SportMalta tirbaħ il-BeActive Workplace award imniedi mill-Kummissjoni Ewropea

Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima qal li dan l-unur ipoġġi lil Malta fuq nett ukoll fl-amministrazzjoni sportiva.  

 SportMalta, l-entità governattiva għall-isport, rebħet l-unur ta’ BeActive Workplace waqt ċerimonja li saret fil-belt kapitali tal-Ungerija, Budapest.  L-unur ġie ppreżentat mill-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, Sport u Kultura, Tibor Navrascics. 

Il-proġett Malti kien iffukkat fuq l-inattività fuq il-post tax-xogħol, bi SportMalta jippreżenta pjan ta’ azzjoni u konkrett sabiex il-ħaddiema tiegħu jkunu aktar attivi.  Barra minn sport varju, prattikat fil-ħin tax-xoghol, SportMalta għamlet serje ta’ inizjattivi għall-ħaddiema fi ħdanha biex jgħixu ħajja iktar attiva u b’saħħitha.

Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima qal li dan l-unur ipoġġi lil Malta fuq nett ukoll fl-amministrazzjoni sportiva.  Huwa qal li l-profil ta’ SportMalta huwa wieħed għoli immens barra l-pajjiż u dan l-unur ikompli jikkonferma li Malta tista’, għalkemm żgħira, tkun l-aqwa fl-Ewropa.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar qal li l-entità għandha tkun ta’ eżempju għal dawk l-kumpaniji kollha li għandhom numru kbir ta’ ħaddiema jpoġġu bilqiegħda għal sigħat twal.  Huwa qal li jinsab kuntent li SportMalta qed tagħti eżempju u lesta biex issa tibda twassal il-messaġġ ta’ dan il-proġett lill-oħrajn.  Huwa rringrazzja lill-kordinatur tal-proġett RoseMarie Mercieca li mexxiet team ta’ nies li fasslu u ħadmu sabiex il-proġett ikun wieħed interessanti.

Iċ-Chairman ta’ SportMalta Luciano Busuttil feraħ lill-ħaddiema għal dan l-unur.  Huwa qal li faċli titkellem fuq inattività, iżda SportMalta marret aktar minn hekk. L-entità tat eżempju u dan l-eżempju ġie rikonoxxut mill-Kummissjoni Ewropea.

Din kienet il-ħames edizzjoni ta’ dan l-unur u li għalih kien hemm 45 nomina li finalment ġurija apposta għażlet tliet finalisti.  Flimkien ma’ SportMalta, kien hemm ukoll l-Ungerija kif ukoll l-Estonja.

Il-proġett tal-entità kien imfaħħar mill-ġurija tant li f’kummenti waqt iċ-ċerimonja huma qalu li bil-livell għoli ta’ proġetti li kien hemm, li tasal sal-finali kien diġà rikonixximent fih innifsu imma li tirbaħ hija xi ħaġa eċċezzjonali.

 

More in Lokali