Midalja tal-bronż għal Katrina Micallef

Fis-sailing, atleti Maltin iġibu riżultati pożittivi fil-Kamponati tad-Dinja taż-Żgħażagħ

 

Katrina Micallef, atleta ta’ 15-il sena mir-Royal Malta Yacht Club (RMYC) fid-dixxipplina tas-sailing, rebħet il-midalja tal-bronż waqt il-Kampjonati tad-Dinja taż-Żgħażagħ. Hi kkompetitiet fil-kategorija ta’ taħt is-16-il sena, fl-ICLA 4, u ġiet fit-tielet post.

Micallef riċentament bdiet tikkompeti f’din il-kategorija, wara li ġabet esperjenza tul is-snin ittellaq f’kategoriji oħrajn. Hi rebħet midalja tad-deheb fl-edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li saret f’Malta aktar kmieni din is-sena.

Tul il-kampjonat, l-atleti kellhom jinnavigaw varjetà ta’ kundizzjonijiet meteoroloġiċi, bl-irjieħat ivarjaw bejn sitt u 14-il knot.

Fil-klassifika finali, Micallef okkupat it-12-il post, minn 150 atleta.

Alexandr Denisiuc, kowċ u membru tal-Kumitat tal-RMYC, starr li, “Aħna lkoll kburin immens bir-riżultat ta’ Katrina. Dawn il-kampjonati ġabu flimkien mijiet ta’ atleti minn madwar id-dinja kollha. Uħud minnhom huma l-Olimpjani tal-futur.”

Benjamin Vassallo, mill-Malta Young Sailors Club, ukoll kellu wirja eċċellenti, hekk kif spiċċa fit-12-il post ukoll fil-klassifika finali, minn 287 atleta.

More in Lokali