Coaches tal-futbol jitħallew fil-limbu għal snin
Stmat li hemm stennija ta’ erba’ snin għall-UEFA C Diploma
Fi Frar tal-2021, il-Kunsill tal-Assoċjazzjoni tal-Futbol ta’ Malta (MFA) approvat emmendi għar-rekwiżiti tal-kwalifikazzjonijiet tal-coaches. Dan sar sabiex l-assoċjazzjoni timxi mal-Coaching Convention tal-UEFA, bit-tir li dejjem jitjieb il-livell tal-futbol domestiku. Madanakollu, ħafna coaches ilementaw dwar l-istennija sabiex jattendu korsijiet li bihom jgħollu l-għarfien u l-kwalifikazzjonijiet tagħhom.
L-MFA toffri 6 livelli ta’ korsijiet ġenerali; il-Grassroots Leaders Diploma, il-UEFA C Diploma, il-UEFA B Diploma, il-UEFA A Elite Youth Diploma, il-UEFA A Diploma u il-UEFA PRO Diploma. Dan apparti korsijiet speċifiċi bħal dawk li jikkomċernaw trejners fiżiki u goalkeeping.
Bl-emendi li saru fl-2021, il-Grassroots Leaders Diploma tikkwalifikak sabiex tikkowċja tfal ta’ taħt it-13-il sena. Bil-UEFA C, wieħed jista’ jikkowċja l-futbol tan-nisa, kif ukoll f’sezzjonijiet C u D tal-futbol taż-żgħar ta’ kull età. Il-UEFA B hija neċessarja sabiex wieħed jikkowċja f’sezzjonijiet A u B tal-futbol taż-żgħar ta’ kull età, kif ukoll fin-National Amateur League. Bil-UEFA PRO u l-UEFA A, wieħed jista’ jikkowċja fil-Premier League Malti u fiċ-Challenge League rispettivament.
Għalkemm fuq il-karti din dehret bħala emmenda tajba li se tikkontribwixxi sabiex jgħola l-livell tal-futbol lokali, jidher li fil-prattika qed toħloq problemi oħrajn.
Dan għaliex jidher li l-MFA wettqet din l-emmenda mingħajr ma ikkunsidrat ir-riżorsi li hemm bżonn jiġu allokati sabiex ilaħħqu mal-influss fid-domanda għall-korsijiet, speċjalment dawk li jsiru fil-bidu.
Coaches li applikaw sabiex jattendu għall-kors tal-UEFA C Diploma fuq sena ilu stqarru li meta ċemplu biex jaraw fejn qegħdin fil-lista ta’ stennija, ġew mgħarfin li hemm il-fuq minn 250 persuna qabilhom. Biex iżżid, din il-lista mhix pubblika, u b’hekk hemm nuqqas ta’ trasparenza.
Għall-kuntest, skont ir-rapport amministrattiv għall-istaġun 2022/23, li għadu kemm ġie ppubblikat mill-MFA stess, din is-sena ġew organizzati żewġ korsijiet tal-UEFA C Diploma, fejn ġew imħarrġa 63 kowċ. B’din ir-rata, min qiegħed fil-250 post tal-lista jonqsu 4 snin ta’ stennija sakemm jiġi mħarreġ.
Apparti minn hekk, jingħad li l-MFA taħdem b’sistema fejn ċertu plejers li jkunu laħqu ċertu tragwardi fil-karriera taghħom jitħallew jaqbżu kju. Dan hekk kif isirilhom taħriġ apposta għalihom li bih ikunu jistgħu jiksbu il-UEFA B Diploma u l-UEFA C Diploma f’daqqa f’kors wieħed.
Meta fil-passat xi applikanti staqsew x’inhi r-raġuni għalfejn hemm din l-istennija kollha, ic-Ċentru Tekniku qalilhom li dan huwa minħabba nuqqas ta’ riżorsi kif ukoll minħabba li r-restrizzjonijiet relatati mal-pandemija tefgħugħom lura. Madanakollu, dawn ir-restrizzjonijiet ġew imneħħija kompletament fuq sena ilu, u s-sitwazzjoni ma tidhirx li qed titjieb.