoni tiegħi, l-Ewwel Diviżjoni hija iktar ibbilanċjata mill-Premier hekk kif ikollok minn erba' sa tmien timijiet bi tliet punti distakk fejn jekk titlef logħba, taqa' man- naħa t’isfel u jekk tirbaħ tiġi man-naħa ta’ fuq.
Niġu issa għall-kwistjoni tal-plejers barranin fil-Kampjonat BOV Premier. Taqbel mal-proposta li saret li jkun hemm 11-il plejer barrani f'tim?
M'iniex deċiż fuqha u għandi r-raġunijiet tiegħi. Naqbel għax tgħolli l-livell tal-Maltin. Il-kompetizzjoni f’kull tim hija ħaġa bżonjuża għax tgħin lill-plejer jitjieb. F’Malta ma tantx hawn ħafna plejers ta’ livell kbir ħlief forsi dawk li jilagħbu man-Nazzjonal. Il-barranin qishom jagħtu dik l-imbuttatura li naħseb aħna l-Maltin għandna bżonn għax wara kollox postok qatt ma jkun wieħed ċert mal-ewwel 11. Trid dejjem taħdem għalih!
Għadni żgħir u għad fadalli triq twila quddiemi f’dik li hi karriera tal-futbol
Taħseb li l-barranin li qed jiġu mhux dejjem qed ikunu ta’ livell ikkomparati mal-plejers Maltin?
Nikellem għat-tim tiegħi. Naħseb li fallejna b’ċerti barranin li ġibnihom biex jgħinuna u spiċċaw bilkemm lagħbu jew gerfxu iktar milli għenu. Jien nemmen li barrani irid ikun kapaci jikkomunika sew ma’ sħabu fil-grawnd mhux għax ikun tajjeb biss. Il-komunikazzjoni hi importanti fil-grawnd li plejers jiftehemu billi jitkellmu u jifhmu lil xulxin.
Kemm int kuntent bil-grawnds fejn tilagħbu l-logħob tal-kampjonat Premier?
Naħseb li għandu jkollna iktar grawnds li nilagħbu fihom kemm synthetic kif ukoll tal-ħaxix naturali. Fl-Ewwel Diviżjoni u l-Premier dejjem jintużaw l-istess erba' grawnds kull ġimgħa. U grawnds li jkunu jistgħu jakkomodaw numru sostanzjali ta’ sapporters. Anke training grounds. Kif tim tal-Ewwel Diviżjoni jew saħansitra tim tal-Premier jitħarreġ fi grawnd ta' 5 jew 7-a-side. Nemmen li hemm ħafna iktar x’jista' jsir minn dan il-lat.
X’taħseb dwar il-kontroll tar-referis matul dan l-aħħar staġun?
Il-kontroll tar-referis qed jitjieb minħabba li t-taħriġ tar-referis qed ikun ta' livell ogħla. Bil-limiti tiegħu, referìmhux dejjem ħa jaqbel miegħu kulħadd. Huwa uman bħall-plejers li jkunu qed jilagħbu fil-grawnd u żbalji ħa jagħmel bħal kulħadd. Tim li jkun qed jirbaħ ħa jarah anġlu u tim li jkun qed jitlef ħa jarah dimonju imma dik parti mil-logħba u l-plejers għandhom ikunu professjonali biżżejjed li jkomplu jagħtu kontribut fil-logħba u mhux jeħduha mar-referì. Barra minn Malta tintuża s-sistema tal-VAR li hawn Malta ma nużawhiex. Naħseb li hija għodda addattata ħafna għar-referis li tgħinhom jikkontrollaw il-logħob aħjar.
X’inhuma s-sagrifiċċji li plejer tal-futbol irid jagħmel sabiex ikun tajjeb?
