Gzira United iġarrbu telfa u jgħaddu xorta
Wilkson b’gowl deċiżiv fit-tmiem
Logħba ta’ kwalifikazzjoni għall-UEFA Conference League, bejn Gzira United FC u t-tim mil-Lussemburgu F91 Dudelange, li ntlagħbet fil-Lussemburgu fi Stade Jon Haupert, intemmet bl-iskor ta’ 2-1 kontra it-tim Malti. Madanakollu, xorta kienu Gzira United li avvanzaw għar-rawnd li jmiss hekk kif kienu rebħu l-ewwel loghħba f’Malta bl-iskor ta’ 2-0.
Bdew għal Gzira United: David Cassar; Marcelo Dias, Andy Borg, Thiaguinho, Carlos Chaba; Macula, Zachary Scerri, Farid Romero; Brooklyn Borg, Jackson Mendoza, Wilkson
Bdew għal F91 Dudelange: Didier Desprez; Ismael Sibide, Dylan Kuete, Vicent Decker, Kino Delorge; Filip Bojic, Ouassiero, Edis Agovic, Bruno Freire; Samir Hadji, Oege-Sietse Van Lingen
Il-kowċ ta’ Gzira United Darren Abdilla ma għamel l-ebda bidla fl-ewwel 11 tal-ġimgħa li għaddiet, hekk kif għażel li jagħti fiduċja lill-istess plejers. Għal darb’oħra, Gzira għamlu logħba sħiħa taħt pressjoni enormi, u gawdew biss 24% tal-pussess. Għalkemm provaw jerġgħu jilgħabu fuq il-kontrattakk, strateġija li kienet ta’ suċċess fl-aħħar logħba, l-oppożizzjoni kienet preparata u wettqet 13-il foul sabiex timmitiga l-ħsara mill-ħarbiet tal-attakkanti Gżirjani.
Dudelange irreġistraw 21 xutt tul il-partita, għalkemm 14 minnhom ma kienux lejn il-lasta ta’ David Cassar. Minn naħa l-oħra, Gzira United kellhom biss 4 xuttijiet, bi 2 minnhom imorru barra.
L-ewwel gowl ġie fit-38 minuta, hekk kif freekick ta’ Hadji minn tarf il-kaxxa ġie diflett mill-barriera u qarraq bil-goalkeeper David Cassar.
Fl-84 minuta, reġa kien Hadji li skurja għal Dudelange, u b’hekk il-logħba dehret li sejra lejn il-ħin miżjud.
Minkejja dan, gowl ta’ Wilkson fis-87 minuta reġa ta lura l-vantaġġ fuq żewġ logħbiet lil Gzira United, li irnexxielhom iżommuh sat-tisfira finali, u b’hekk ikkwalifikaw għal-logħba li jmiss.
Għaldaqstant. Gzira United se jaffaċċjaw ir-rebbieħ ta’ bejn Victoria Plzen mir-Repubblika Ċeka, u Drita mill-Kosovo. L-ewwel logħba se tintlagħab f’dar l-oppożizzjoni, fl-10 t’Awwissu fit-8 p.m.