Jipparteċipa f'Maratona għall-ewwel darba u jikser ir-rekord nazzjonali
L-atleta Għawdxi Charlton Debono, issa kiser ir-rekord nazzjonali tal-Maratona
Wara li f’Ottubru li għadda rreġistra rekord nazzjonali ġdid għan-Nofs Maratona, meta għat-tielet darba kiser ir-rekord nazzjonali tiegħu stess, l-atleta Għawdxi Charlton Debono, issa kiser ir-rekord nazzjonali tal-Maratona.
Charlton Debono pparteċipa fil-Maratona ta’ Valencia, fi Spanja u din kienet l-ewwel maratona tiegħu. Huwa kiser ir-rekord nazzjonali li kien ilu stabbilit 19-il sena b’minuta u 40 sekonda u spiċċa l-maratona b’ħin uffiċjali ta’ 2:25:03.
Debono, membru ta’ Evolve Endurance Club, qal li din kienet l-ewwel maratona tiegħu u għalkemm kellu opportunitajiet jagħmilha qabel, ried ikun ċert li meta jagħmilha, jirreġistra ħin tajjeb. “Ippjanajt l-istrateġija mal-kowċ tiegħi, Has Kesra u żammejt pass li kont naf li rrid inżomm tul il-maratona kollha. Ġrejt l-ewwel nofs f’siegħa u 12-il minuta u t-tieni nofs f’siegħa u 13-il minuta.” Debono kompla jgħid li s-sodisfazzjon li ħass malli spiċċa l-maratona hekk kif ikkonferma li kiser ir-rekord nazzjonali, huwa diffiċli jiddeskrivieh.
“Dawn il-memorji jibqgħu miegħi għal dejjem. Mort għal rekord nazzjonali fl-ewwel maratona tiegħi. Ma nistax nitlob iżjed minn hekk!”
Debono kellu kliem ta’ ringrazzjament għall-familja tiegħu, għall-kowċ Has Kesra u Evolve Endurance Club u l-isponsors uffiċjali tiegħu.