L-MFA tirreferi l-allegazzjonijiet kontra l-kowċ tat-Tim Nazzjonali Malti lill-Pulizija
Dan hekk kif komplew joħorġu aktar allegazzjonijiet kontra Devid Mangia
L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol qalet li rreferiet l-allegazzjonijiet li qed isiru fil-konfront tal-kowċ tat-Tim Nazzjonali Malti, Devis Mangia, lill-Pulizija.
Fi stqarrija, l-MFA qalet li qed tevalwa kull żvilupp fuq dan il-każ u li dalgħodu għamlet rapporti lill-Pulizija dwar dawn l-allegazzjonijiet.
Qalet li anke jekk sa issa l-każ idur biss ma' allegazzjonijiet, minħabba s-serjetà tal-każ, kien importanti li titlob l-għajnuna tal-FIFA u l-UEFA biex jittieħdu l-istess passi li jintużaw f'każi simili fil-futboll internazzjonali.
Fakkret li minn meta saru l-ewwel allegazzjonijiet, hija ħadet passi immedjati u ssospendiet lil Mangia mill-irwol tiegħu.
Apparti minn hekk, l-Assoċjazzjoni sejħet laqgħa urġenti tal-Bord Eżekuttiv u kkonfermat id-deċiżjoni li tissospendi lil Mangia u anke tirreferi l-każ lill-Bord għas-Salvagwardji biex ikun jista' jinvestiga l-allegazzjonijiet.
Qalet ukoll li tinsab determinata li fuq dan il-każ joħorġu l-fatti kollha u għalhekk lesta tisma' lil kwalunkwe persuna li tista' aktar dawl fuq dan il-każ. Insistiet li se titratta bl-akbar serjetà dan il-każ u każi oħra tal-istess natura.
Dalgħodu komplew joħorġu aktar allegazzjonijiet kontra Mangia, b'omm plejer Rumen tgħid li l-kowċ kien ifastidixxa lil binha li eventwalment kien irtira mill-futbol minħabba f'hekk.