Ma joħroġx rebbieħ iżda juri qalb kbira
Nhar it-28 ta' Settembru li għadda, il-boxer ewlieni Malti, Christian 'Ċoqqos' Schembri rritorna fir-ring kontra l-boxer mir-Repubblika Ċeka, Jan Marsalek.
Nhar it-28 ta' Settembru li għadda, il-boxer ewlieni Malti, Christian 'Ċoqqos' Schembri rritorna fir-ring kontra l-boxer mir-Repubblika Ċeka, Jan Marsalek, fi promozzjoni organizzata minn Prize Boxing Promotions. Marsalek kien avversarju validu ħafna, fejn kellu ħames rebħiet b'knockout minn sitt ġlidiet, u sfortunatament iċ-Ċoqqos din id-darba, minkejja ġlieda li kienet kompetittiva u wirja tajba ħafna min-naħa tiegħu, huwa ma ħariġx rebbieħ. Iċ-Ċoqqos daħal ġo din il-ġlieda ppreparat ħafna bħal dejjem. Kien qiegħed f'forma fiżika u psikoloġika tajba peress li wara perjodu żgħir ta' mistrieħ fis-sajf, wara r-rebħa tiegħu kontra D'Antoni, huwa kompla bit-taħriġ kontinwu tiegħu. Fit-taħriġ tiegħu, hu għamel xogħol siewi ħafna mal-kowċ tiegħu Quendar Pena, fejn huma komplew jipperfezzjonaw l-affarijiet li ħadmu fit-taqbida ta' qabel.
Barra minn dan, huwa għamel sparring mal-aħjar boxers li seta' viċin il-piż tiegħu għal fuq minn 100 round, biex ikun żgur fl-aħjar forma fiżika u bir-riflessi veloċi u pronti. Iżda Marsalek niżel hawn Malta preparat daqs iċ-Ċoqqos, u huma għamlu tmien rounds isserrati u bbilanċjati ħafna, u taw gost lill-folla numeruża ta' partitarji li marru jarawhom. Fl-ewwel rawnd, iċ-Ċoqqos ħareġ kawt jistudja lill-avversarju, li min-naħa tiegħu, kif mistenni, ħareġ jagħmel pressjoni u jattakka liċ-Ċoqqos. Lejn l-aħħar tar-rawnd, iċ-Ċoqqos qabad jirrispondi billi jaħrab id-daqqiet tal-avversarju u jirrispondi b'tiegħu. L-istorja nbidlet fit-tieni rawnd, fejn iċ-Ċoqqos qabad jimxi 'l quddiem u jieħu n-nofs tar-ring, jitfa' pressjoni fuq l-avversarju u jwaddab serje ta' daqqiet veloċi u b'saħħithom li bdew jagħmlu effett fuq l-avversarju. Ta' min jgħid li Marsalek kien naqra iqsar miċ-Ċoqqos, u allura beda jipprova jidħol taħt ras iċ-Ċoqqos u jiġġieled mill-viċin biex jinnegalu l-vantaġġ tat-tul li kellu.
Fl-aħħar minuti tar-raba' rawnd, seħħ dak li bdew jibżgħu minnu l-kowċis taċ-Ċoqqos, fejn waqt li Marsalek daħal ġewwa u hu u ċ-Ċoqqos bdew jiġġieldu f'distanza qasira, ħabtu ras ma' ras u fetaħ qasma fuq għajnejn iċ-Ċoqqos. Din affettwat liċ-Ċoqqos fejn hu beda jiġġieled iktar minn distanza twila, u xi daqqiet Marsalek beda jolqtu b’daqqiet iktar effettivi milli beda jitfa' ċ-Ċoqqos. L-affarijiet marru agħar għaċ-Ċoqqos fis-sitt rawnd fejn wara li reġgħu ħabtu ras ma' ras u fetaħlu qasma oħra fuq wara ta' rasu, Marsalek laqtu wkoll b'upper cut fil-fwied vera tajba li ċ-Ċoqqos ħassha u kellu jieħu żewġ passi lura biex jirkupra n-nifs.
B'hekk Marsalek reġa' ħa l-momentum tal-ġlieda favurih u baqa' sejjer 'il quddiem jitfa' d-daqqiet għat-tul tal-aħħar żewġ rawnds - is-seba' u t-tmien wieħed. Min-naħa tiegħu, iċ-Ċoqqos kellu wirja tajba ta' boxing f'dawn iż-żewġ rawnds, fejn huwa kellu daqqiet numerużi u beda juża saqajh biex joħroġ mill-periklu u jħalli lil Marsalek jagħti fl-arja u jserraħ mal-ħbula. Minkejja dan, Marsalek xorta rnexxielu xi drabi jolqot liċ-Ċoqqos b'daqqiet effettivi li setgħu kienu qed jimpressjonaw lill-ġurija iktar mill-movimenti intelliġenti taċ-Ċoqqos.
Fl-aħħar tat-taqbida l-boxers it-tnejn li huma għollew idejhom kunfidenti li rebħu, u l-partitarji qamu fuq saqajhom iċapċpu u jfaħħru lil dawn iż-żewġ boxers li ħallew, litteralment, ir-ring mimli għaraq u demm tagħhom biex taw lill-partitarji ġlieda mill-aqwa. Sfortunatament din il-gwerra ma marritx favur iċ-Ċoqqos, fejn żewġ membri tal-ġurija taw iktar punti lil Marsalek u wieħed liċ-Ċoqqos. B'hekk Marsalek rebaħ dik li tissejjaħ 'Split Decision'. Minkejja d-diżappunt kbir li kellu ċ-Ċoqqos tar-riżultat u ta' kif ħalla l-ġlieda taħrablu minn taħt idejh, huwa kien kemxejn sodisfatt b'ċerti aspetti ta' teknika li rnexxielu juri fil-ġlieda, fosthom il-qalb u l-kuraġġ li wera biex minkejja tliet qasmiet (għajnejh rasu u geddumu) hu baqa' jiġġieled u spiċċa r-rawnds kolla u r-rispett li rebaħ mingħand in-nies tal-qalb li wera. Huwa stqarr li jixtieq jerġa' jagħmel re-match ma' Marsalek u jekk kollox imur ħarir u jfiqulu sewwa l-qasmiet, dawn għandhom jerġgħu jiltaqgħu fis-27 ta' Novembru. Iċ-Ċoqqos xtaq jirringrazzja lill-partitarji kollha tiegħu tas-sapport u l-kuraġġ li jagħmlulu f'kull taqbida, lill-familja u lill-mara tiegħu tas-sapport fil-ħajja ta' kuljum tagħhom. Huwa xtaq ukoll jagħmel ringrazzjament bħas-soltu lill-isponsors li jgħinuh fil-karriera tiegħu li huma Fort Fitness, Remax Alliance, Virgata Holdings, Printart u Doma Korean Restaurant.