'Nista' ngħid b'wiċċi minn quddiem li l-aħjar tiegħi għadu ġej'

Riċentament, Yazmin Zammit Stevens ikkompetiet b’suċċess fil-Kampjonati Dinjija tal-Weight lifting  fejn spiċċat fis-17-il post fil-klassifika ġenerali.

Riċentament, Yazmin Zammit Stevens ikkompetiet b’suċċess fil-Kampjonati Dinjija tal-Weight lifting fejn spiċċat fis-17-il post fil-klassifika ġenerali. Il-lifter Maltija hija l-unika atleta li qatt ikkompetiet fil-Kampjonati tad-Dinja fil-weight lifting u b’hekk din kienet it-tieni darba fil-karriera tagħha li għamlet dan.

Zammit Stevens u l-kowċ tagħha Jesmond Caruana għamlu vjaġġ sabiex tagħmel il-konfront ta’ din is-sena wara li l-atleta kellha korriment fl-għaksa fl-aħħar ftit xhur. Minkejja li ma kinitx ċerta jekk kinitx se tirkupra fil-ħin biex tipprepara għall-kampjonati tad-Dinja, Yazmin qatt ma qatgħet qalbha u kompliet tmexxi r-riabilitazzjoni tagħha lejn l-irkupru għall-avveniment ta' kwalifikazzjoni Olimpika li seħħ f'Pattaya fit-Tajlandja.

Minkejja l-ostakli li ltaqgħet magħhom fit-tħejjija tagħha, il-lifter Maltija spiċċat b’mod ġenerali fis-17-il post, il-ħames post fis-sessjoni tal-grupp B, u żiedet l-aħjar tagħha b’kilogramma u tejbet il-possibiltajiet tagħha li tieħu sehem fl-Olimpijadi ta’ Tokyo 2020. Hija refgħet 85 kilo Snatch u 105 kilo Clean & Jerk u total ta' 190 kilo li kienu wkoll biżżejjed sabiex tikser aktar rekords nazzjonali.

Il-kategorija 71kg rat atleti mid-dinja kollha jiġġieldu għal kull titjib possibbli fir-rankings tad-dinja fi triqthom biex jikkwalifikaw għal-Logħob Olimpiku tas-sena d-dieħla. Zammit Stevens irnexxielha taqbeż lill-atleti mill-Iran, l-Irlanda, id-Danimarka, ir-Repubblika Ċeka, il-Litwanja u s-Slovakkja.

Il-kategorija ta' 71 kilo kienet mirbuħa mil-lifter Amerikana Kate Nye li wkoll kisret rekord dinji fis-snatch tal-ġurnata. Mattie Rogers, ukoll mill-Istati Uniti, spiċċa fit-tieni waqt li l-Korea ta Kyo Him Sim ħadet il-bronż. Zammit Stevens qed tieħu sehem ukoll fil-Kampjonati tal-Mediterran  u l-Open Internazzjonali li huwa wkoll avveniment ta' kwalifikazzjoni Olimpika klassifikata Silver. Hija tinsab akkumpanjata minn sħabha tat-tim Roberta Tabone u Brian Muscat.

Il-kampjonati tad-dinja kienu għal Zammit Stevens fl-ewwel avveniment ta’ kwalifikazzjoni matul dan it-tieni perjodu (Mejju-Ottubru) ta’ opportunitajiet ta' kwalifikazzjoni Olimpika. San Marino se tkun opportunità oħra f’dan it-tieni perjodu biex iżżid ir-riżultat tagħha mill-Kampjonati tad-Dinja. It-tielet u l-aħħar perjodu ta' avvenimenti ta' kwalifika jibdew mill-1 ta’ Novembru sal-aħħar ta' April tal-2020.

Din l-opportunità ma kinitx tkun possibbli mingħajr l-għajnuna kontinwa mogħtija mill-MWA, il-Kumitat Olimpiku Malti u SportMalta.

ILLUM tkellmet ma' Zammit Stevens innifisha fejn tatna dawn il-kummenti esklussivi:

"Ninsab kuntenta ħafna li rritornajt fl-azzjoni. Kont qed insofri minn injury kemxejn serja fl-għaksa u l-aktar waħda li offrietli sfida mentali kemm ili nitttrenja l-weightlifting. Però, irnexxieli negħlibha u noħroġ minnha aħjar milli kont. Nista' ngħid b'wiċċi minn quddiem li l-aħjar tiegħi għadu ġej!"

 

 

More in Lokali