Sena inkredibbli għall-weightlifting Malti
Is-suċċess tat-tim taż-żgħażagħ matul il-weekend li għadda żied żewġ midalji oħra tad-Deheb internazzjonali mal-lista ta' kisbiet tagħhom.
Il-weightlifting Malti kellu sena inkredibbli, u s-suċċess tat-tim taż-żgħażagħ matul il-weekend li għadda żied żewġ midalji oħra tad-Deheb internazzjonali mal-lista ta' kisbiet tagħhom.
It-tim Nazzjonali taż-Żgħażagħ magħmul minn Tenishia Thornton ta' 14-il sena, Kim Camilleri Lagana ta' 11-il sena u Tristan Zammit ta' 16-il sena kkompetew fiċ-Challenge 210 Tournament ġewwa Tramelan, l-Iżvizzera.
Dawn il-kampjonati raw uħud mill-iktar atleti ta' suċċess, atleti ta eta differenti jikkompetu minħabba li kien ukoll avveniment ta’ Kwalifikazzjoni Olimpika. L-iżgħar atleta fit-tim nazzjonali hija Kim ta' 11-il sena, li kienet l-ewwel waħda li ħadet il-pjattaforma. Minkejja li kienet l-ewwel dehra internazzjonali tagħha, hija rnexxielha tispiċċa fuq nett fil-grupp ta' età U-13 u bil-prestazzjoni perfetta 6/6 tagħha. B'piż tal-ġisem ta' 28 kilo, hija temmet il-kompetizzjoni tas-27 kilo fis-Snatch u 35 kilo fil-clean and jerk billi kisret ir-rekords preċedenti kollha tagħha tal-U-13 fil-kategorija tat-32kilo. L-atleti mill-Iżvizzera u l-Ġermanja akkwistaw it-tieni u t-tielet post rispettivament.
Tenishia Thornton, li ma għandha bżonn tal-ebda introduzzjoni f'dan il-punt, bdiet bi snatch ta' 52 kilo ftit anqas milli mistennija imma dawret il-kompetizzjoni b`refgħa inkredibbli ta' 67 kilo fil-clean & jerk. B’piż tal-ġisem ta' 46 kilo hija stabilixxiet tliet rekords nazzjonali fil-kategorija tad-49 kilo, u akkwistat midalja oħra tad-Deheb internazzjonali biex iżżid fil-kollezzjoni tagħha. L-atleti mill- Ungerija u l-Iżvizzera akkwistaw it-tieni u t-tielet post rispettivament. Thornton irnexxielha ssir l-aktar atleta żagħżugħa f`Malta mżejna fl-istorja tal-weightlifting u ma qed turi l-ebda sinjali ta' nuqqas fir-ritmu. Issa qed tħejji għall-Kampjonati Ewropej taż-Żgħażagħ f'Iżrael f'Diċembru li ġej.
Din kienet ukoll l-ewwel kompetizzjoni internazzjonali għal Tristan Zammit ta' 16-il sena li temm din il-kompetizzjoni b'102-il kilo snatch, 123 kilo clean and jerk u tliet rekords nazzjonali ġodda fil-kategorija U-17, 102 + kg. Minkejja li beda l-isport ftit tas-snin ilu, Zammit beda t-taħriġ regolarment riċentament u ilu juri titjib kostanti ma' kull kompetizzjoni.
It-tim kien akkumpanjat mill-kowċ tat-tim nazzjonali Jesmond Caruana, li wkoll ġie magħżul biex ikun uffiċjal tekniku fil-parti tal-Kwalifikazzjoni Olimpika tal-avveniment. L-atleta u l-kowċ huma tassew kuntenti bis-suċċess tagħhom f’din il-kompetizzjoni u jirringrazzjaw lill-Kumitat Olimpiku Malti u lil SportMalta għall-appoġġ kontinwu tagħhom. Huma ser ikomplu jaħdmu biex jispiċċaw is-sena b` aktar suċċessi.