Ikompli s-suċċess ta' Mark Spiteri fit-ten-pin bowling
Fil-jiem li għaddew, il-bowler ewlieni Malti Mark Spiteri kompla jimpressjona kemm bħala plejer kif ukoll bħala kowċ
Fil-jiem li għaddew, il-bowler ewlieni Malti Mark Spiteri kompla jimpressjona kemm bħala plejer kif ukoll bħala kowċ. Huwa nnifsu tana iktar dettalji rigward dan.
"Din is-sena kienet waħda impenjattiva ħafna. Aktar u aktar li jien m’inix atleta biss, iżda kif ukoll kowċ, u nitħarreġ minn tfal żgħar ta’ Sport on the Move, kif ukoll adulti, fosthom ukoll atleti elite. Infatti jien l-uniku Malti li għandi ċertifikat ta’ Livell 3 fil-bowling f’pajjiżna.
Fil-fatt, kelli żewġ avvenimenti ferm importanti, wieħed bħala kowċ, fejn ġejt magħżul nikkowċja t-tim nazzjonali taż-żgħażagħ, kif ukoll nilgħab fil-World Senior Championships. Bdejna bit-taħriġ mill-bidu tas-sena u f’April tlajt mal-ħames żgħażagħ li rrappreżentaw lil Malta fil-Kampjonati tal-Ewropa ġewwa Vjenna. L-atleti kienu Sara Xuereb, Matthew Magro, Miguel Xuereb, Edward Xuereb u Kurt Attard. Il-livell huwa għoli ħafna, speċjalment meta tqis pajjizi tal-Ewropa ta’ fuq bħall-Iżvezja, il-Finlandja u d-Danimarka. It-tim tal-ġuvintur mar tajjeb ferm u spiċċaw fl-għaxar post minn 22 tim. Kull atleta tejjeb il-pożizzjoni tiegħu meta mqabbla mas-sena ta’ qabel. Iċ-ċirasa fuq il-kejk kienet meta Sara Xuereb irnexxielha tirbaħ midalja tal-fidda fis-Singles, kif ukoll midalja tal-bronż fil-Masters. B’hekk għandi unur ngħid li bħalha kowċ għandi tliet midalji fil-Kampjonati Ewropej taż-żgħażagħ, waħda s-sena l-oħra u tnejn din is-sena.
Inkompli fuq il-linja ta’ kowċ f’din is-sena u ma nistax ma nsemmix lil Cynthia Frendo Duca li hija waħda mill-atleti li nikkowċja. Din is-sena ġiet it-tielet fil Malta Open Championships minn fost 79 parteċipant minn għaxar pajjiżi differenti. Imbagħad fl-Open tal-Balkani ġiet it-tielet fid-doubles event, kif ukoll spiċċat fit-12-il post ġewwa Bucharest fir-Rumanija. L-ikbar unur għalija kien meta spiċċat ir-rebbieħa ta’ dan it-Tour Ewropew minn fost 200 plejer. Ovvjament, meta student li tkun għallimt jirbaħ, tħoss sodisfazzjon kbir ta’ kemm sigħat tkun qattajt biex tippreparah għall-kompetizzjoni.
Waqt dan kollu kien hemm il-kriterja biex wieħed jintgħażel biex jirrapreżenta lil Malta għall-Kampjonati Mondjali tas-Seniors ġewwa Las Vegas. Wara diversi tournaments u anke xi logħob mill-kampjonat, ikkwalifikajt fl-ewwel post biex nilgħab bil-flokk ta’ pajjiżi. Miegħi telgħu wkoll Kenneth Arpa, Dennis Mercieca u Steve Cassar. Tlajt bit-tir li ngħaddi mal-ewwel 24 plejer biex nilgħab fil-Masters għax is-sentejn ta’ qabel m’għaddejtx għal xi 50 pin. Kien hemm min qalli biex ma narax kbir għax kien hemm diversi plejers professjonali, fosthom l-Amerikani, u dawk tal-Ewropa ta’ Fuq, imma ma qtajtx qalbi. Bdejna bis-singles u ħariġli logħob stupend u minn grupp A kklassifikajt fit-tieni post. Kelli mbagħad noqgħod nistenna li nilgħab grupp B u nitlob li nżomm tal-anqas ir-raba’ post biex inkun nista' nilgħab fil-finali. Wara erba' siegħat ta’ taqtiegħ il-qalb, nistenna bħal ruħ lil 80 plejer jilagħbu is-sitt logħbiet tagħhom, bdew ġejjin diversi plejers jifirħuli għax kont ksibt posti fil-finali, b’midalja garantita. Ngħidlek il-verità lanqas naf x’kien laqatni u ħafna nies ġew jistaqsuni Malta fejn tinsab u kull darba rrid nispjega li aħna tikka fil-Mediterran. Kien hemm min kien jaħseb li aħna parti mill-Italja. Stagħġbu wkoll meta spjegajt li f’Malta ċentru ta’ taħriġ wieħed biss hawn, u dan huwa kummerċjali, u li neqsin ukoll minn fondi.
Lgħabt fil-finali u kont sfortunat li tlift mal-Amerikan li eventwalment spiċċa rebaħ il-midalja tad-deheb. Però rbaħt midalja tal-bronż, li hija l-ewwel midalja li qatt intrebħet għal Malta fuq livell ta’ Kampjonati Mondjali fi storja ta 44 sena ta’ bowling.
Fid-doubles ukoll konna tajjeb u jien u Dennis Mercieca spiċċajna fit-13 il post minn 79 tim. Imbagħad fil-4-men tim ksirna r-record nazzjonali tal-aqwa tim tas-Seniors, kif ukoll lgħabna t-tielet l-aqwa logħba li Malta qatt lagħbet bħalha tim event f’Kampjonati Internazzjonali.
Bil-logħob tajjeb li lgħabt ikklassifikajt fit-12-il post minn 160 atleta u t-tragward tiegħi li ngħaddi għall-Masters ilħaqtu. Lgħabt kontra n-Norveġiż, u għalkemm lgħabt tajjeb ferm, tlift. Però, nista' ngħid li tlift bl-unuri. Nibqa’ niftakar dan il-mument meta poġġejt lil Malta fuq il-mappa tad-dinja billi rbaħt midalja tal-bronż u ġejt ikklassifikat mal-aqwa 12-il bowler fid-Dinja
Tul il-weekend li għadda, kellna l-kampjonati tas-Seniors u b’hekk aċċertajt posti biex nipparteċipa fil-Kampjonati tal-Ewropa f’Jannar ġewwa Vjenna.
Hawnhekk nixtieq nieħu l-opportunità biex nirringrazzja lill-Malta Tenpin Bowling Association tal-fiduċja li turi fija sew bħala kowċ u anke bħala plejer. Nirringrazzja wkoll lil Visitmalta.com għax huma kienu l-isponsors uffiċjali tat-tim. Grazzi wkoll lill-MOC u Sport Malta tas-sapport, u l-Eden Superbowl li joffruli l-faċilità sabiex inkun nista' nikkowċja u nitħarreġ. Nirringrazzja wkoll lill-familja tiegħi, speċjamlmet lill-mara tiegħi Liliana, li tifhimni sew peress li hija wkoll intiża fl-amministrazzjoni tal-isport tal-bowling. Żgur li jekk ma jkollokx familja li tifhem l-impenn qawwi, ma tirnexxix."