Balzan barra mill-UEFA Conference League

Draw ta’ 0-0 ma tkunx biżżejjed sabiex jgħaddu għall-fażi li jmiss

F’logħba ta’ kwalifikazzjoni għall-UEFA Conference League bejn Balzan FC u t-tim mill-Belarussja Neman Grodno, li ntlagħbet fis-Centenary Stadium, it-tim Malti kellu bżonn jirkupra minn telfa ta’ 2-0 sabiex jgħaddi għall-fażi li jmiss. Madanakollu, il-logħba ntemmet bl-iskor ta’ 0-0 u b’hekk Balzan sfaw eliminati.

Bdew għal Balzan FC: Danilo Golovic; Samir Arab, Andre, Momcilo Raso, Ivan Bozovic; Aleksa Andrejic, Jake Grech, Paul Fenech, Ryohei Michibuchi; Angel Torres, Peter Olawale

Bdew għal Neman Grodno: Konstantin Rudenok; Yurii Pantia, Ivan Sadovnichiy, Egor Parkhomenko, Andrei Vasilyev; Alimardon Shukurov, Mikhail Kozlov, Andrey Yakimov; Oleg Evdokimov, Sergei Karpovich, Yegor Zubovich

F’logħba fejn Balzan kellhom bżonn jiskurjaw tal-anqas żewġ gowls sabiex ikollhom tama li jikkwalifikaw, l-oppożizzjoni żammet dixxiplinata u ma ħallietx lok għall-opportunita sabiex dan iseħħ.

Il-partita kienet bilanċjata ferm, b’Balzan igawdu 55% tal-pussess kontra l-45% ta’ Neman Grodno. Balzan għamlu milli setgħu, b’sitt xuttijiet lejn il-lasta tal-oppożizzjoni, kontra t-tnejn ta’ Neman Grodno. Però, wieħed minn dawn ix-xuttijiet biss ta x’jagħmel lill-goalkeeper Rudenok, hekk kif il-ħamsa l-oħra ma kienux lejn il-lasta.

Ta’ min jinnota li t-tim mill-Belarussja naqqas mill-aggressività li wera fl-ewwel logħba, hekk kif ikkommettew biss 10 fouls tul il-partita. Dan huwa anqas minn nofs tal-21 li kkommettew il-ġimgħa li għaddiet.

Ir-riżultat ta’ 0-0 ma kienx biżżejjed għal Balzan, li issa jirritornaw fl-azzjoni mal-bidu tal-Premier League Malti.

Mill-istess kompetizzjoni, illejla Gzira United jaffaċċjaw lil F91 Dudelange f’Lussemburgu għal partita li se tintlagħab fis-7:30 p.m. Gzira rebħu l-ewwel logħba bl-iskor ta’ 2-0.

Il-Ħamis 3 t’Awwissu; Hamrun Spartans jilgħabu kontra Dinamo Tbilisi fil-Ġorġja. Il-partita se tinlagħab fis-6 p.m. Hamrun rebħu l-ewwel logħba f’darhom bl-iskor ta’ 2-1.

More in Lokali