Plejer tal-futbol irid jagħmel ħafna sagrifiċċji tul il-karriera tiegħu biex jitjieb. Jien nemmen li t-tragward m'għandux ikun li nkun tajjeb għax kieku kulħadd jgħid jien aħjar minnek u dawn l-affarijiet imma t-tragward għandu jkun li ġurnata b’ġurnata ttejjeb il-livell tiegħek u tkompli titjieb. Sagrifiċċji agħmlihom għax trid int u għall-isport li tant inħobbu. Jien nemmen li bis-sagrifiċċji li plejer jagħmel biż-żmien jilħaqhom l-aspettattivi u t-tragwardi li jkollu. M'intix ħa tfaqqa' subgħajk u tasal imma trid tkun paċenzjuż bħal fil-ħajja ta’ kuljum. Dawn is-sagrifiċċji jinkludu ikel u dieta tajba u addattata għall-plejer tal-futbol, konsum baxx tal-alkoħol u mhux esaġerat, ħin mal-familja mhux dejjem ikun hemm kif ukoll ħin liberu għalik imma wieħed li jkun iffissat fuq il-fubol dak ikun il-ħin liberu tiegħu fejn jesprimi ruħu u l-problemi tal-ħajja jinsiehom kollha għal dik is-siegħa u nofs tal-logħba.
Jekk għandek ħolma jew xewqa li tagħmel xi ħaġa kemm jekk futbol u kemm jekk xi ħaġa oħra qatt taqta' qalbek u qatt tgħid m'iniex kapaċi
Kif jirnexxielek tlaħħaq mal-istudju tiegħek u mal-futbol?
Jien għadni student Universitarju nistudja degree fil-Medical Biochemistry. Dan huma suġġett naqra mpenjattiv bħas-suġġetti kollha imma b’immaniġġjar ta’ ħin tajjeb li fl-opinjoni tiegħi hi l-iktar ħaġa importanti tasal. Il-futbol qatt m’għandu jingħata l-ġenb. B’xi mod jew ieħor fl-aħħar għaxar snin dejjem sibt bilanċ s’issa bejn l-iskola u studju. Kollox f'ħinu u f’waqtu. Ħin l-istudju hu ħin l-isudju u ħin it-taħriġ hu ħin it-taħriġ.
Tqis li fil-futur tissejjaħ mat-tim nazzjonali mmexxi mill-kowċ Ray 'Żażu' Farrugia?
Jien s’issa trials biss kelli mat-tim nazzjonali Malti meta kont iżgħar. Plejer qatt m’għandu jaqta' qalbu u jaspira li xi darba jilgħab għal pajjizu fi kwalunke livell. Hija x-xewqa tiegħi li xi darba forsi nkun mgħajjat mat-tim nazzjonali tal-U21 jew dak tal-kbar. Dejjem nibqa’ nistinka u nitħarreġ forsi xi darba nasal u jekk ma jirnexxilix ma tkunx waqgħet id-dinja lanqas għax bħala partitarju ta’pajjiżi dejjem ħa tkun irrelevanti jekk inkunx fil-pitch jew barra minnu!
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Bħalissa għadni qed niżviluppa u beħsiebni nibqa' mal-klabb tant għal qalbi ta' Zejtun Corinthians, avolja ġieli tgħaddili minn moħħi biex nibda esperjenza ġdida hekk kif kien hemm xi klabbs interessati fija. Imma għadni żgħir u għad fadalli triq twila quddiemi f’dik li hi karriera tal-futbol. B’hekk inħares pass, pass u nħalli f'idejn il-Bambin biex iwassalni fejn għandu jwassalni!
Nixtieqek tgħaddi l-aħħar messaġġ lil dawk it-tfal u żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista u li bħalek jixtiequ jagħmlu karriera ta' suċċess fil-futbol.
Messaġġ qasir mingħandi hu li jekk għandek ħolma jew xewqa li tagħmel xi ħaġa kemm jekk futbol u kemm jekk xi ħaġa oħra qatt taqta' qalbek u qatt tgħid m'iniex kapaċi. Kulħadd kapaċi jasal imma trid tkun determinat minnek u tgħid hemm irrid nasal u ibqa' fiċ-ċert li xi darba tasal. Żomm madwarek nies li jridulek il-ġid u li jridu jgħinuk titjieb u warrab lil dawk li jippruvaw itellfuk u jitfgħuk 'l isfel. Il-motto tiegħi huwa ‘Dare To Dream’. Jekk hi xi ħaġa li tħobb tagħmel, mur għaliha! M'għandekx bżonn tkun l-aħjar wieħed fil-ħaġa bħall-futbol. L-aqwa li tagħmel l-almu tiegħek u tkun kuntent b’dik li wara kollox hija parti essenzjali minn ħajtek!