Suċċess għall-weightlifters Maltin f’San Marino
Malta kienet irrappreżentata minn tliet atleti fl-avveniment - Brian Muscat, Roberta Tabone u t-tama Olimpika fil-weightlifting Malti, Yazmin Zammit Stevens.
Il-kompetizzjoni għall-pajjiżi tal-Mediterran tal-Weightlifting ġiet organizzata flimkien mal-Open ta’ San Marino, din is-sena bħala avveniment ta’ kwalifikazzjoni Olimpika fil-livell tal-fidda matul il-weekend li għadda f’Serravalle ġewwa San Marino. Minkejja li din il-kompetizzjoni minn dejjem kienet b'saħħitha ħafna fil-livell ta' atleti, din is-sena kienet ta' sfida aktar minn qatt qabel peress li issa l-Olimpijadi ta' Tokyo jinsabu xhur biss 'il bogħod.
Malta kienet irrappreżentata minn tliet atleti fl-avveniment - Brian Muscat, Roberta Tabone u t-tama Olimpika fil-weightlifting Malti, Yazmin Zammit Stevens. Ġimagħtejn biss wara r-riżultat tajjeb tagħha fil-Kampjonati Dinjija tal-IWF, Zammit Stevens irnexxielha tirbaħ tliet midalji tal-bronż fil-kategorija tal-71 kilo waqt din il-laqgħa għal 85 kilo snatch tagħha, 102 kilos clean and jerk u 187 kilo totali. Hija spiċċat fit-tielet post wara l-lifter Amerikan, Kaitlynn Cooper, li spiċċat bi 92 kilo, 115-il kilo u 207 kilo fis-snatch, clean u jerk u totali rispettivament. It-Taljana Gulia Miserandino, kisbet it-tieni post bil-lifts tagħha fit-93 kilo, 104 kilos u 197 kilo. Dan l-avveniment ta' kwalifikazzjoni kien l-aħħar wieħed għal dan it-tieni perjodu ta' kwalifiki għal Zammit Stevens. It-tielet u l-aħħar perjodu se jkun bejn Novembru ta' din is-sena u April tas-sena d-dieħla. Din se tkun l-aħħar medda ta' sforz għal-Logħob Olimpiku.
Roberta Tabone, kellha wirja inkredibbli bil-lifts ikunu l-aħjar personali tagħha kemm fis-snatch kif ukoll fit-total. Tabone, li wkoll ikkompetiet fil-kategorija tal-71 kilo, spiċċat fir-raba' post fis-snatch b'refgħa ta' 76 kilo, fil-ħames post fil-clean and jerk b'94 kilo u fir-raba' post fil-klassifika ġenerali b'170 kilo. Hija rnexxielha taqbeż atleti mill-Kroazja, San Marino u mill-Olanda.
Għal Brian Muscat, din kienet l-ewwel rappreżentazzjoni internazzjonali tiegħu mat-tim nazzjonali. Huwa kkompeta fil-kategorija tad-89 kilo u temm il-kompetizzjoni tiegħu b' 113-il kilo snatch, 145 kilo clean & jerk u total ta' 258 kilo.
It-tim kien akkumpanjat mill-kowċ tat-tim nazzjonali Jesmond Caruana, li serva wkoll bħala kap tal-ġurija għall-uffiċjali tekniċi f’dan l-avveniment ta’ kwalifikazzjoni Olimpika.
L-MWA ukoll xtaqet tirringrazzja lill-Kumitat Olimpiku Malti u lil SportMalta għall-għajnuna kontinwa tagħhom, peress li xejn minn dan is-suċċess ma kien ikun possibbli mingħajr l-appoġġ tagħhom.