Jingħalqu l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar: Malta l-ewwel fil-klassifika tal-midalji

Malta kisret ir-rekord tagħha stess tal-aktar midalji tad-deheb, hekk kif l-atleti Maltin iddominaw din l-edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar biex intrebħu 97 midalja

L-atleti Maltin fil-Logħob tal-Pajjiżi Żgħar kienu dominanti għall-aħħar hekk kif ġabu għal Malta l-aktar midalji mill-pajjiżi kollha fil-kompetizzjoni, u sal-Ħamis, il-Maltin kissru r-rekord tagħhom stess għall-ammont ta’ midalji li ntrebħu f’din il-kompetizzjoni. Apparti minn hekk, Malta ġabet ukoll l-akbar ammont ta' midalji tad-deheb, f'dik li hija rebħa storika għal pajjiżna.

Fl-aħħar tal-kompetizzjoni, Malta kellha 96 midalja bi 38 minnhom ikunu tad-deheb, filwaqt li fit-tieni post ġew Ċipru b'87 midalja, li 30 minnhom huma tad-deheb.

L-ewwel atleta li ġabet midalja tad-deheb għal Malta tul l-edizzjoni ta' din is-sena kienet Katryna Esposito li ġiet fl-ewwel post fil-'Judo' tan-nisa.

Fost l-atleti li Maltin li ħadu d-deheb, Jared Micallef kien ukoll fost l-ewwel Maltin li rebħu d-deheb għal pajjiżhom fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar ta’ din is-sena, meta ġie l-ewwel fil-ġirja tat-800 metru tal-irġiel. Micallef rebaħ ukoll il-medalja tal-bronż fil-ġirja tal-1,500 metru tal-irġiel.

Gina McNamara hija t-tieni mara li rebħet id-deheb fid-19-il edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar, u oħtha Clare McNamara rebħet il-bronż fl-istess tellieqa m’oħtha tat-800 metru tan-nisa. Aktar tard tul il-ġimgħa ta’ logħob, Gina McNamara rebħet midalja tad-deheb oħra wara li ġiet fl-ewwel post fit-tellieqa tal-1,500 metru tan-nisa, biex b’hekk saret l-ewwel mara Maltija li rebħet żewġ midalji tad-deheb f’dawn il-logħob

Claire Azzopardi ġabet l-ewwel midalja tad-deheb tagħha għal pajjiżna meta ġiet l-ewwel fil-long jump tan-nisa. Apparti minn hekk, Azzopardi spiċċat fl-ewwel post ukoll fit-’triple jump’ tan-nisa, biex b’hekk rebħet it-tieni midalja tad-deheb tagħha. Fl-aħħar ġurnata tal-logħob, Azzopardi ġabet it-tielet midalja tad-deheb tagħha għal Malta permezz ta’ rebħa Maltija fir-’relay race’.

Peppijna Dalli ħarġet rebbieħa hekk kif spiċċat fl-ewwel post tal-’pole vault’ tan-nisa. Janet Richard ġiet fl-ewwel post fil-ġirja tal-400 metru tan-nisa, hekk kif lestiet it-tellieqa b’ħin ta’ 53.51 sekonda. Elenaor Bezzina ġabet id-deheb għal pajjiżha permezz tal-kompetizzjoni tal-għaxar metri fl-’Air Pistol’

Ir-riżultati kollha bil-lista tal-atleti rebbieħa kollha tista tinsab fuq is-sit: https://results.european-games.org/GSSE2023/eng/zz/engzz_general-medal-count.htm 

 

 

More in Lokali